IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Tielet Ħadd  tar-Randan, 24 ta’ Marzu, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

L-Evanġelju ta’ dat-Tielet Ħadd tar-Randan (Lq 13, 1-9) ikellimna dwar il-ħniena t’Alla u l-konverżjoni tagħna.  Ġesù jirrakkonta l-parabbola tat-tina ħawlija.  Raġel ħawwel siġra tat-tin fl-għalqa tiegħu u b’ħafna fiduċja kull sajf kien imur ifittex il-frott bla ma jsib għax dik is-siġra kienet ħawlija.  Imqanqal minn din id-delużjoni li tittenna għal tliet snin, jaħseb biex iqaċċatha sabiex iħawwel oħra.  Għalhekk isejjaħ lill-bidwi tal-għalqa tad-dwieli, jistqarrlu l-iskutentizza tiegħu u jordnalu jaqta’ s-siġra biex ma tkiddx l-art għalxejn.  Imma l-bidwi jitlob lil sidu biex jieħu paċenzja u jitolbu jalliha sena oħra ħalli hu stess jagħti kas din it-tina b’attenzjoni akbar u b’hekk tibda tipproduċi l-frott.  Din hi l-parabbola.  X’tirrappreżenta dil-parabbla?  X’jirrappreżentaw il-persunaġġi ta’ dil-parabbola?

Is-sid huwa l-figura ta’ Alla l-Missier u l-bidwi hu xbieha ta’ Ġesù, fiwaqt li t-tina hi simbolu tal-umanità indifferenti u niexfa.  Ġesù jinterċedi għall-umanità quddiem il-Missier – u dan jagħmlu dejjem – u jitolbu jistenna u jtiha ftit aktar żmien biex fih forsi jinbet il-frott tal-imħabba u tal-ġustizzja.  It-tina li s-sid tal-parabbola jrid iqaċċat tirrappreżenta eżistenza ħawlija, bla ħila li tagħti, bla ħila li tagħmel it-tajjeb.  Hija simbolu ta’ min jgħejx għalih innifsu, imxabba’ u kalm, imxaħxaħ fil-kumditajiet tiegħu, bla ħila li jdawwar ħarstu u qalbu lejn min qiegħed maġenbu u jinsab f’kundizzjoni ta’ tbatija, ta’ faqar, svantaġġjat.  L-oppost għal dan l-atteġġjament ta’ egoiżmu u sterilità spiritwali hija l-imħabba kbira tal-bidwi lejn dik it-tina: iġiegħel lis-sid jistenna, għandu l-paċenzja, jaf jistenna, jagħti ħinu u ħidmitu.  Iwiegħed lis-sid li jieħu ħsieb speċjali ta’ dik is-siġra magħkusa.

U din is-similitudni tal-bidwi tikxef ċar il-ħniena t’Alla li jtina ż-żmien biex nikkonvertu.  Ilkoll kemm aħna jeħtieġ nikkonvertu, nagħmlu pass ‘il quddiem, il-paċenzja ta’ Alla, il-ħniena, takkumpanjana f’dan kollu.  Minkejja l-isterilità, li kultant timmarka l-eżistenza tagħna, Alla paċenzjuż, itina l-possibiltà li ninbidlu u li nimxu ‘l quddiem fit-triq tas-sewwa.  Iżda l-posponiment mitlub u milqugħ sakemm is-siġra fl-aħħar tagħti l-frott juri wkoll kemm hi urġenti l-konverżjoni.  Il-bidwi jgħid lis-sid: “Ħalliha għal dis-sena” (v. 8).  il-possibbiltà tal-konverżjoni mhix bla limiti; jeħtieġ li napprofittaw ruħna minnha bla tnikkir inkella tintilef għal dejjem.  Matul dar-Randan ma nistgħux noqgħodu naħsbu: x’nista’ nagħmel biex noqrob aktar lejn il-Mulej, biex nikkonverti, biex “inqaċċat” dak kollu li mhux jaħdem sewwa?  Le,  le, nistenna r-Randan li ġej”.  Imma inti se tkun għadek ħaj fir-Randan li jmiss?  Ilkoll kemm aħna naħsbu ftit illum: x’għandi nagħmel quddiem dil-ħniena t’Alla li qed jistennini u jaħfer dejjem?  X’għandi nagħmel?  Għandu jkollna fidi sħiħa fil-ħniena t’Alla imma bla ma nabbużaw minna.  Ma nistgħux niġġustifikaw l-għażż spiritwali, iżda għandna nseddqu l-impenn tagħna biex inwieġbu bla telf ta’ żmien għal dil-ħniena, b’qalb sinċiera.

Fi żmien ir-Randan il-Mulej jistedinna għall-konverżjoni.  Kull wieħed u waħda minna għandna nħossu dis-sejħa, nikkoreġu xi ħaġa f’ħajjitna, fil-mod kif naħsbu, kif naġixxu u kif inġibu ruħna fir-relazzjonijiet mal-proxxmu.  Fl-istess waqt għandna nimitaw il-paċenzja ta’ Alla li jafda fil-ħila li kulħadd għandu li “jqum” u jerġa’ jibda l-mixja.  Alla hu Missier u l-fjamma tnemnem ma jitfihiex, imma jakkumpanja u jikkura li min hu dgħajjef sabiex jissaħħaħ u jagħti sehemu bl-imħabba fil-komunità.  Il-Verġni Marija tgħinna ngħejxu dal-jiem ta’ tħejjija għall-Għid bħala żmien ta’ tiġdid spiritwali u ftuħ fiduċjuż għall-grazzja t’Alla u għall-ħniena tiegħu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

mis-27 ta’ Frar ‘l hawn, fin-Nikaragwa qed isiru taħdidiet importanti biex isolvu s-sitwazzjoni soċjo-politika gravi li hemm fil-pajjiż.  Jien qed nakkumpanja din l-inizjattiva bit-talb u ninkoraġġixxi lill-partijiet biex mill-aktar fis isibu soluzzjoni paċifika għall-ġid ta’ kulħadd.

Ilbieraħ f’Tarragona, fi Spanja, kien beatifikat Mariano Mullerat i Soldevila, missier ta’ familja u tabib żgħażugħ li miet ta’ 39 sena.  Kien jikkura t-tbatijiet fiżiċi u morali ta’ ħutu u b’ħajtu u bil-martirju tiegħu kien xhud tal-primat tal-karità u tal-maħfra.  Eżempju għalina lkoll li jiswielna ħafna biex naħfru, lilna lkoll.  Jalla hu jinterċedi għalina u jgħinna nterrqu t-toroq tal-imħabba u tal-fraternità minkejja d-diffikultajiet u l-provi tal-ħajja.  Nagħtu applaws lill-beatu l-ġdid!

Illum qed niċċelebraw Il-Jum Dinji tal-Missjunarji Martri.  Matul l-2018, madwar id-dinja kollha, bosta isqfijiet, saċerdoti u fidili lajċi sfaw vittmi tal-vjolenza filwaqt li nqatlu wkoll erbgħin missjunarju, kważi d-doppju tas-sena ta’ qabel.  Hu dmir tagħna u tal-Knisja kollha li nfakkru l-kalvarju ta’ żmienna ta’ ħutna persegwitati jew maqtulin minħabba l-fidi tagħhom f’Ġesù, iżda huwa wkoll stimolu biex bil-kuraġġ nagħtu xhieda tal-fidi tagħna u tat-tama li għandna f’dak li fuq is-Salib, b’imħabbtu għeleb darba għal dejjem il-mibgħeda u l-vjolenza

Nitolbu għall-għadd kbir ta’ vittmi tal-attentati diżumani ta’ dan l-aħħar li seħħew fin-Niġerja u fil-Mali.  Jalla l-Mulej jilqa’ lil dawn il-vittmi, ifejjaq il-ġrieħi, ifarraġ lill-familji u jikkonverti l-qlub kiefra.  Nitolbu: “Sliem għalik, Marija......”

Insellem lilkom ilkoll li ġejjin minn Ruma, mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-pellegrini minn Pola (il-Kroazja), Coslada (Spanja) u l-komunità tas-Seminarju Pontifiċju Franċiż.  Insellem lill-fidili minn Dogana, Carpi, Faenza, Castellammare di Stabia; lill-grupp tan-nisa li flimkien qed jaffaċċjaw mard partikolari; lill-iscouts minn Campobasso, lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Cervarese Santa Croce, liż-żgħażagħ tal-professjoni tal-fidi minn Renate, Veduggio u Rastignano, lilll-istudenti tal-Istituti tal-Aħwa tal-Iskejjel Kristjani minn Torin u Vercelli, u lil dawk tal-iskola Santa Dorotea minn Montecchio Emilia.

Għada, Festa tat-Tħabbira tal-Anġlu, se mmur Loreto fid-Dar tal-Verġni.  Għażilt dal-post biex hemmhekk niffirma l-Eżortazzjoni Appostolika dedikata liż-żgħażagħ.  Nistieden it-talb tagħkom sabiex “l-iva” ta’ Marija ssir “l-iva” ta’ bosta minna.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber