Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum, l-evanġelista Luqa, qabel ma jippreżenta d-diskors tal-pjan programmatiku ta’ Ġesù f’Nażaret, jiġbor fil-qosor il-ħidma tal-evanġeliżżazzjoni.  Hi ħidma li Hu jwettaq bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu: kliemu hu oriġinali għax jirrivela s-sens tal-Iskrittura: hija kelma awtorevoli, għax saħansitra jikkmanda lill-ispirti mniġġsa u dawn jobduh (cfrMark 1,27).  Ġesù hu differenti mill-imgħallmin ta’ żmienu: per eżempju, ma fetaħx skola għall-istudju tal-Liġi, imma jiġri minn post għal ieħor, kullimkien, biex jipprietka u jgħallem: fis-sinagogi, fit-toroq, fid-djar, dejjem idur!  Ġesù hu differnti minn Ġwanni l-Battista wkoll, dan iħabbar li l-ħaqq t’Alla jinsab fil-qrib, filwaqt li Ġesù jħabbar il-maħfra tiegħu ta’ Missier.

U issa nimmaġinaw li aħna wkoll dħalna fis-sinagoga ta’ Nażaret, il-villaġġ fejn Ġesù trabba sa ma kellu madwar tletin sena.  Dak li jiġri hemm ġew hu avveniment importanti, li jiddeskrivi l-missjoni ta’ Ġesù.  Hu jqum biex jaqra l-Iskrittura Mqaddsa.  Jiftaħ l-iskroll tal-Profeta Iżaija u jieħu l-pass fejn hemm miktub: “L-ispirtu tal-Mulej fuqi; għalhekk Hu kkonsagrani bid-dilka tiegħu u bagħtni nwassal il-Bxara t-Tajba lill-foqra (Luqa 4,18).  Imbagħad, wara ftit tas-silenzju mimli stennija minn kulħadd, jgħid, fost l-istagħġib ġenerali: “Illum qed isseħħ l-Iskrittura li għadkom kif smajtu” (v.21).

L-evanġeliżżazzjoni tal-foqra: din hi l-missjoni ta’ Ġesù skont kif jgħid Hu stess; din ukoll hi l-missjoni tal-Knisja u ta’ kulll min hu mgħammed fil-Knisja.  Li tkun Nisrani u missjunarju hi l-istess ħaġa.  It-tħabbir tal-Evanġelju bil-kelma u, qabel kollox, bil-ħajja, hu l-għan prinċipali tal-komunità Nisranija u ta’ kull membru tagħha.  Hawnhekk naraw li Ġesù jindirizza l-Bxara t-Tajba lil kulħadd, ħadd eskluż, anzi jipprivileġġja lill-aktar imbiegħda, lill-batuti, lill-morda, lil min hu skartat mis-soċjetà.

Nistaqsu lilna nfusna: xi jfisser li tevanġeliżża lill-foqra?  Fuq kollox ifisser li nersqu lejhom, ifisser li nfittxu l-ferħ fil-qadi li ntuhom, li neħilsuhom mill-jasar tagħhom, u dan kollu f’isem u bl-Ispirtu ta’ Kristu, għax huwa Hu nnifsu hu  l-Evanġelju ta’ Alla, huwa Hul-Ħniena t’Alla, huwa Hu l-ħelsien ta’ Alla, huwa Hu li ftaqar biex jgħanina bil-faqar tiegħu.  It-test ta’ Iżaija, imsaħħaħ minn tibdil ċkejken li daħħal fih Ġesù, juri li l-messaġġ Messjaniku tas-Saltna t’Alla li ġie fostna, hu mmirat b’mod preferenzjali lejn l-imwarrbin, il-ħabsin, l-imjassrin.

Probabbilment, fi żmien Ġesù dawn il-persuni ma kienux jingħataw attenzjoni mill-komunità tal-fidi.  Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: illum, fil-komunitajiet tagħna, aħna fidili lejn il-programm ta’ Kristu?  L-evanġel iżżazzjoni tal-foqra, it-twassil tal-Aħbar it-Tajba, hija prijorità?  Attenzjoni: dan ma jfissirx li toffri l-assistenza soċjali biss, anqas u anqas li tkun attività politika.  Ifisser li toffri l-qawwa tal-Evanġelju ta’ Alla, li jikkonverti l-qlub, ifejjaq il-ġrieħi, jittrasforma r-relazzjonijiet umani u soċjali skont il-loġika tal-imħabba.  Infatti, il-foqra, huma fil-qalba tal-Evanġelju.

Il-Verġni Marija, Omma l-Evanġeliżżaturi, tgħinna nħossu bil-qawwa l-ġuħ u l-għatx għall-Evanġelju li hawn fid-dinja, speċjalment fil-qalb u fil-laħam tal-foqra.  U jalla tikseb għal kull wieħed u waħda minna u għal kull komunità Nisranija, li nkunu xhieda konkreta tal-ħniena, il-ħniena kbira li rregalalna Kristu.


Wara l-Angelus:                                                  

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll li ġejtu minn diversi parroċċi tal-Italja u minn pajjiżi oħra kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet u lill-familji.

Insellem partikolarment lill-istudenti minn Zafra u lill-fidili minn Cervellò (dawn Spanjoli); lill-parteċipanti tal-kungress imniedi mill-”Komunità Dinjija għall-Meditazzjoni Nisranija”; lill-gruppi ta’ fidili li ġew mill-Arċidjoċesi ta’ Bari-Bitonto, minn Tarcento, Marostica, Prato, Abbiategrasso u Pero-Cerchiate.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija!  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber