Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

It-tieni qari tal-liturġija tal-lum jippreżentalna l-eżortazzjoni li San Pawl jagħmel lil Timotju, kollaboratur tiegħu u iben maħbub, li biha jgħarbel l-eżistenza tiegħu ta’ appostlu mogħti b’ruħu u b’ġismu għall-missjoni (cfr 2 Tim 4,6-8.16-18).  Hu hu jara t-tmiem tal-mixja tiegħu fid-dinja toqrob, jiddeskriviha fi tliet staġuni: il-preżent, il-passat, il-futur.

Il-preżent jinterpretah bil-metafra tas-sagrifiċċju: «Ngħid għalija demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju» (v. 6).  Rigward il-passat, Pawlu jitkellem dwar ħajtu l-imgħoddija bix-xbieha «tat-taqbida t-tajba» u «tat-tellieqa», ta’ bniedem li baqa’ koerenti mal-impenji u r-responsabbiltajiet tiegħu (cfr v. 7); bħala konsegwenza, għall-futur jafda fil-ġudizzju ta’ Alla li hu «Imħallef ġust»(v.8).  Imma l-missjoni ta’ Pawlu kienet effikaċi, ġusta u fidila minħabba l-qrubija tiegħu u l-qawwa tal-Mulej, li għamel minnu ħabbâr tal-Evanġelju għall-popli kollha.  Din hi l-istqarrija tiegħu: «Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha» (v. 17).

Dar-rakkont awtobiografiku ta’ San Pawl hu mera tal-Knisja, speċjalment illum, il-Ġurnata Missjunarja Dinjija, li t-tema tagħha hi “Knisja Missjunarja, Xhieda tal-Ħniena”.  Il-komunità nisranija f’Pawlu għandha l-mudell tagħha, bil-konvinzjoni li hi l-preżenza tal-Mulej li tagħmel il-ħidma appostolika u l-opra tal-evanġeliżżazzjoni, effikaċi.  L-esperjenza tal-Appostlu tal-Ġnus tfakkarna li aħna għandna nimpenjaw ruħna fl-attivitajiet pastorali u missjunarji, min-naħa qiesu li r-riżultat jiddependi mill-isforzi tagħna, bl-ispirtu ta’ sagrifiċċju tal-atleta li ma jieqafx lanqas quddiem telfa; min-naħa l-oħra però, bl-għarfien li l-veru suċċess tal-missjoni tagħna hi don tal-Grazzja: il-missjoni tal-Knisja fid-dinja hija effikaċi bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu.

Illum hu żmien il-missjoni u hu żmien il-kuraġġ!  Il-kuraġġ li nsaħħu l-passi inċerti tagħna, li niksbu mill-ġdid il-gost li nbatu għall-Evanġelju, li niksbu lura l-fiduċja fil-qawwa li ġġib magħha l-missjoni.  Hu żmien il-kuraġġ, anki jekk li jkollok kuraġġ ifisser li mhux bilfors għandek il-garanzija li se tikseb suċċess.  Aħna mitlubin nimtlew bil-kuraġġ biex nitqabdu, mhux bilfors biex nirbħu, mhux bilfors biex nikkonvertu lill-ħaddieħor.  Il-kuraġġ mitlub minna hu li nkunu alternattiva fid-dinja, però bla ma nkunu polemiċi jew aggressivi.  Meħtieġ il-kuraġġ fina biex ninfetħu għal kulħadd, mingħajr qatt ma nċekknu l-fatt li Kristu hu assolut u uniku, Salvatur waħdieni ta’ kulħadd.  Jeħtieġ ikollna l-kuraġġ biex nirreżistu n-nuqqas ta’ twemmin mingħajr ma nkunu arroganti.  Mitlub minna wkoll il-kuraġġ tal-Pubblikan tal-Evanġelju, li bl-umiltà ma ażżardax jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “Mulej, ikollok ħniena minni, għax jiena midneb”.  Illum hu żmien il-kuraġġ!  Illum jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ!

Il-Verġni Marija, “mudell” tal-Knisja li toħroġ u doċli għall-Ispirtu s-Santu, tgħinna biex, bis-saħħa tal-Magħmudija tagħna, ilkoll inkunu dixxipli missjunarji biex inwasslu l-messaġġ tas-salvazzjoni lill-familja umana kollha.

 

APPELL

F’dawn il-mumenti drammatiċi, jien qrib tal-poplu Iraqqin kollu, partikolarment dawk li jgħixu f’Mosul.  Qlubna huma mriegħdin mill-atti krudili ta’ vjolenza li għal wisq żmien ilhom jitwettqu fuq ċittadini innoċenti, kemm jekk Musulmani, Insara jew li jiffurmaw parti minnn etniji u reliġjonijiet oħra.  Bqajt imnikket bis-sħiħ meta smajt bil-qtil kiesaħ u biered ta’ bosta ulied ta’ dik l-art maħbuba, fosthom anki ħafna tfal.  Din il-kattiverja tbikkina.  Flimkien mas-solidarjetà ngħaqqad il-kelma tiegħi li niftakar fihom fit-talb, sabiex l-iraq, minkejja li milqut b’tant kefrija, jibqa’ sod fit-tama li jista’ jimxi lejn futur ta’ sigurtà, rikonċiljazzjoni u paċi.  Għaldaqstant nitlobkom tingħaqdu miegħi bit-talb fis-skiet.

(Silenzju u wara l-Ave Maria)

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn bosta pajjiżi oħra, nibda mill-Pollakki li hawn f’Ruma, u f’Pajjiżhom, qed ifakkru l-1050 anniversarju minn mindu daħal il-Kristjaneżmu fil-Polonja.

Nilqa’ bil-ferħ lill-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-Ġublew tal-Korijiet tal-Italja, lill-atleti  li ġew f’ġirja minn Assisi li qed jirrappreżentaw lill assoċjazzjojnijiet Pro Loco tal-Italja. U liż-żgħażagħ tal-Konfraternitajiet tad-Djoċesijiet tal-Italja.

Hawn preżenti mbagħad, gruppi ta fidili minn ħafna parroċċi Taljani: mhux possibbli li nsemmihom kollha waħda waħda, imma ninkoraġġihom biex jibqgħu mexjin bil-ferħ fit-triq tal-fidi.  Ħsieb speċjali  jmur lejn il-komunità Peruvjana ta’ Ruma, li hi miġbura hawn flimkien max-xbieha qaddisa “Señor de los Milagros” (Il-Mulej tal-Mirakli).

Insellem u nirringrazzja lil kulħadd b’imħabba.    Il-Ħadd it-tajjeb!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber