Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum jitemm il-qari tas-sitt kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann, bid-diskors dwar “Il-Ħobż tal-Ħajja” li Ġesù għamel l-għada li kien wettaq il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut.  Fi tmiem dak id-diskors, l-entużjażmu kbir tal-jum ta’ qabel kien intefa’ għax Ġesù qal li hu l-Ħobż li niżel mis-sema, u li kellu jagħti ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb, biex b’mod ċar ħabbar dak li kellu jiġri minn ħajtu.  Dak il-kliem nissel delużjoni fin-nies għax iġġudikawh li ma kienx dehen tal-Messija, għax ma kienx kliem “rebbieħ”.  Xi wħud minnhom kienu jħarsu lejn Ġesù bħala l-Messija li kellu jitkellem u jaġixxi b’mod li l-missjoni tiegħu jkollha suċċess, immedjat.  Imma propju fuq dan kienu żbaljati: fuq il-mod kif kienu jifhmu l-missjoni tal-Messija!  Saħansitra l-istess dixxipli ma jirnexxilhomx jaċċettaw dak il-lingwaġġ li jħassbek tal-Imgħallem.  U s-silta tal-lum titkellem dwar l-iskumdità tagħhom: «Dil-kelma tqila! – bdew jgħidu – Min jista’ jismagħha?ì (Ġwanni 6, 60).

Fis-sew huma kienu fehmuh tajjeb id-diskors ta’ Ġesù.  Tant tajjeb li ma ridux jisimgħuh għax kien kliem li daħħal il-mentalità tagħhom fi kriżi.  Kliem Ġesù dejjem idaħħalna fi kriżi, per eżempju quiddiem l-ispirtu tad-dinja, quddiem il-mondanità.  Imma Ġesù jffri l-muftiħ biex aħna ngħelbu d-diffikultajiet; muftiħ magħmul minn tliet elementi.  L-ewwel: l-oriġini divina tiegħu:  Hu nżel mis-sema u «se jerġa’ jitla’ fejn kien qabel» (v. 62).  It-tieni: kliemu jista’ jinftiehem biss bis-saħħa tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, dak li «jagħti l-ħajja» (v, 63) hu propju l-Ispirtu s-Santu li jgħinna nifhmu tajjeb lil Ġesù.  It-tielet: ir-raġuni vera li kliemu ma jinftiehemx hi n-nuqqas ta’ fidi: «Fostkom hemm min ma jemminx« (v. 64),  jgħid Ġesù.  Infatti, jgħid l-Evanġelju, minn dak il-ħin «ħafna mid-dixxipli tiegħu telquh» (v 66).  Quddiem dawk li abbandunawh Ġesù ma jraħħasx, ma jrattabx kliemu, anzi jġiegħel lil min fadal jagħmel għażla preċiża: jew miegħu jew mifrudin minnu u lit-tnax jgħidilhom: «Tridux titilqu intom ukoll?»

F’dal-ħin Pietru jagħmel l-istqarrija tal-fidi tiegħu f’isem l-Appostli l-oħra: «għand min immorru?  Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem» (v. 68).  Ma jgħidx “fejn immorru?”, imma “għand min immorru?”  Il-problema prinċipali mhix li wieħed jitlaq u jabbanduna dak li jkun qed jagħmel, imma għand min imur.  Minn dik il-mistoqsija ta’ Pietru aħna nifhmu li l-fedeltà lejn Alla hi kwistjoni ta’ fedeltà lejn persuna li magħha nintrabtu biex nimxu magħha fl-istess triq.  Din il-persuna hi Ġesù.  Dak kollu li għandna f’did-dinja qatt mhu xe jxebba’ l-ġuħ tagħna għal dak li hu infinit.  Għandna bżonn lil Ġesù, noqgħodu miegħu, nitrejqu mill-medja tiegħu, bil-kliem tal-ħajja ta’ dejjem tiegħu!

Li nemmnu f’Ġesù jfisser li Hu jsir iċ-ċentru, is-sens ta’ ħajjitna.  Kristu mhux xi element aċċessorju: Huwa “l-ħobż ħaj”, l-ikel indispensabbli.  Ir-rabta miegħu f’għaqda vera ta’ fidi u mħabba, ma tfissirx li nkunu marbutin bil-ktajjen, imma li nkunu profondament ħielsa, dejjem f’mixja.  Kull wieħed u waħda minnha nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Min hu Ġesù għalija?  Hu isem, idea, persunaġġ storiku biss?  Jew hu verament dik il-persuna li tħobbni u li tat ħajjitha għalija u timxi miegħi?  Min hu Ġesù għalik?  Int qiegħed ma’ Ġesù? Tipprova tkun tafu permezz tal-kelma tiegħu?  Tarqa silta mill-Evanġelju kuljum biex tkun taf lil Ġesù?  Iżżomm il-ktieb tal-Evanġelju fil-but, fil-basket, biex tkun tista’ taqrah kullimkien?  Għax aktar ma nkunu miegħu aktar tikber fina l-ħajra biex nibqgħu miegħu.  Issa nitlobkom bil-kortesija, biex nagħmlu waqt ta’ skiet u kulħadd, f’qalbu, jistaqsi lilu nnifsu: «Min hu Ġesù għalija?»  Fis-skiet kulħadd iwieġeb f’qalbu.

Il-Verġni Marija tgħinna “mmorru” dejjem għand Ġesù biex inħossu l-libertà li Hu joffrilna, u li tgħinna nnaddfu l-għażliet tagħna mill-qxur mondani u mill-biżgħat.


APPELL

Bi tħassib qed insegwi l-kunflitt li għaddej fil-lvant tal-Ukranja, li reġa’ tkebbes dawn l-aħħar ġimgħat.  Intenni l-appell tiegħi biex l-impenji miftehema jkunu rispettati ħalli tasal il-paċi biex bl-għajnuna tal-organiżżazzjonijiet u tal-persuni ta’ rieda tajba tingħata tweġiba għall-emerġenza umanitarja tal-Pajjiż.  Il-Mulej jagħti l-paċi lill-Ukranja li għada se tiċċelebra l-festa nazzjonali.  Jalla tidħol għalikom il-Verġni Marija!


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lill-pellegrini kollha minn Ruma u mill-Pajjiżi l-oħra, partikolarment lis-seminaristi l-ġodda tal-Kulleġġ Pontifiċju tal-Amerika ta’ Fuq, li qiegħdin Ruma biex jibdew l-istudji tat-teoloġija.

Insellem lill-grupp sportiv minn San Giorgio sul Legnano, lill-fidili minn Luzzana u minn Chioggia; lill-adoloxxenti u liż-żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Verona.

U matul dil-ġimgħa tinsewx tieqfu kuljum għal xi waqtiet biex tagħmlu l-mistoqsija: «Min hu Ġesù għalija?» u kulħadd iwieġeb f’qalbu.

Nawgura lil kulħadd il-jum it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija!  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber