Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-paġna evanġelika tal-lum ittina tliet parabboli li bihom Ġesù jkellem lill-follol dwar is-Saltna t’Alla.  Se nieqaf fuq l-ewwel waħda: dik tal-qamħ u s-sikrana, li tiċċara l-problema tal-ħażen fid-dinja u tqiegħed enfasi fuq il-paċenzja ta’ Alla (cfr Mt 13,24-30.36-43).  Kemm għandu paċenzja Alla!  Kull wieħed u waħda minna wkoll nistgħu ngħidu dan: “Kemm hu paċenzjuż miegħi Alla!”  Ir-rakkont iseħħ f’għalqa bejn żewġ protagonisti wieħed kontra l-ieħor.  Min-naħa sid l-għalqa li jirrappreżenta lil Alla u jferrex iż-żerriegħa t-tajba; min-naħa l-oħra l-għadu li jirrappreżenta lil Satana u jferrex il-ħaxix il-ħażin.

Maż-żmien, qalb il-qamħ tikber ukoll is-sikrana, u quddiem dal-fatt, is-sid u l-qaddejja tiegħu jieħdu atteġġjamenti differenti.  Il-qaddejja jixtiequ jagħmlu xi ħaġa u jridu jaqilgħu s-sikrana; imma s-sid, li aktar minn kollox ħsiebu hu li jsalva l-qamħ, hu kontra, u jgħid: «Ma jiġrix li, waqt li tkun tinqala’ s-sikrana, magħha taqilgħu ukoll il-qamħ» (v. 29).  B’din it-tixbiha Ġesù qed jgħidilna li f’did-dinja t-tajjeb u l-ħażin huma tant minsuġa ma’ xulxin li huwa impossibbli tifridhom biex jinqered il-ħażin kollu.  Alla biss jista’ jagħmlu dan, u se jagħmlu fil-ġudizzju universali. Bl-ambigwità u l-karattru mżewwaq tagħha, is-sitwazzjoni tal-lum hija l-għalqa tal-libertà, l-għalqa tal-libertà tal-Insara, li fiha jsib il-milja tiegħu l-eżerċizzju diffiċli tad-dixxerniment bejn it-tajjeb u l-ħażin.

U għalhekk, f’dan l-isfond il-bniedem irid jgħaqqad flimkien, b’fiduċja kbira f’Alla u fil-providenza tiegħu, żewġ atteġġjamenti li fid-dieher huma kontradittorji: id-deċiżjoni u l–paċenzja.  Id-deċiżjoni hi dik li wieħed jixtieq ikun il-qamħ it-tajjeb – ilkoll nixtiequh dan -, bis-saħħa tiegħu kollha, u għalhekk jinqata’ bogħod mil-malinn u minn dak li jisseduċi.  Il-paċenzja tfisser li wieħed jippreferi Knisja li tkun il-ħmira fl-għaġna, li ma tibżax tħammeġ idejha billi taħsel il-ħwejjeġ ta’ uliedha, aktar milli Knisja ta’ (nies) “safja”, li tippretendi li tiġġudika qabel iż-żmien min hu fis-Saltna t’Alla u min m’huwiex.

Il-Mulej, li hu l-inkarnazzjoni tal-għerf, jgħinna llum nifhmu li t-tajjeb u l-ħażin ma nistgħux inħarsu lejhom bħala oqsma magħluqin biċ-ċnut jew xi gruppi umani partikolari: “Dawn huma t-tajbin, dawn huma l-ħżiena”.  Hu jgħid li l-konfini bejn it-tajjeb u l-ħażin jgħaddu mill-qalb ta’ kull persuna, jgħaddu mill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, jiġifieri : Ilkoll kemm aħna midinbin.  Tiġini ħajra nistaqsikom: “Min minnkom mhux midneb jgħolli idu”.  Ħadd!  Għax aħna lkoll midinbin. Bil-mewt fuq is-salib u l-qawmien tiegħu Ġesù ħelisna mill-jasar tad-dnub u jtina l-grazzja li nimxu fi triq ġdida; imma mal-Magħmudija tana wkoll il-Qrar, għaliex dejjem neħtieġu l-maħfra ta’ dnubietna.  Jekk nibqgħu dejjem inħarsu biss lejn il-ħażin li hemm ‘il barra minna, jfisser li ma rridux nagħrfu d-dnub li hemm fina wkoll.

U mbagħad Ġesù jgħallem mod ieħor kif inħarsu l-għalqa tad-dinja, biex nosservaw ir-realtà.  Aħna msejħin biex nitgħallmu r-ritmi ta’ Alla – li mhumiex ir-ritmi tagħna – u wkoll “il-ħarsa” t’Alla: grazzi għall-effetti fejjieda ta’ stennija ħerqana, dak li kien sikrana jew li kien donnu sikrana, jista’ jsir prodott tajjeb.  Hija r-realtà tal-konverżjoni.  Hija l-prospettiva tat-tama!

Il-Verġni Marija tgħinna biex fir-realtà li aħna mdawwrin biha, nilmħu mhux biss il-ħmieġ u l-ħażen, imma wkoll it-tajjeb u s-sabiħ; biex inċarrtu l-maskra tal-ħidma ta’ Satana, imma fuq kollox, biex ikollna fiduċja fl-għemil ta’ Alla li jgħallel (jiffertiliżża) l-istorja.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Qed insegwi b’ansjetà kbira t-tensjonijiet perikolużi li nħolqu dal-ġranet f’Ġerusalemm.  Inħoss il-bżonn li nagħmel appell minn qiegħ qalbi biex ikun hemm il-moderazzjoni u d-djalogu.  Nistedinkom tingħaqdu miegħi bit-talb sabiex il-Mulej idawwal lil kulħadd b’għanijiet ta’ rikonċiljazzjoni u paċi.

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn inħawi oħra tad-dinja: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-assoċjazzjonijiet.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Munster (L-Irlanda); lis-Sorijiet Franġiskani Eliżabettjani Bigie; lill-kor liriku-sinfoniku minn Enna; liż-żgħażagħ minn Casamassima li kienu qed jagħtu servizz ta’ volontarjat f’Ruma.

Ħsiebi u l-inkuraġġjament tiegħi imorru lejn iż-żgħażagħ tal-“Cantiere Hombre Mundo” li huma impenjati fix-xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju fil-periferiji l-aktar foqra f’diversi kontinenti.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jgħoġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber