PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru, 23 ta’ Ġunju 2013

"Tibżgħux tmorru kontra l-kurrent!  Rabbu l-kuraġġ!"

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-evanġelju tal-lum tinstema’ waħda mill-aktar kelmiet li jaqtgħu ta’ Ġesù: “Min irid isalva ħajtu, jitilfha, imma min jitlef ħajtu minħabba fija, isalvaha” (Lq 9,24).

Hawn insibu l-messaġġ ta’ Kristu fil-qosor, u dan hu muri b’paradoss tajjeb ħafna, li jgħallimna l-mod kif hu jitkellem, kważi jsemmagħna leħnu...  Imma xi jfisser “titlef ħajtek minħabba Ġesù”?  Dan jista’ jseħħ b’żewġ modi:  jew billi wieħed jistqarr il-fidi tiegħu b’mod espliċitu, inkella billi wieħed jiddefendi l-verità bla ħabi.  Il-martri huma l-għola eżempju ta’ kif wieħed jitlef ħajtu għal Kristu.  Matul elfejn sena n-numru ta’ nisa u rġiel li ssagrifikaw ħajjithom biex jibqgħu fidili lejn Ġesù Kristu u lejn il-messaġġ tiegħu jagħqdu folla kbira.  U llum, f’ħafna partijiet tad-dinja, hemm ħafna, ħafna, - aktar milli fl-ewwel sekli – ħafna martri, li jagħtu ħajjithom għal Kristu, li huma mwassla sal-mewt talli ma jiċħdux lil Ġesù Kristu.  Din hija l-Knisja tagħna.  Illum għandna aktar martri milli fl-ewwel sekli!  Imma hemm ukoll il-martirju ta’ kuljum, li ma jinkludix il-mewt imma hu wkoll mod ta’ kif “titlef ħajtek għal Kristu”, billi wieħed jaqdi dmiru b’imħabba, skont il-ħsieb ta’ Ġesù, il-ħsieb tal-offerta, tas-sagrifiċċju.  Ejjew naħsbu ftit: kemm missirijiet u ommijiet kuljum ipoġġu l-fidi tagħhom fil-prattika billi joffru b’mod konkret il-ħajja tagħhom għall-ġid tal-familja!  Ejjew naħsbu f’dawn!  Kemm saċerdoti, patrijiet u sorijiet joffru b’ġenerosità is-servizz tagħhom għas-saltna ta’ Alla!  Kemm żgħażagħ iwarrbu l-interessi tagħhom biex jiddedikaw ħidmiethom għat-tfal, għall-persuni b’diżabilità, għall-anzjani... Dawn ukoll huma martri!  Martri ta’ kuljum, martri tal-ħajja ta’ kuljum.

Imbagħad hemm ħafna persuni, insara u mhumiex, li “jitilfu ħajjithom” għall-verità.  U Kristu qalilna “Jien il-verità”, mela min jaqdi l-verità jaqdi lil Kristu.  Wieħed minn dawn in-nies, li ta ħajtu għall-verità, hu Ġwannni l-Battista: għada, l-24 ta’ Ġunju, hija l-festa kbira, is-solennità tat-twelid tiegħu.  Ġwanni kien magħżul minn Alla biex iħejji t-triq quddiem Ġesù, u hu wrieh lill-poplu ta’ Iżrael bħala l-Messija, il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dnija (cfr Ġw 1,29).  Ġwanni kkonsagra lilu nnifsu kompletament lil Alla u lil dak li huwa bagħat, Ġesù.  Imma, fl-aħħar, x’ġara?  Miet minħabba l-verità, meta kkundanna l-adulterju bejn is-sultan Erodi u Erodiade.  Kemm nies iħallsu bi prezz għoli l-impenn tagħhom lejn il-verità!  Kemm nies sewwa jippreferu jmorru kontra l-kurrent, basta ma jiċħdux il-leħen tal-kuxjenza, il-leħen tal-verità!  Nies sewwa, li ma jibżgħux imorru kontra l-kurrent!  U aħna, m’għandniex nibżgħu!  Fostkom hemm ħafna żgħażagħ.  Lilkom żgħażagħ ngħidilkom: Tibżgħux tmorru kontra l-kurrent, meta jridu jisirqulna t-tama, meta jipproponulna dawn il-valuri mħassrin, valuri li huma bħall-ikel li qras u meta l-ikel jiqras jagħmlilna l-ħsara; dawn il-valuri jagħmlulna l-ħsara. Irridu mmorru kontra l-kurrent! U intom, żgħażagħ, kunu tal-ewwel: morru kontra l-kurrent u kunu kburin li qed tmorru kontra l-kurrent. Isaw, rabbu l-kuraġġ u morru kontra l-kurrent! U kunu kburin li qed tagħmu dan!

Għeżież ħbieb, ejjew nilqgħu bil-ferħ din il-kelma ta’ Ġesù.  Din hija regola tal-ħajja li hija mwassla lil kulħadd.  U jalla San Ġwanna Battista jgħinna npoġġuha fis-seħħ.  F’din it-triq timxi quddiemna, bħal dejjem, Ommna, l-Imqaddsa Marija: hi tilfet ħajjitha għal Ġesù, sas-Salib, u ngħatatilha lura b’mod sħiħ, bid-dija u l-ġmiel kollu tal-Qawmien.  Ħa tgħinna Marija nagħmlu tagħna dejjem aktar il-ħsieb tal-Vanġelu.


Wara l-Angelus

Ftakru sewwa: Tibżgħux tmorru kontra l-kurrent!  Rabbu l-kuraġġ!  U hekk, l-istess kif aħna ma rridux nieklu ikel qares, ejjew ma nġorrux magħna dawn il-valuri mħassrin u li jirvinaw il-ħajja, u jneħħu t-tama. Isaw!

Insellmilkom bil-qalb: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet, l-iskejjel.  Insellem l-istudenti tal-Liċeo djoċesan ta’ Vipàva fis-Slovenja; il-komunità Pollakka ta’ Ascoli Piceno; l’UNITALSI ta’ Ischia di Castro; iż-żgħażagħ tal-Oratorju ta’ Urgnano – qed nara hawn il-bandiera tagħhom, Bravi, kunu bilgħaqal intom! –, l-insara ta’ Pordenone; is-Sorijiet u l-ħaddiema tal-Isptar “Miulli” ta’ Acquaviva delle Fonti; grupp ta’ delegati sindakali mill-Veneto.

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Itolbu għalija u l-ikla t-tajba!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia