Il-Papa Franġisku

Angelus

Il-Ħadd, 23 ta’ Marzu 2014

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Il-vanġelu tal-lum jippreżentalna l-laqgħa ta’ Ġesù mas-Samartinata, li seħħ f’Sikar, qrib bir antik fejn il-mara ta’ kuljum kienet tmur biex tieħu l-ilma.  Dakinhar sabet hemm lil Ġesù, bilqiegħda, «għajjien mill-mixi» (Ġw 4,6).  Ħin bla waqt jgħidilha: «Agħtini nixrob» (v. 7).  Hekk jegħleb il-ħajt ta’ ostilità li kien hemm bejn il-Lhud u s-Samaritani kif ukoll ikisser il-mentalità ta’ preġudizzju kontra n-nisa.  It-talba sempliċi ta’ Ġesù hija l-bidu ta’ djalogu seren, li permezz tiegħu Hu, b’ħafna ħlewwa, jidħol fid-dinja privata ta’ persuna li, skont il-mentalità ta’ żmienu anqas biss messu kellimha.  Imma Ġesù dan jagħmlu!  Ġesù ma jibżax minn dak li jistgħu jgħidu n-nies.  Ġesù, meta jara persuna, jersaq lejha, għax iħobb.  Lilna jħobbna lkoll.  Qatt ma jżomm ‘il bogħod minn persuna minħabba l-preġudizzji.  Ġesù jpoġġiha quddiem il-qagħada vera tagħha, mhux billi jiġġudikaha, imma billi jwassalha biex tħoss li hi stmata, magħrufa, u hekk iqanqal fiha x-xewqa li tmur ‘il hemm mir-rutina ta’ kuljum.

Dak ta’ Ġesù, aktar milli kien għatx għall-ilma, kien għatx biex jiltaqa’ ma’ ruħ li kienet birdet.  Ġesù kellu bżonn jiltaqa’ mas-Samaritana biex jiftħilha qalbha: jitlobha ttih x’jixrob biex jikxef l-għatx li kien hemm fiha stess.  Il-mara tibqa’ milquta minn din il-laqgħa: tpoġġi quddiem Ġesù dawk il-mistoqsijiet profondi li aħna lkoll għandna, imma li spiss ma nagħtux każhom.  Aħna wkoll għandna ħafna mistoqsijiet x’nistaqsu, imma ma nsibux il-kuraġġ li nkellmu lil Ġesù dwarhom!  Ir-Randan, għeżież ħuti, huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħtu titwila ġo fina nfusna, biex inpoġġu fil-wiċċ il-bżonnijiet spiritwali tagħna l-aktar importanti, u biex nitolbu lill-Mulej jgħinna fit-talb.  L-eżempju tas-Samaritana jistedinna biex ngħidulu hekk: “Ġesù, tini dak l-ilma li jaqtagħli l-għatx għal dejjem”.

Il-Vanġelu jgħidilna li d-dixxibli baqgħu mistagħġba li l-Imgħallem tagħhom kien qed jitkellem ma’ dik il-mara.  Imma l-Mulej hu akbar mill-preġudizji u għalhekk xejn ma jiddejjaq jieqaf mas-Samaritana: il-ħniena hija akbar mill-perġudizju.  Dan għandna nitgħallmuh sew!  Il-ħniena hija akbar mill-preġudizzju, u Ġesù huwa ħanin ħafna, ħafna!  Ir-riżultat ta’ dik il-laqgħa ħdejn il-bir kien li l-mara ġiet mibdula: « ħalliet hemmhekk il-ġarra » (v. 28), li biha kienet tiġi biex tieħu l-ilma, u ġriet lejn il-belt biex tirrakkonta l-esperjenza straordinarja li kellha.  “Sibt raġel li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?” Kienet mimlija entustjażmu.  Kienet marret biex iġġib l-ilma mill-bir, u sabet ilma ieħor, l-ilma ħaj tal-ħniena li tnixxi għall-ħajja ta’ dejjem.  Sabet dak l-ilma li minn dejjem kienet tfittex!  Tiġri lejn il-belt, dik il-belt li kienet tiġġudikaha, li kienet tikkundannaha u tismerraha, u hemm tħabbar li ltaqgħet mal-Messija: raġel li bidlilha ħajjitha.  Għax kull laqgħa ma’ Ġesù tibdlilna ħajjitna, dejjem.  Dan hu pass ‘il quddiem, pass eqreb lejn Alla.  U hekk kull laqgħa ma’ Ġesù tibdlilna ħajjitna.  Dejjem, dejjem jiġri hekk.

F’dan il-Vanġeli aħna wkoll insibu t-tqanqila biex “inħallu hemmekk il-ġarra tagħna”, il-ġarra li hi s-simbolu ta’ dak kollu minn barra jidher li hu importanti, imma li quddiem l-«imħabba ta’ Alla» jitlef il-valur tiegħu.  Ilkoll kemm aħna għandna waħda, jew anke aktar minn waħda!  Inpoġġi din il-mistoqsija lilkom u lili nnifsi: “Liema hi l-ġarra li ġġorr f’qalbek, dik li ttaqlek u li tbegħdek minn Alla?”  Ejjew inpoġġuha ftit fil-ġenb u nisimgħu b’qalbna lil Ġesù joffrilna ilma ieħor, ilma li jressaqna aktar lejn il-Mulej. Aħna msejħin biex nagħrfu mill-ġdid l-importanza u t-tifsira tal-ħajja nisranija tagħna, li bdiet bil-Magħmudija u li , bħas-Samaritana, għandna nixduha quddiem ħutna.  X’nixhdu? Il-ferħ! Nixhdu l-ferħ tal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, għax għedtilko li kull laqgħa tagħna ma’ Ġesù tibdlilna ħajjitna, u kull laqgħa ma’ Ġesù timliena wkoll bil-ferħ, dak il-ferħ li jiġi minn ġewwa.  U hekk hu l-Mulej.  U hekk għandna nitkkellmu dwar il-ħwejjeġ sbieħ li l-Mulej jagħmel f’qalbna, meta nisbu l-kuraġġ li nħallu hemmekk il-ġarra tagħna.

_____

Wara l-Angelus il-Papa wassal dawn it-tislijiet:

Għeżież ħuti,

issa niftakru dawn iż-żewġ frażijiet: kull laqgħa tagħna ma’ Ġesù tibdlilna ħajjitna, u kull laqgħa ma’ Ġesù timliena bil-ferħ.  Ngħiduha flimkien? Kull laqgħa tagħna ma’ Ġesù tibdlilna ħajjitna; kull laqgħa ma’ Ġesù timliena bil-ferħ. Hekk hu.

Għada jaħbat il-Jum Dinji tat-Tuberkulosi: nitolbu għal dawk kollha li huma milqutin minn din il-marda u għal dawk kollha li b’xi mod jgħinuhom.

Nhar il-Ġimgħa u nhar is-Sibt li ġej se ngħixu mument speċjali ta’ penitenza, li jismu “24 siegħa għall-Mulej”.  Jibda b’ċelebrazzjoni fil-bażilka ta’ San Pietru l-Ġimgħa filgħaxija, imbagħad tul il-lejl xi knejjes fiċ-ċentru ta’ Ruma se jkunu miftuħin għat-talb u għall-qrar.  Se tkun – nistgħu nsejjħulha hekk – se tkun il-festa tal-maħfra, li se tiġi organizzata wkoll f’ħafna djoċesijiet u parroċċi fid-dinja.  Il-maħfra li jagħtina l-Mulej għandha tiġi festeġġjata, kif jagħmel il-missier fil-parabbola tal-iben il-ħali, li meta ra lil ibnu lura d-dar għamel festa, u nesa d-dnubiet kollha tiegħu.  Se tkun il-festa tal-maħfra.

U issa nsellmilkom minn qalbi, insara ta’ Ruma u pellegrini minn ħafna pajjiżi, b’mod partikulari dawk li ġejjin miż-Żagreb u minn Zadara fil-Kroazja, kif ukoll dawk minn Bocholt fil-Ġermanja; l-iskola “Capitanio” ta’ Seto-Shi, fil-Ġappun; l-istudenti ta’ Illilois (fl-Istati Uniti tal-Amerika) u dawk ta’ Ferrol (fi Spanja)

Tislima partikolari tmur għal dawk li qed jieħdu sehem fil-maratona u għal dawk li organizzaw dan l-avveniment sportiv fil-belt tagħna.

Insellem il-komunità tal-Kulleġġ Pontifiċju Ġermaniku-Ungariku, ir-responsabbli nazzjonali tal-FUCI, il-katekisti li ġew għall-kors fuq l-arti viżiva u l-katekeżi, u dawk kollha li qed jieħdu sehem fil-konvenju “F’dak li hu mnissel hemm il-wiċċ ta’ Kristu”.

Ħsieb speċjali jmur għall-insara li ġew minn Altamura, Matera, Treviglio, Firenze, Salerno, Venezia, Santa Severina u Verdellino; għaż-żgħażagħ ta’ Cembra u Lavis, u għal dawk ta’ Conversano; għat-tfal ta’ Vallemare (Pescara); għall-iscouts ta’ Castel di San Pietro; għall-istudenti ta’ Cagliari u ta’ Gioia Tauro; u għall-grupp ta’ adolexxenti ta’ 14-il sena minn Milan.

Insellem fl-aħħar iċ-Centro di Servizio per il Volontariato ta’ Sardegna; iċ-ċirkolu ACLI ta’ Masate, l-Associazione Famiglia Murialdo, ta’ Napli; u l-Polizia Municipale ta’ Orvieto.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba. Insellmilkom!

 

Miġjub għal-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.