ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 23 ta' Frar 2014

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fit-tieni qari ta' dan il-Ħadd, San Pawl jafferma: Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin; għax kollox hu tagħkom, sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, kollox hu tagħkom, u intom ta' Kristu, u Kristu ta' Alla (1 Kor, 3, 23).  Għaliex jgħid hekk l-Appostlu?  Għax il-problema li għandu quddiemu hi waħda ta' firdiet fil-komunità ta' Korintu, fejn kienu ffurmaw ruħhom gruppi li kienu jistqarru lil predikaturi diversi bħala kapijiet tagħhom.  Kienu jgħidu: jiena ta' Apollo, jiena ta' Pawlu, jiena ta' Kefa (1,12).  San Pawl jispjega li dan hu żbaljat għax il-komunità ma kinitx tal-Appostli imma huma l-Appostli li jappartjenu lill-komunità; imma l-komunità, kollha kemm hi, hija ta' Kristu!

Minn din l-appartenenza jiġi, li fil-komunitajiet insara – djoċesijiet, parroċċi, assoċjazzjonijiet, movimenti – id-differenzi ma jistgħux jikkuntradixxu l-fatt li lkoll, bis-saħħa tal-Magħmudija, għandna l-istess dinjità: ilkoll, f'Ġesù Kristu, aħna ulied Alla.  U din hi d-dinjità tagħna: f'Ġesù Kristu aħna lkoll ulied Alla!  Dawk li rċevew xi ministeru ta' tmexxija, ta' predikazzjoni, tal-amministrazzjoni tas-Sagramenti, ma jistgħux iqisu lilhom infushom propjetarji ta' xi poteri speċjali, imma għandhom iqegħedu lilhom infushom għas-servizz tal-komunità, u jgħinuha timxi bil-ferh it-triq tal-qdusija.

Il-Knisja llum qed tafda din ix-xhieda ta' stil ta' ħajja pastorali lill-Kardinali l-ġodda, li magħhom iċċelebrajt il-quddiesa dalgħodu.  Nistgħu insellmu lill-Kardnali l-ġodda b'applaws.  Insellmulhom kollha!  Il-Konċistorju tal-bieraħ u ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika tallum kienu okkażjoni prezzjuża biex inħossu l-kattoliċità, l-unversalità tal-Knisja li hi rappreżentata tajjeb mill-oriġini vajrata ta' mnejn ġejjin il-membri tal-Kulleġġ tal-Kardinali, miġburin f'kollaborazzjoni sħiħa mas-Suċċessur ta' Pietru.  U l-Mulej itina l-grazzja li naħdmu għall-għaqda tal-Knisja, li nibnu din l-unità, għax l-għaqda hija aktar importanti mill-kwistjonijiet!  L-għaqda tal-Knisja hi għaqda ta' Kristu, il-konflitti huma problemi li mhux dejjem huma ta' Kristu.

Jalla l-mumenti liturġiċi u ta' festa li kellna l-opportunità li ngħixu tul dwn l-aħħar jumejn, isaħħu fina l-fidi, l-imħabba lejn Kristu u lejn il-Knisja tiegħu!  Nistedinkom ukoll biex tgħinu lil dawn ir-Rgħajja u tassistuhom bit-talb, sabiex huma jmexxu dejjem biż-żelu l-poplu afdat f''idejhom billi juru t-tenerezza u l-imħabba tal-Mulej.  Imma kemm għandu bżonn ta' talb Isqof, Kardinal, Papa biex ikun jista' jgħin lill-Poplu t'Alla jimxi 'l quddiem?  Qed ngħid “jgħin”, jiġifieri jaqdi lill-Poplu t'Alla, għax il-vokazzjoni tal-Isqof, tal-Kardinal u tal-Papa hi propju din: li jkun qaddej, iservi f'isem Kristu.  Itolbu għalina biex inkunu qaddejja tajbin: qaddejja talbin mhux padruni tajbin!  Ilkoll flimkien, Isqfijiet, presbiteri, persuni konsagrati u fidili lajċi jeħtiġilna noffru xhieda ta' Knisja fidila lejn Kristu, imqanqlin mix-xewqa li naqdu lill-aħwa u lesti biex, b'kuraġġ profetiku, nersqu lejn dak mistenni u l-ħtiġijiet spiritwali tal-irġiel u tan-nisa ta' żmienna.  Il-Madonna takkumpanjana u tipproteġina f'din il-mixja.

 

Wara l-Angelus


Insellem lill-pellegrini kollha preżenti, partikolarment lil dawk li ġew għall-okkażjoni tal-Konċistorju biex jakkumpanjaw lill-Kardinali l-ġodda u nirringrazzja ħafna lil dawk il-pajjiżi li kienu preżenti għal dan l-avveniment permezz ta' delegazzjonijiet uffiċjali.

Insellem lil-istudenti ta' Tolouse u l-komunità tal-Venezwelani li joqgħodu fl-Italja.

Insellem lill-fidili ta' Caltanissetta, Reggio Calabria, Sortino, Altamura, Ruvo u Lido degli Estensi; liż-żgħażagħ minn Reggio Emilia u lil dawk tad-djoċesi ta' Lodi; l-assoċjazzjoni ċiklistika ta' Agrigento u l-volontarji tal-Protezzjoni Ċivili ta' Bassa Padovana.

Ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.  Arrivederci!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.