IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 22 ta' Diċembru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F'dar-raba' u l-aħħar Ħadd tal-Avvent, l-Evanġelju (cfr Mt 1, 18-24) imexxina lejn il-Milied permezz tal-esperjenza ta' San Ġużepp, figura li fid-dieher hija sekondarja, imma illi fl-atteġġjament tagħha jinġabar l-għerf nisrani kollu kemm hu.  Hu, flimkien ma' Ġwanni l-Battista u Marija, huwa wieħed mill-persunaġġi li tipproponielna l-Liturġija fi żmien l-Avvent; u mit-tlieta huwa l-aktar wieħed umli.  Bniedem li ma jipprietkax, ma jitkellimx, imma jfittex li jwettaq ir-rieda t'Alla; u dan jagħmlu bl-istil tal-Evanġelju u tal-Beatitudnijiet.  Niftakru ftit: "Henjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet" (Mt 5,3).  Ġużeppi hu fqir għax jgħix b'dak li hu essenzjali, jaħdem, jgħix bix-xogħol; hu l-faqar tipiku ta' min hu konxju li jiddependi għal kollox minn Alla u fih iqiegħed il-fiduċja tiegħu kollha.

Ir-rakkont tal-Evanġelju tal-lum jippreżentalna sitwazzjoni umanament ta' saram u kunflitt.  Ġużeppi u Marija mwegħedin lil xulxin fiż-żwieġ; għadhom ma jgħammrux flimkien, imma hi qed tistenna tarbija bil-ħidma ta' Alla.  Quddiem dis-sorpriża, Ġużeppi jibqa' mifxul, naturalment, imma minflok jirreaġixxi b'mod impulsiv u ta' kastig - kif kienet id-drawwa, il-liġi kienet favurih -, ifittex soluzzjoni li tirrispetta d-dinjità u l-integrità tal-maħbuba tiegħu Marija.  L-Evanġelju jgħid hekk:  "Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies" (v. 19).  Infatti, Ġużeppi kien jaf tajjeb illi jekk lill-għarusa mwegħeda lilu jxandarha, kien iqegħedha fil-periklu ta' konsegwenzi koroħ, saħansitra l-mewt.   Hu għandu fiduċja sħiħa f'Marija li hu għażel b'martu.  Ma jifhimx, imma jfittex soluzzjoni oħra.

Din iċ-ċirkostanza, li hu ma setax jifhimha, iġġagħalu jiddubita mir-rabta ta' bejniethom; għalhekk b'djieqa kbira, jiddeċiedi li jinfired minn Marija bla ma joħloq skandlu.  Iżda jasal l-Anġlu tal-Mulej u jgħidlu li s-soluzzjoni li kien fassal ma kinitx dik li ried Alla.  Anzi, il-Mulej jiftaħlu triq ġdida ta' għaqda, imħabba u hena u jgħidlu: "Ġużeppi ,iben David, la tibża' xejn tieħu għandek lil Marija b'martek għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu" (v. 20).

F'dal-punt il-fiduċja ta' Ġużeppi hija kompletament f'Alla, jobdi l-kelma tal-Anġlu u jieħu lil Marija għandu.  Propju minħabba f'dil-fiduċja assoluta f'Alla huwa aċċetta s-sitwazzjoni li umanament hija diffiċli, u f'ċertu sens lanqas tinftiehem.  Ġużeppi jifhem, bil-fidi,  li t-tifel imnissel fil-ġuf ta' Marija mhuwiex ibnu, imma huwa Iben Alla, u huwa, Ġużeppi, se jkun il-kustodju tiegħu u jieħu fuqu l-paternità sħiħa tiegħu fuq din l-art.  L-eżempju ta' dar-raġel manswet u għaqli jħeġġiġna biex nerfgħu ħarsitna 'l fuq u nħarsu aktar 'l hinn.  Ifisser li nerġgħu nħaddnu l-loġika sorprendenti ta' Alla, li bogħod mill-kalkoli żgħar jew kbar, hi ftuħ lejn ixqfa ġodda, lejn Kristu u l-Kelma tiegħu.

Il-Verġni Marija u l-għarus kastissimu tagħha Ġużeppi jgħinuna nisimgħu lil Ġesù li ġej u li qed jitlob li jkun milqugħ fil-proġetti tagħna u fl-għażliet tagħna.

 

WARA L-ANGLEUS

Għeżież ħuti!

Insellmilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi.

Insellem partikolarment lid-delegazzjoni taċ-ċittadini Taljani li jgħixu f'territorji mniġġsa għall-aħħar u huma mxennqin għal kwalità ta' ambjent aħjar u ħarsien tas-saħħa kif jixraq.

Tliet ijiem oħra jkun il-Milied u ħsiebi jdur speċjalment lejn il-familji, lejn il-familji tagħkom li f'dawn il-jiem ta' festa jerġgħu jingħaqdu: min jgħix bogħod mill-ġenituri tiegħu jitlaq biex jerġa' lura lejn daru; l-aħwa jippruvaw jiltaqgħu flimkien.  Jalla l-Miliesd Imqaddes ikun okkażjoni ta' fraternità għal kulħadd, ta' tkabbir fil-fidi u ta' ġesti ta' solidarjetà lejn min hu fil-bżonn.  U jalla San Ġużepp jakkumpanjana f'din il-mixja lejn il-Milied.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber