Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb.

F’dan l-aħħar Ħadd tas-sena liturġika niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Re.  L-Evanġelju tal-lum jgħinna nikkontemplaw lil Ġesù li jippreżenta ruħu lil Pilatu u jgħidlu li Hu re ta’ saltna li «mhix ta’ din id-dinja» (Ġwanni 18,36).  Dan ma jfissirx li Ġesù hu re ta’ xi dinja oħra, imma li hu re mod ieħor, madankollu hu xorta waħda re ta’ din id-dinja.  Dan hu kuntrast bejn żewġ logiki.  Il-loġika mondana tistrieħ fuq l-ambizzjoni, il-kompetizzjoni, tiġġieled bl-armi tal-biża’, bir-rikatt u bil-manipulazzjoni tal-kuxjenzi.  Iżda l-loġika tal-Evanġelju, jiġifieri l-loġika ta’ Ġesù, tesprimi ruħha bl-umiltà u l-gratwità, tafferma ruħha fis-satra imma b’mod effikaċi bil-qawwa tal-verità.  Kultant is-saltniet ta’ din id-dinja jistrieħu fuq il-prepotenza, ir-rivalità, l-oppressjoni; is-saltna ta’ Kristu hi saltna «ta’ ġustizzja, imħabba u paċi» (il-Prefazju).

F’liema waqt Ġesù wera li hu re?  Fil-waqt tas-Salib!  Min iħares lejn is-Salib ta’ Kristu ma jistax ma jarax fih il-gratwità soprendenti tal-imħabba.  Xi ħadd minnkom jista’ jgħid: “Imma, Padre, dan kien falliment!”  Hu propju fil-falliment tad-dnub – id-dnub hu falliment – fil-falliment tal-ambizzjonijiet umani, hemm jinsab it-trijonf tas-salib, hemm tinsab il-gratwità tal-imħabba.  Fil-falliment tas-Salib naraw l-imħabba, din l-imħabba li hi gratwita, li jtina Ġesù.  Għan-Nisrani, id-diskors dwar il-poter u l-forza jfisser li jkun qed jirreferi għall-qawwa tas-Salib u l-qawwa tal-imħabba ta’ Ġesù: imħabba li tibqa’ samma bħall-blat u integra, ukoll quddiem ir-rifjut u tidher  li hi r-riżultat ta’ ħajja mgħoddija kollha kemm hi fl-offerta personali favur l-umanità.  Fuq il-Kalvarju, min kien għaddej, il-kapijiet, bdew jiddieħku b’Ġesù msammar mas-salib u bdew jisfidawh: «Salva lilek innifsek u inżel minn hemm!» (Mark 15,30).  “Salva lilek innifsek!”  Imma, paradossalment, il-verità ta’ Ġesù hi propju dik li b’ton ta’ tmaqdir kienu qed jgħidulu l-għedewwa tiegħu: Ma jistax jeħles lilu nnifsu!» (v.31).  Kieku Ġesù niżel minn fuq is-salib kien ikun waqa’ għat-tentazzjoni tal-prinċep ta’ din id-dinja; imma Hu ma jistax isalva lilu nnifsu għax ta ħajtu għalina, għal kull wieħed u waħda minna.  Hu sabih tgħid “Ġesù ta ħajtu għalina, veru dan, imma hu isbaħ tgħid: “Ġesù ta ħajtu għalija”.  U llum, fil-pjazza, kull wieħed u waħda minna jgħid f’qalbu: “Ta ħajtu għalija”, biex ikun jista’ jsalva lill kull wieħed u waħda minna minn dnubietna.

U dan min fehemu?  Fehemu tajjeb wieħed mill-ħallelin li kienu msallbin miegħu, li nsejħulu “il-ħalliel it-tajjeb”, li jitolbu bil-ħniena: «Ġesù, ftakar fija meta tkun fis-saltna tiegħek» (Luqa 23,42).  Imma dan kien ħalliel, kien korrott u kien jinsab hemm, ikkundannat għall-mewt, propju minħabba l-vjolenza li kien wettaq tul ħajtu.  Imma ra l-imħabba fl-atteġġjament, fil-ġentilezza ta’ Ġesù.  U din hi l-qawwa tas-saltna ta’ Kristu: hija l-imħabba.  Għaldaqstant, ir-regalità ta’ Ġesù ma tjassarniex, imma teħlisna mid-dgħufijiet tagħna mill-miżerji, u tinkoraġġina biex nimxu fit-toroq tat-tajjeb, tar-rikonċiljazzjoni u tal-maħfra.  Inħarsu lejn is-Salib ta’ Ġesù, inħarsu lejn il-ħalliel it-tajjeb u flimkien ngħidu dak li qal dan il-ħalliel it-tajjeb: «Ġesù, ftakar fija meta tkun fis-saltna tiegħek».  Ilkoll flimkien: «Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek».  Meta nħossuna dgħajfa, midinbin, telliefa, inħarsu lejn Ġesù, nitolbuh iħares lejna u ngħidu: «Int qiegħed hemmhekk.  Tinsinix!”

Quddiem tant ġrieħi tad-dinja u tant feriti fil-laħam tal-bnedmin, nitolbu lill-Verġni Marija biex tgħinna fl-isforzi tagħna biex nimitaw lil Ġesù, ir-re tagħna, ħalli nwasslu l-preżenza tiegħu b’ġesti ta’ tenerezza, fehim u ħniena.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’Barċellona ġew dikjarati Beati, Federico Berga u ħamsa w għoxrin sħabu martri, li nqatlu fi Spanja waqt il-persekuzzjoni feroċi kontra l-Knisja fis-seklu li għadda.  Dawn kienu saċerdoti, żgħażagħ professi li qed jistennew li jordnaw u aħwa lajċi mill-ordni tal-Franġiskani Kapuċċini Minuri.  Nitolbu l-interċessjoni tagħhom għal tant ħutna rġiel u nisa, li sfortunatament, sal-lum, f’bosta nħawi tad-dinja, huma persegwitati minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu.

Insellem lilkom ilkoll Pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn Pajjiżi oħra: lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.  Partikolarment nixtieq insellem lil dawk li ġew mill-Messiku, mill-Awstralja, u minn Paderborn (il-Ġermanja).

Insellem lill-fidili minn Avola, Mestre, Foggia, Pozzallo, Campagna u minn Val di Non; kif ukoll lill-gruppi mużikali – li smajthom! – li qed jiffesteġġjaw lil Santa Ċeċilja, patruna tal-kant u tal-mużika.  Wara l-Angelus doqqu ftit għax iddoqqu tajjeb!

Nhar l-Erbgħa li ġej nibda vjaġġ fl-Afrika biex inżur il-Kenja, l-Uganda u r-Repubblika Ċentrali tal-Afrika.  Nitlobkom ilkoll biex titolbu għal dan il-vjaġġ, biex ikun għal dawn l-għeżież aħwa kollha, u għalija wkoll, sinjal ta’ qrubija u mħabba.  Nitolbu flimkien lil Madonna biex tbierek lil dawn ll-artijiet għeżież, sabiex fihom ikun hemm il-paċi u l-prosperità.

Kulħadd flimkien irreċita l-Ave Maria

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U tinsewx titolbu għalija!  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber