Għeżież ħuti!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Mt 22,15-21) jippreżentalna mil-ġdid konfront bejn Ġesù u dawk li kienu kontrieh.  Is-suġġett hu l-ħaraġ lill Ċesri: kwistjoni “taħraq” dwar kemm kien leċitu li l-Palestina, li fi żmien Ġesù kienet suddita ta’ Ruma, tħallas it-taxxa lill-imperatur.  Kien hemm diversi opinjonijiet.  Għaldaqstant, il-mistoqsija li għamlulu l-fariżej: “Għandna nħallsu jew le?” (v.17) hija nasba għall-Imgħallem.  Infatti skont kif kien se jwieġeb, kienu jkunu jistgħu jakkużawh li hu favur jew kontra Ruma.

Imma f’dal-każ ukoll, Ġesù jwieġeb bil-kalma u japprofitta ruħu mill-mistoqsija malizzjuża biex jagħti tagħlima importanti, u b’hekk ma jidħolx fil-polemika ta’ bejn iż-żewġ qasmiet.  Lill-fariżej jgħidilhom: “Uruni munita tal-ħaraġ”.  Huma jtuh dinar u Ġesù, filwaqt li josserva l-munita, jistaqsi: “Ta’ min hi dix-xbieha?”  Il-fariżej ma jistgħux iwieġbu ħlief: “Ta’ Ċesri”.  Għalhekk Ġesù jikkonkludi: “Agħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri u lil Alla dak li hu t’Alla” (cfr cc. 19-21).  Min naħa, hu u qed jordnalhom li lill-imperatur ituħ dak li hu tiegħu, Ġesù qed jiddikjara li l-ħlas tat-taxxa   mhux idolatrija, imma att dovut lill-awtoritajiet tal-art; min-naħa l-oħra – u huwa hawn li Ġesù jagħti d-daqqa – Hu qed ifakkar il-primat ta’ Alla, u jitlob lil lilU jtuh dak li hu tiegħu għax hu Sid il-ħajja tal-bniedem u tal-istorja.  Ir-riferiment għax-xbieha ta’ Ċesri fuq il-munita juri li huwa ġust li bniedem iħossu - bid-drittijiet u d-dmirijiet kollha – ċittadin sħiħ tal-istat; imma simbolikament tgħina nifhmu xbieha oħra li hemm minquxa f’kull bniedem: ix-xbieha t’Alla.  Hu s-Sid ta’ kollox, u aħna, li konna maħluqin “xbieha tiegħu” l-ewwel u qabel kollox aħna lkoll tiegħu.  Mill-mistoqsija li għamlulu l-fariżej, Ġesù joħroġ mistoqsija aktar radikali u vitali għal kull wieħed u waħda minna, mistoqsija  li nistgħu nagħmulha lilna nfusna: ta’ min jien, jien?  Nappartjeni lill-familja, lill-belt, lill-ħbiebi, lill-iskola, lix-xogħol, lill-politika, lill-Istat? Iva, ċert.  Imma qabel kollox - ifakkarna Ġesù – int ta’ Alla.  Din hi l-appartenenza fundamentali.  Huwa Hu li tak dak kollu li int u li għandek.  Għalhekk, jum wara l-ieħor, għandna ngħejxu ħajjitna bl-għarfien jiġġedded ta’ din l-appartenenza fundamentali u bir-rikonoxxenza f’qalbna lejn il-Missier tagħna, li ħalaqna wieħed wieħed, waħda waħda, b’mod irrepetibbli, imma dejjem xbieha ta’ Ibnu l-maħbub.  Dan hu misteru stupend.

In-Nisrani hu msejjaħ biex jimpenja ruħu konkretament fir-realtajiet umani u soċjali bla ma jqiegħed lil Alla u lil Ċesri kontra xulxin; meta lil Alla u lil Ċesri nqegħduhom kontra xulxin, inkun qed naqgħu f’atteġġjament fundamentalista.  In-Nisrani hu msejjaħ biex jimpenja ruħu konkretament fir-realtajiet tad-dinja, imma biex idawwalhom bid-dawl li jiġi minn Alla.  Li nafdaw f’Alla qabel kull ħaġ’oħra u li nittamaw fiH ma jfissirx li aħna naħarbu mir-realtà, anzi jfisser li bil-ħidma tagħna rroddu lura lil Alla dak li hu tiegħu.  Huwa għalhekk li min jemmen iħares lejn ir-realtà futura, dik ta’ Alla, biex jgħix il-ħajja eterna fil-milja tagħha u jwieġeb għall-isfidi tiegħu bil-kuraġġ.

Il-Verġni Marija tgħinna ngħixu dejjem konformi max-xbieha t’Alla li nġorru ġewwa fina, billi nagħtu sehemna wkoll biex nibnu l-belt hawn fl-art.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Barcellona saret il-beatifikazzjoni ta’ Matteo Casals, Teofilo Casajús, Fernando Saperas u 106 sħabhom martri li kollha kienu jagħmlu parti mill-Kongregazzjoni reliġjuża tal-Claretani, li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi fi żmien il-gwerra ċivili Spanjola.  Jalla l-eżempju erojku u l-interċessjoni tagħhom ikunu sostenn għall-Insara ta’ żmienna wkoll – għax ħafna – f’diversi nħawi tad-dinja, isofru diskriminazzjoni u persekuzzjonijiet

Illum qed niċċelebraw il-Ġurnata Missjunarja Dinjija bit-tema: “Il-Missjoni fil-qalba tal-Knisja”.  Inħeġġeġ lil kulħadd biex jgħix il-ferħ tal-missjoni bix-xhieda tal-Evanġelju b’kull ambjent li fih jgħix u jaħdem.  Fl-istess ħin aħna msejħin biex bl-imħabba, bl-għajnuna konkreta u t-talb insostnu lill-missjunarji li marru biex iħabbru lil Kristu lil min għadu ma jafux.  Infakkar ukoll li fi ħsiebni nniedi Xahar Straordinarju tal-Missjoni f’Ottubru tal-2019 bl-għan li nqanqal aktar ħeġġa fl-attività evanġeliżżatriċċi tal-Knisja ad gentes.  Fil-jum li fih nagħmlu t-tifkira liturġika ta’ San Ġwanni Pawlu II, Papa missjunarju, inqegħedu l-missjoni tal-Knisja fid-dinja taħt l-interċessjoni tiegħu

Nitlobkom tingħaqdu miegħi fit-talb għall-paċi fid-dinja.  F’dawn il-jiem qed insegwi b’attenzjoni partikolari l-Kenya, li kont żort fl-2015, u qed nitlob għaliha sabiex il-pajjiż jagħraf jaffronta d-diffikultajiet attwali fi klima ta’ djalogu kostruttiv, billi jgħożż it-tfittxija tal-ġid komuni.

U issa nsellem lilkom ilkoll pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Partikolarment lill-fidili mill-Lussemburgu u minn Ibiza, lill-Moviment Familja tal-Qalb Immakulata ta’ Marija mill-Brażil, lis-sorijiet tal-Omm Santissma Addolorata.  Insellem u nbierek minn qalbi lill-komunità Peruvjana ta’ Ruma li nġabru hawn bix-xbieha sagra tal-Sinjur tal-Milagros.

Insellem lill-gruppi tal-fidili minn bosta parroċċi Taljani, u ninkoraġġihom biex jibqgħu mexjin il-mixja tal-fidi bil-ferħ.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber