Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-Italja u f’għadd ta’ pajjiżi oħra tiġi ċċelebrata dan il-Ħadd il-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu – spiss jintuża l-isem bil-Latin: Corpus Domini jew Corpus Christi.  Il-Komunità ekkleżjali tinġabar madwar l-Ewkaristija biex tqim it-teżor l-aktar prezzjuż li ħallielha Ġesù.

 

Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jippreżentalna d-diskors dwar il-“ħobż tal-ħajja”, li għamel Ġesù fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, fejn jafferma: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.  Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.  U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6:51).  Ġesù jinsisti li hu ma ġiex f’din id-dinja biex jagħtina xi ħaġa, imma biex jagħtina lilu nnifsu, il-ħajja tiegħu, bħala ikel għal dawk li jemmnu fiH.  Din l-għaqda tagħna mal-Mulej timpenjana, dixxipli tiegħu, biex insiru nixbhuh, billi nagħmlu minn ħajjitna, bl-imġiba tagħna, ħobż maqsum għall-oħrajn, l-istess kif l-Imgħallem tagħna qasam il-ħobż li hu tassew ġismu.  Fil-każ tagħna, mill-banda l-oħra, hu l-mod kif inġibu ruħna b’ġenerożità mal-proxxmu li juri dan l-atteġġjament tal-qsim ta’ ħajjitna għall-oħrajn.

 

Kull darba li nieħdu sehem fil-Quddiesa u nitrejqu bil-Ġisem ta’ Kristu, taħdem fina l-preżenza ta’ Ġesù u ta’ l-Ispirtu s-Santu, issawwar lil qlubna, tqanqalna għal atteġġjamenti interjuri li jittraduċu ruħhom fi mġiba skond il-Vanġelu.  Qabel xejn id-doċilità għall-Kelma ta’ Alla, imbagħad il-fraternità bejnietna, il-kuraġġ tax-xhieda Nisranija, il-fantasija tal-karità, il-ħila li nagħtu t-tama lil min qalbu maqtugħa, li nilqgħu lill-imwarrbin.  B’dan il-mod l-Ewkaristija timmatura fina stil ta’ ħajja Nisranija.  L-imħabba ta’ Kristu, milqugħa b’qalb miftuħa, tibdilna, tittrasformana, tagħmilna kapaċi nħobbu mhux skond il-kejl uman, dejjem limitat, imma skond il-kejl ta’ Alla.  U liema hu l-kejl ta’ Alla?  Bla qies!  Il-kejl ta’ Alla hu bla qies.  Kollox! Kollox!  Kollox!  Ma tistax tkejjel l-imħabba ta’ Alla: hu bla qies!  U hekk insiru kapaċi nħobbu anki lil min ma jħobbniex: u dan m’hux ħafif.  Inħobbu lil min ma jħobbniex…  M’hix ħaġa faċli!  Għax jekk aħna nafu li hemm persuna li ma tixtiqilniex ġid, anki aħna naslu biex ma nħobbuhiex.  Imma le!  Irridu nħobbu anki lil min ma jħobbniex!  Niġġieldu lill-ħażin bit-tajjeb, naħfru, naqsmu ma’ l-oħrajn, nilqgħu.  Grazzi għal Ġesù u għall-Ispirtu tiegħu, anki l-ħajja tagħna ssir “ħobż maqsum” għal ħutna.  U jekk ngħixu hekk, niskopru l-veru ferħ!  Il-ferħ tad-don tagħna nfusna, biex inpattu għad-don kbir li qabel xejn irċivejna aħna l-ewwel, mingħajr ebda mertu tagħna.  Kemm hi ħaġa sabiħa din: ħajjitna ssir don!  Dan ifisser nixbhu lil Ġesù.  Irrid infakkar dawn iż-żewġ punti.  L-ewwel: il-kejl ta’ l-imħabba ta’ Alla hu mħabba bla qies.  Ċara din?  U ħajjitna, bl-imħabba ta’ Alla, billi nirċievu l-Ewkaristija, issir don.  L-istess kif kienet il-ħajja ta’ Ġesù.  Tinsewhomx dawn it-tnejn: il-kejl ta’ l-imħabba ta’ Alla hu mħabba bla qies.  U meta nimxu wara Ġesù, aħna, bl-Ewkaristija, nagħmlu don minn ħajjitna stess.

 

Ġesù, Ħobż tal-ħajja ta’ dejjem, niżel mis-Sema u sar laħam grazzi għall-fidi ta’ Marija Santissma.  Wara li ġarritu f’ġufha bi mħabba bla tarf, Hi mxiet fedelment warajh sa taħt is-salib u sal-qawmien.  Nitolbu lill-Madonna tgħinna niskopru mill-ġdid il-ġmiel ta’ l-Ewkaristija, u nagħmluha ċ-ċentru ta’ ħajjitna, speċjalment fil-Quddiesa tal-Ħadd u fl-adorazzjoni.

 


 

Wara l-Angelus:

 

Għeżież ħuti,

 

Fis-26 ta’ Ġunju li ġej jaħbat il-Jum tal-Ġnus Magħquda għall-vittmi tat-tortura.  F’din iċ-ċirkustanza nġedded il-kundanna qawwija ta’ kull xorta ta’ tortura u nistieden lill-Insara jħabirku flimkien biex din tinqered u jsostnu l-vittmi u l-familjari tagħhom.  Tittortura n-nies hu dnub mejjet!  Dnub gravi ħafna!

 

Inselli għalikom ilkoll, Rumani u pellegrini!

 

B’mod partikulari nsellem lill-istudenti tal-London Oratory School, il-fidili tad-Djoċesi ta’ Como u dawk ta’ Ormea (Cuneo), u l-“Coro della Gioia” ta’ Matera, l-assoċjazzjoni “L’Arca” ta’ Borgomanero u t-tfal ta’ Massafra.  Insellem ukoll lit-tfal tal-Liċew “Canova” ta’ Treviso, il-grupp ċiklistiku ta’ San Pietro in Gu (Padova) u l-inizjattiva “Vivere da Campione”, li, imnebbħa minn San Ġwanni Pawlu II, xerrdet ma’ l-Italja kollha messaġġ ta’ solidarjetà.

 

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.  Itolbu għalija!  Itolbu għalija u nsellmilkom!