Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, festa tas-Santissma Trinità, l-Evanġelju ta’ San Ġwann jippreżentalna silta mid-diskors twil ta’ tislima tal-aħħar li Ġesù għamel ftit qabel il-passjoni tiegħu.  F’dad-diskors Hu jispjega lid-dixxipli il-veritajiet l-aktar profondi dwaru nnifsu; b’hekk jagħti bixra lir-relazzjoni bejn Ġesù, il-Missier u l-Ispirtu s-Santu.  Ġesù jaf li jinsab qrib il-milja tal-pjan tal-Missier, li jitwettaq bil-mewt tiegħu u l-qawmien.  Għaldaqstant irid jiżgura lil tiegħu li mhux se jħallihom waħedhom, għax l-Ispirtu s-Santu se jkompli l-missjoni tiegħu.  Se jkun l-Ispirtu li se jkompli l-missjoni ta’ Ġesù, jiġfieri li jmexxi l-Knisja ‘l quddiem.

Ġesù juri x’inhi dil-missjoni.  Qabel kollox l-Ispirtu se jgħinna nifhmu ħafna affarijiet li kien għad fadallu jgħid Ġesù (cfr Ġwanni 16,12).  Mhumiex xi duttrina ġdida jew speċjali, imma fehim aktar sħiħ ta’ dak kollu li l-Iben sema’ mingħand il-Missier u li Hu għadda lid-dixxipli (cfr v.15).  L-Ispirtu jmexxina fis-sitwazzjonijeit eżistenzjali ġodda bil-ħarsa mitfugħa fuq Ġesù, u, fl-istess waqt, miftuħa għall-avvenimenti tal-futur.  Hu jgħinna nimxu b’pass sod tul il-mixja tal-istorja b’għeruqna fl-Evanġelju u b’fedeltà dinamika lejn it-tradizzjonijiet u l-użanzi tagħna.

Imma l-misteru tat-Trinità, jkellimna wkoll dwarna nfusna, dwar ir-relazzjoni tagħna mal-Missier, mal-Iben u mal-Ispirtu s-Santu.  Infatti, permezz tal-Magħmudija l-Ispirtu s-Santu waħħadna mal-qalb u mal-istess ħajja ta’ Alla li hu komunjoni ta’ mħabba.  Alla hu ‘familja’ ta’ tliet Persuni li jħobbu tant lil xulxin li jiffurmaw ħaġa waħda.  Din ‘il-familja Divina’ mhix magħluqa fiha nfisha, imma hi miftuħa, turi lilha nfisha fil-ħolqien u fl-istorja u daħlet fid-dinja tal-bnedmin biex issejjaħ lil kulħadd ħalli jkun parti minnha.  Ix-xefaq Trinitarju ta’ komunjoni jħaddan lilna lkoll u jistimulana biex ngħixu fl-imħabba u naqsmu ma’ ħutna, għax ċerti li fejn hemm l-imħabba hemm jinsab Alla.

Il-fatt li aħna maħluqin xbieha ta’ Alla-komunjoni hu sejħa biex nagħrfu lilna nfusna bħala ħlejjaq f’relazzjoni ma’ xulxin u biex ngħixu r-relazzjonijiet inter-personali bis-solodarjetà u l-imħabba lejn xulxin.  Dawn ir-relazzjonijiet jinsabu jitliegħbu fil-qafas tal-komunitajiet ekkleżjali tagħna ħalli fihom tidher dejjem aktar evidenti x-xbieha tal-Knisja ikona tat-Trinità.  Imma jinsabu jitliegħbu wkoll f’kull relazzjoni soċjali oħra, ibda mill-familja, u kompli fil-ħbiberiji u l-ambjent tax-xogħol: dawn huma okkażjonijiet konkreti offruti lilna biex nibnu relazzjonijiet dejjem aktar għonja umanament, mibnija fuq ir-rispett reċiproku u l-imħabba diżinteressata.

Il-festa tat-Trinità Qaddisa tistedinna nimpenjaw ruħna f’dak li jiġri fil-ħajja ta’ kuljum biex inkunu l-ħmira tal-komunjoni, tal-faraġ u tal-ħniena.  F’dil-missjoni aħna msaħħin bid-don tal-qawwa li jtina l-Ispirtu s-Santu: din tikkura l-ġisem tal-umanità miġrugħa mill-inġustizzja, mill-abbuż tal-poter, mill-mibgħeda u mir-rgħeba.  Fl-umiltà tagħha l-Verġni Marija laqgħet ir-rieda tal-Missier u nisslet l-Iben bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Jalla tgħinna hi, mera tat-Trinità, biex insaħħu l-fidi tagħna fil-misteru Trinitarju u biex ninkarnawh fl-għażliet u l-atteġġjamenti ta’ mħabba u għaqda.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti!

F’Cosenza lbieraħ ġie proklamat Beatu, Francesco Maria Greco, saċerdot djoċesan, fundatur tal-Sorijiet Ħaddiema Ċkejknin tal-Qlub Imqaddsa.  Bejn is-sekli dsatax u għorin hu kien animatur tal-ħajja reliġjuża u soċjali ta’ beltu, Acri, fejn hu wettaq il-ministeru għammiel tiegħu kollu.  Niżżu ħajr lil Alla għal dan is-saċerdot eżemplari.  Dan l-applaws imur ukoll għal dawk il-ħafna saċerdoti bravi li hawn fl-Italja!

Għada, f’Istanbul, fil-Turkija, se jibda l-ewwel Summit Dinji Umanitarju, bl-għan li jirrifletti fuq dak li għandu jsir biex nilqgħu għas-sitwazzjonijiet drammatiċi kawża tal-kunflitti, il-problemi ambjentali u l-faqar estrem.  Nakkumpanjaw din l-inizjattiva bit-talb ħalli l-parteċipanti jimpenjaw ruħhom kompletament biex jilħqu l-għan umanitarju ewlieni: isalvaw il-ħajja ta’ kull bniedem maħluq, mingħajr ħadd ma jkun eskluż, partikolarment l-innoċenti u min m’għandux min jiddefendih.  Is-Santa Sede se tieħu sehem f’dan is-summit umanitarju u għaldaqstant illum telaq is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin biex jirrappreżenta lis-Santa Sede.

It-Tlieta 24 ta’ Mejju, ningħaqdu spiritwalment mal-fidili Kattoliċi Ċiniżi għax dakinhar huma jiċċelebraw b’devozzjoni partikolari t-tifkira tal-Beata Verġni Marija “Għajnuna tal-Insara” meqjuma fis-Santwarju ta’ Sheshan, f’Shanghai.  Nitolbu lil Marija biex tagħti lil dawn uliedha Ċiniżi l-ħila li f’kull sitwazjoni, jiddixxernu s-sinjali tal-preżenza mimlija mħabba ta’ Alla, li jilqa’ dejjem u dejjem jaħfer.  Jalla, f’dis-Sena tal-Ħniena, il-Kattoliċi Ċiniżi, flimkien ma’ dawk li jsegwu tradizzjonijiet reliġjużi nobbli oħra, isiru sinjal konkret ta’ karità u rikonċiljazzjoni.  B’hekk huma jkunu qed jippromwovu kultura awtentika ta’ laqgħa u armonija fost is-soċjetà kollha, dik l-armonija li l-ispirtu Ċiniż tant jgħożż.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini!  Partikolarment inħossni hieni nilqa’ lill-fidili Ortodossi mill-Metropoli ta’ Berat, fl-Albanija u rrodilhom ħajr għat-testimonjanza ekumenika tagħhom.

Insellem lit-tfal tal-Iskola tas-Sorijiet Sależjani ta Krakovja; lill-istudenti minn Pamplona; lill-fidili minn Madrid, Bilbao u Gran Canaria fi Spanja, Meudon u Strasburgu fi Franza, Laeken fil-Belġju; u l-grupp tal-ħaddiema tas-saħħa mis-Slovenja.

Insellem lill-komunità Kattoika Ċiniża ta’ Ruma, lill-Konfraternitajiet minn Cagliari u Molfetta, liż-żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Cefalù, lill-ministranti minn Vall’Alta, l-azzjoni Kattolika ta’ Mileto-Nicotera-Tropea, u lill-korijiet minn Desenzano sul Garda, Ca’ di David u Lungavilla.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber