Għeżież ħuti,

F’dan il-Ħames Ħadd tar-Randan l-evanġelista Ġwanni jiġbdilna l-attenzjoni b’dettall kurjuż: xi “Griegi” li kellhom il-fidi tal-Lhud, li kienu jinsabu Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, jersqu lejn l-appostlu Filippu u jgħidulu: “Irridu naraw lil Ġesù” (Ġw 12,21).  Fil-belt qaddisa, fejn Ġesù kien mar għall-aħħar darba, hemm ħafna nies.  Hemm nies ċkejknin u sempliċi, li laqgħu bil-ferħ lill-profeta ta’ Nażaret u għarfu fih il-mibgħut tal-Mulej.  Hemm il-qassisin il-kbar u l-mexxejja tal-Lhud, li jridu jeħilsu minnu għax jarawh midgħi u perikoluż.  Hemm ukoll nies, bħal dawk il-“Griegi”, li huma kurjużi u jixtiequ jarawh biex isiru jafu aktar dwaru u dwar ħidmietu, li l-aħħar waħda fosthom – il-qawmien ta’ Lazzru mill-mewt – qajmet ħafna għaġeb.

“Irridu naraw lil Ġesù”: dawk il-kelmiet, bħal ħafna oħrajn li nsibu fil-Vanġeli, imorru aktar ‘il hemm mill-episodju fejn jinsabu, u jtennu xi ħaġa universali; juru xewqa li għaddiet minn epoka għall-oħra u minn kultura għall-oħra, xewqa ħajja fil-qalb ta’ tant nies li semgħu dwar Kristu, imma li għadhom ma ltqagħux miegħu.  “Nixtieq nara lil Ġesù”, hekk tħoss il-qalb ta’ kull wieħed minn dawn in-nies.

Ġesù jwieġeb indirettament, b’mod profetiku, għat-talba biex jarawh, u jħabbar profezija li tikxef l-identità tiegħu u turi l-mogħdija biex wieħed isir jafu verament: “Waslet is-siegħa li bin il-bniedem jiġi gglorifikat” (Ġw 12,23).  Hija s-siegħa tas-Salib!Hija s-siegħa tat-telfa ta’ Satana, il-prinċep tal-ħażin, u tar-rebħa aħħarija tal-imħabba kollha ħniena ta’ Alla.  Kristu jħabbar li għad jiġi “merfugħ mill-art” (v. 32), espressjoni li għandha tifsirja doppja: “mgħolli” għax imsallabab, u “mgħolli” għax imfaħħar mil-Missier fil-Qawmien, biex jiġbed lil kulħadd lejh u jerġa’ jgħaqqad il-bnedmin ma’ Alla u ma’ xulxin.  Is-siegħa tas-Salib, l-aktar siegħa mudlama tal-istorja, hija wkoll il-għajna tal-ħelsien għal kemm jemmnu fih.

Waqt li jkompli l-profezija dwar l-Għid li issa kien fil-qrib, Ġesù juża xbiha sempliċi u kurjuża, dik tal-“ħabba tal-qamħ” li, meta taqa’ fl-art, tmut biex tagħmel il-frott (cfr v. 24).  F’din ix-xbiha naraw aspett ieħor tas-Salib ta’ Kristu: dak li jagħti l-ħajja.  Is-Salib ta’ Kristu jagħti l-ħajja.  Il-mewt ta’ Ġesù, fil-fatt, hija għajn li ma tispiċċax ta’ ħajja ġdida, għax fiha ġġorr il-qawwa li ġġedded tal-imħabba ta’ Alla.  L-insara, mgħaddsin f’din l-imħabba permezz tal-Magħmudija, jistgħu jsiru “ħabbiet tal-qamħ” u jagħmlu ħafna frott jekk, bħal Ġesù, “jitilfu ħajjithom” għall-imħabba ta’ Alla u tal-aħwa (cfr v. 25).

Għaldaqstant, lil dawk li llum ukull “iridu jaraw lil Ġesù”, lil kemm jinsabu fit-tfittxija tal-wiċċ ta’ Alla, lil min irċieva l-katekeżi meta kien żgħir u mbagħad ma daħalx aktar fil-fond fiha u forsi tilef il-fidi, lil tant nies li għadhom ma ltaqgħux ma’ Ġesù personalment..., lil dawn kollha nistgħu noffrulhom tlett affarijiet: il-Vanġelu, il-Kurċifiss u x-xhieda tal-fidi tagħna, fidi fqira imma sinċiera.  Il-Vanġelu: fih nistgħu niltaqgħu ma’ Ġesù, nisimgħuh, insiru nafuh.  Il-Kurċifiss: sinjal tal-imħabba ta’ Ġesù li ta lilu nniffsu għalina.  Imbagħad fidi li tidher f’ġesti sempliċi ta’ mħabba fraterna.  Imma l-ewwel u qabel kollox permezz ta’ koerenza bejn dak li ngħidu u dak li ngħixu, koerenza bejn il-fidi tagħna u l-ħajja tagħna, bejn kiemna u għemilna.  Vanġelu, Kurċifiss, xhieda.  Jalla l-Madonna tgħinna nwasslu dawn it-tlett affarijiet.

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

minkejja l-maltemp xorta ġejtu ħafna, prosit!  Urejtu ħafna kuraġġ, anke dawk li qed jieħdu sehem fil-maratona huma kuraġġjużi, insellmilhom minn qalbi.  Ilbieraħ kont Napli għall-viżta pastorali, irrid nirringrazzja lin-Naplitani kollha għal-laqgħha sabiħa li tawni. Grazzi ħafna u bravi!

Illum taħbat il-Ġurnata dinjija tal-Ilma, imneddija min-Nazzjonijiet Uniti.  L-ilma huwa l-element l-aktar essenzjali għall-ħajja, u mill-kapaċità tagħna i nieħdu ħsiebu u naqsmuh bejnietna jiddependi l-futur tal-umanità.  Inħeġġeġ għalhekk lill-komunità internazzjonali biex tħares sabiex l-ilmijiet ta’ dan il-pjaneta jkunu mħarsa sewwa sabiex ħadd ma jiġi eskluż jew diskriminat mill-użu ta’ dan il-ġid, li hu ġid komuni per eċċellenza.  Flimkien ma' San Franġisk ta' Assisi ngħidu: “Tkun imfaħħar, Mulej tiegħi, għal oħtna l-ilma, li hi utli ħanfa u umli u prezzjuża u pura” (mill-Kantiku ta’ ħuna x-Xemx)

Insellem lill-pellegrini kollha preżenti, b’mod partikulari il-Kor tal-“Conservatorio Profesional de Música” ta’ Orihuela (Spanja), iż-żgħażagħ tal-Collège Saint-Jean de Passy ta’ Pariġi, l-insara tal-Ungerija, u l-gruppi mużikali tal-Canton Ticino (Svizzera).  Insellem l-Ordni Sekulari Franġiskan ta’ Cremona, l’UNITALSI tal-Lombardia, il-grupp imsemmi għall-Isqof martri Oscar Romero, li dalwaqt se jkun imħabbar Beatu; kif ukoll l-insara ta’ Fiumicino, it-tfal tal-Ewwel Tqarbina ta’ Sambuceto, l-adolexxenti ta’ Ravenna, ta’ Milan u ta’ Firenze li ftit ilu rċevew il-Griżma tal-Isqof jew sew jirċevuha dalwaqt.

U issa se nagħmlu mill-ġdid ġest li għamilna sena ilu: skont tradizzjoni antika tal-Knisja, waqt ir-Randan jingħata l-Vanġelu lil dawk li qed jippreparaw irwieħhom għall-Magħmudija; għalhekk illum se noffri lilkom li tinsabu fil-Pjazza rigal: Vanġelu li jista’ jinġarr fil-but.  Dan se jiġi mqassam lilkom minn persuni li m’għandhomx dar u li jgħixu f’Ruma.  Anke f’din il-ħaġa naraw ġest sabiħ ħafna, li jogħġob lil Ġesù: dawk li huma l-aktar fil-bżonn jirregalawlna l-kelma ta’ Alla. Ħuduh u ġorruh magħkom, biex taqrawh spiss; żommuh kuljum fil-basket, fil-but biex ta’ sikwit taqraw minnu, silta kuljum.  Il-Kelma ta’ Alla hija dawl għall-mixja tagħna. Tagħmlilkom il-ġid, mela aqrawha!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia