Għeżież ħuti, il-ġuranta t-tajba!

Nhar l-Erbgħa li għadda, permezz tar-rit tal-Irmied, beda r-Randan, u llum hu l-ewwel Ħadd ta’ dan iż-żmien liturġiku li jfakkar fl-erbgħin jum li Ġesù qatta’ fid-deżert wara l-magħmudija fix-xmara Ġordan.  Fil-vanġelu tal-lum San Mark jikteb: “Imbagħad minnufih l-Ispirtu ħarġu fid-deżert.  U baqa' fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli” (Mt 1, 12-13).  B’dawn il-ftit kelmiet l-evanġelista juri l-prova li Ġesù laqa’ minn rajh qabel ma beda l-missjoni messjanika tiegħu.  Hija prova li minnha l-Mulej ħareġ rebbieħ u li ħejjietu biex iħabbar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla.  Hu, f’dawk l-erbgħin jum fis-solitudni, issielet ma’ Satana “sider ma sider”, kixef it-tentazzjonijiet tiegħu u rebaħlu.  U fih irbaħna aħna lkoll, imma huwa dmirna li kuljum nieħdu ħsieb din ir-rebħa.

Dan il-misteru, li jurina s-sens u l-għan ta’ dan iż-żmien, il-Knisja tfakkarulna fil-bidu tar-Randan, li hu żmien ta’ taqbida spiritwali kontra l-ispirtu tal-ħażen (cfr il-kolletta ta’ nhar l-Erbgħa tal-Irmied).  U waqt li ngħaddu mid-“deżert” tar-Randan aħna nżommu ħarsitna mdawwra lejn l-Għid, li hija r-rebħa sħiħa u aħħarija ta’ Ġesù kontra l-Ħażin, kontra d-dnub u kontra l-mewt.  Għalhekk din hija t-tifsira ta’ dan l-ewwel Ħadd tar-Randan: li b’għażla sħiħa nerġgħu nidħlu fit-triq ta’ Ġesù, it-triq li twassal għall-ħajja. Inħarsu lejn Ġesù, naraw x’għamel Ġesù, u mmorru miegħu.

U din it-triq ta’ Ġesù tgħaddi mid-deżert.  Id-deżert huwa l-post fejn wieħed jista’ jisma’ leħen Alla u leħen it-tentatur.  Fl-istorbju u fil-konfużjoni dan ma jistax isir; jinstemgħu biss l-ilħna li m’għandhomx importanza.  Mill-banda l-oħra fid-deżert nistgħu ninżlu aktar fil-fond, fejn tassew nagħżlu d-destin tagħna, il-ħajja jew il-mewt.  U kif nisimgħu l-leħen ta’ Alla?  Nisimgħu fil-Kelma tiegħu.  Għalhekk importanti li nkunu nafu sewwa l-Iskrittura, għax inkella ma nkunux nafu nwieġbu għan-nasbiet tal-ħażin.  U hawn nixtieq immur lura għall-parir li kont tajtkom biex taqraw il-Vanġelu kuljum: kuljum naqrawh, nimmeditawh, ftit, għaxar minuti kollox; u nġorruh dejjem magħna: fil-but, fil-basket... L-aqwa li jkun dejjem fejn nistgħu nsibuh malajr.  Id-deżert tar-Randan jgħinna ngħidu le għall-affarijiet tad-dinja, għall-“idoli”, jgħinna nagħmlu għażliet kuraġġjużi skont il-Vanġelu u jgħinna nsaħħu l-għajnuna tagħna lill-aħwa.

Għalhekk nidħlu fid-deżert bla biża, għax m’aħniex waħdena: aħna ma’ Ġesù, mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu.  Anzi, l-istess kif kien għal Ġesù, hu proprju l-Ispirtu s-Santu li jmexxija fil-mixja tar-Randan, u għalhekk huwa żmien tajjeb li għandu jwassalna biex nifhmu aktar kemm dak l-Ispirtu li rċevejna fil-Magħmudija jaħdem fina.  U fl-aħħar tal-mixja tar-Randan, fil-Vġili tal-Għid, inkunu nistgħu inġeddu b’aktar għarfien il-patt li għamilna fil-magħmudija u l-impenn li dan ġab miegħu.

Il-Verġni qaddisa, mudell ta’ ħlewwa għall-ħidma tal-Ispirtu, tgħinna biex inħallu lilu jmexxina, hu li jrid jagħmel minn kull wieħed minna “ħolqien ġdid”.

Inħalli f’idejha b’mod speċjali din il-ġimgħa ta’ irtir li se tibda llejla u li fiha se nieħu sehem flimkien mal-kollegi tiegħi tal-Kurja Rumana.  Itolbu sabiex f’dan id-deżert tal-irtir inkunu nistgħu nisimgħu leħen Ġesù kif ukoll nikkoreġu l-ħafna difetti li kull wieħed minna għandu, kif ukoll nieqfu għat-tentazzjonijiet li kull jum inħabbtu wiċċna magħhom.  Għalhekk nitlobkom biex tkunu magħna permezz tat-talb tagħkom.

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-għaqdiet u lill-pellegrini kollha ta’ Ruma, tal-Italja u ta’ diversi Pajjiżi.

Insellem l-insara ta’ Napli, Cosena u Verona, u ż-żgħażagħ ta’ Seregno li ġew għal-istqarrija tal-fidi.

Ir-Randan huwa mixja ta’ konverżjoni li bħala ċ-ċentru tiegħu għandu l-qalb. Qalbna jrid idur mill-ġdid lejn il-Mulej.  Għalhekk f’dan l-ewwel Ħadd ħsibt biex nagħmel rigal lilkom ilkoll li tinsabu għan fil-pjazza l-ktejjeb li jista’ jitpoġġa fil-but li jismu “Custodisci il cuore” (Ħu ħsieb qalbek). Hawn hu (jurih lin-nies).  Dan il-ktejjeb jiġbor fih xi tagħlim ta’ Ġesù u l-kontenut l-aktar importanti tal-fidi tagħna, bħal per eżempju s-seba’ Sagramenti, id-doni tal-Ispirtu s-Santu, l-għaxar Kmandamenti, il-virtujiet, l-opri tal-hniena eċċetra.  Issa se jqassmuh il-volontarji, li fosthom hemm ħafna nies bla dar, li ġew hawn bħala pellegrinaġġ.  U bħalma jiġri dejjem illum ukoll hawn fil-pjazza dawk li jinsabu fil-bżonn qed iwasslulna huma stess għana kbir: l-għana tat-tagħlim tagħna, biex nieħdu ħsieb qalbna.  Ħudu ktieb kull wieħed u ħuduh magħkom, bħala għajnuna għall-konverżjoni u biex tikbru spiritwalment, ħaġa li tibda dejjem mill-qalb: hemm isseħħ il-logħba tal-għażie ta’ kuljum bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn dak li tgħid id-dinja u dak li jgħid il-vanġelu, bejn l-indifferenza u l-qsim bħal aħwa.  L-umanità għandha bżonn il-ġustizzja, il-paċi, l-imħabba u dawn jistgħu jkunu tagħha biss jekk iddur bil-qalb lejn Alla, li hu l-għajn ta’ dan kollu.  Ħudu l-ktejjeb u aqrawh ilkoll.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, speċjalment matul din il-ġimgħa ta’ rtir, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u nsellmilkom.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia