Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 4,12-23) tirrakkonta l-bidu tal-predikazzjoni ta’ Ġesù fil-Galilija.  Hu jitlaq minn Nażaret, villaġġ fuq il-muntanji u jmur joqgħod Kafarnaum, ċentru importanti fuq ix-xatt tal-għadira, li fih l-akatr li kien hemm kienu nies pagani, salib it-toroq bejn il-Mediterran u s-subborgi tal-Mesopotamja.  Din l-għażla turi li l-predikazzjoni ma kinitx immirata biss lejn sħabu tal-istess nazzjonalità imma lejn kull min kien jersaq lejn «il-Galilija tal-ġnus» (v. 15; cfr Is 8,23): hekk kienet tissejjaħ.  Minn kif kienet tidher min-naħa tal-kapitali Ġerusalemm, dik l-art kienet periferija ġjografika u impura reliġjożament għax kienet tal-pagani, minħabba t-taħlit ma’ min ma kienx Iżraelit.  Żgur li mill-Galilija ma kienux mistennija affarijiet kbar għall-istorja tas-salvazzjoni.  Iżda, propju minn hemm – propju minn hemm – jibda’ jilma “d-dawl” li fuqu mmeditajna tul dawn l-aħħar Ħdud: id-dawl ta’ Kristu.  Jibda jinxtered propju mill-periferija.

Il-messaġġ ta’ Ġesù jixbaħ lil dak tal-Battista, iħabbar «is-saltna tas-smewwiet» (v. 17).  Din is-saltna mhix it-twaqqif ta’ setgħa politika ġdida, imma l-milja tal-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu li jinawgura staġun ta’ paċi u ġustizzja.  Sabiex dan il-patt ma’ Alla jseħħ, kull wieħed u waħda minna għandna sejħa għall-konverżjoni, biex nittrasformaw il-mod ta’ kif naħsbu u ngħixu.  Dan hu importanti: il-konverżjoni mhix biss bidla fil-mod ta’ kif ngħixu, imma wkoll fil-mod kif naħsbu.  Hi trasformazzjoni tal-ħsieb.  Mhix bdila fl-ilbies, imma fid-drawwiet!  Dak li jagħmel lil Ġesù differenti minn Ġwanni l-Battista hu l-istil u l-metodu.  Ġesù jagħżel li jkun profeta li jiġri minn post għal ieħor.  Ma joqgħodx jistenna n-nies, imma jiċċaqlaq biex imur jiltaqa’ magħhom.  Ġesù dejjem mat-triq!  L-ewwel dehriet missjunarji tiegħu isiru max-xatt tal-Galilija, b’kuntatt mal-folla, partikolarment mas-sajjieda.  Hemmhekk Ġesù mhux biss iħabbar il-wasla tas-saltna t’Alla, imma jfittex il-ħbieb biex jingħaqdu miegħu fil-missjoni tas-salvazzjoni.  F’dan l-istess post jiltaqa’ ma’ żewġ koppji ta’ aħwa: Xmun u Indrì, Ġakbu u Ġwanni; isejħilhom billi jgħidilhom: «Ejjew warajja u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin» (v.19).  is-sejħa taslilhom waqt li huma għaddejjin bil-ħidma tagħhom ta’ kuljum: il-Mulej ma jurix ruħu lilna b’xi mod straordinarju jew b’xi mod impressjonanti, imma fir-rutina tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Hemmhekk għandna nsibu lill-Mulej: u Hu hemmhekk juri ruħu, iġiegħel lil qalbna tħoss imħabbtu; u hemmhekk – b’dan id-djalogu miegħu fir-rutina tal-ħajja – jibdlilna qlubna.  It-tweġiba tal-erba’ sajjieda hi immedjata: «Mill-ewwel telqu x-xbieki tagħhom u marru warajH» (v. 20).  Infatti nafu li huma kienu dixxipli tal-Battista u li bis-saħħa tax-xhieda tiegħu, kienu diġà bdew jemmnu f’Ġesù bħala l-Messija (cfr Gw. 1,35-42).

Aħna l-Insara tal-lum għandna l-ferħ li nxandru u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna għax kien hemm dik l-ewwel tħabbira, għax kien hemm dawk l-irġiel umli u kuraġġużi li wieġbu għas-sejħa ta’ Ġesù bil-ġenerożità.  Fuq ix-xtut tal-għadira, f’art fejn ħadd ma stenna, twieldu l-ewwel komunitajiet tad-dixxipli ta’ Kristu.

Jalla l-għarfa ta’ dawn l-ewwel żminijiet tqanqal fina x-xewqa li nwasslu l-kelma, l-imħabba u t-tenerezza ta’ Ġesù f’kull ambjent, anki dak l-aktar diffiċli u reżistenti.  Inwasslu l-Kelma fil-periferiji kollha!  L-ambjenti kollha fejn jgħix il-bniedem huma art li fiha nistgħu nitfgħu ż-żerriegħa tal-Evanġelju, biex tkun tista’ tagħti l-frott tas-salvazzjoni.

Il-Verġni Marija tgħinna bl-interċessjoni materna tagħha biex inwieġbu bil-ferħ għas-sejħa ta’ Ġesù, biex inqiegħdu lilna nfusna għas-servizz tas-Saltna t’Alla.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ninsabu fil-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara.  Din is-sena t-tema hi espressjoni meħuda minn San Pawl li turina t-triq li għandna nimxu fiha. U tgħid hekk: “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna lejn ir-rikonċiljazzjoni» (cfr 2 Kor 5,14).  Nhar l-Erbgħa li ġej tintemm l-Ġimgħa ta’ Talb biċ-ċelebrazzjoni tal-Vespri fil-Bażilika ta’ San Pawl Barra l-Ħitan, li fiha jieħdu sehem ħutna mill-Knejjes u l-Komunitajiet Insara l-oħra li jinsabu f’Ruma.  Nistedinkom biex tipperseveraw fit-talb, sabiex issib il-milja tagħha x-xewqa ta’ Ġesù: «Biex ikunu lkoll ħaġa waħda (Gw 17,21).

Fil-jiem li għaddew, it-terremot u s-silġ reġgħu kiddu għall-aħħar lil tant ħutna fl-Italja tan-Nofs, speċjalment fl-Abruzzo, fil-Marche u fil-Lazio.  Jien qrib bit-talb u l-imħabba lejn il-familji li sofrew it-telfa ta’ xi ħadd għażiż.  Nagħmel kuraġġ lil kull min hu impenjat b’ġenerożità kbira fil-ħidma ta’ salvataġġ u għajnuna; kif ukoll lill-Knejjes lokali li qed jagħmlu ħilithom kollha biex itaffu t-tbatija u d-diffikultajiet.  Grazzi ħafna tal-qrubija tagħkom, tal-ħidma tagħkom u tal-għajnuna konkreta li qed tagħtu.  Grazzi!  U nistedinkom biex titolbu flimkien lill-Madonna għall-vittmi u anki għal dawk li b’ġenerożità kbira huma impenjati fil-ħidma ta’ salvataġġ.

 [Ave Maria]

Fil-Lvant Imbiegħed u f’inħawi oħra tad-dinja, miljuni ta’ bnedmin qed iħejju biex jiċċelebraw is-sena l-ġdida tal-qamar fit-28 ta’ Jannar.  It-tislima mill-qalb tiegħi tasal għand il-familji, bl-awgurju li huma jsiru dejjem aktar skola li fiha wieħed jitgħallem jirrispetta lill-ieħor, jikkomunika u b’mod diżinteressat nieħdu ħsieb xulxin.  Jalla l-ferħ tal-imħabba jinfirex fi ħdan il-familji u minnhom jibda’ jilma wkoll fis-soċjetà kollha.

Insellem lilkom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-grupp ta’ tfajliet mill-Panama u l-istudenti tal-Istitut “Diego Sánchez” minn Tavalera la Real (Spanja).

Insellem lis-soċji tal-Unjoni Kattolika tal-Għalliema, Edukaturi u Nies tal-Formazzjoni, li temmew il-25 Kungress Nazzjonali, u nawguralhom ħidma edukattiva mimlija frott, b’kollaborazzjoni mal-familji.  Dejjem bil-kollaborazzjoni mal-familji!.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber