Għeżież ħuti il-jum it-tajjeb!

Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum tħeġġiġna nimmeditaw fuq it-tema tas-salvazzjoni.  L-Evanġelista Luqa jirrakkonta li waqt  li Ġesù kien fi triqtu lejn Ġerusalemm, resaq lejh raġel li għamillu dil-mistoqsija: «Mulej, ftit huma dawk li jsalvaw?”» (Luqa 13,23).  Ġesù ma jagħtix tweġiba diretta imma jqiegħed id-dibattitu fuq livell ieħor, b’lingwaġġ suġġestiv li forsi għall-bidu, lanqas id-dixxipli ma fehmuh: «Għamlu ħilitkom biex tgħaddu mill-bieb id-dejjaq, għax, ngħidilkom, ħafna jippruvaw jidħlu iżda ma jirnexxilhomx» (v. 24).  Bix-xbieha tal-bieb, Hu jrid ifiehem lil min kien jisimgħu li mhix kwistjoni ta’ numri – kemm se jsalvaw – mhux importanti l-għadd, imma importanti li kulħadd ikun jaf liema hi t-triq li twassal għas-salvazzjoni.

Dil-mixja tikkunsidra li hemm bieb li rridu ngħaddu minnu.  Imma fejn hu dal-bieb?  Kif inhu dal-bieb?  Min hu l-bieb?  Ġesù stess hu dal-bieb.  Jgħidha Hu stess fl-Evanġelju ta’ Ġwanni: “Jien hu l-bieb” (Ġwanni 10,9).  Hu jmexxina lejn l-għaqda mal-Missier fejn aħna nsibu mħabba, min jifhimna u protezzjoni.  Imma, nistaqsu, għaliex dal-bieb hu dejjaq?  Il-bieb huwa dejjaq mhux għal raġunijiet ta’ tirannija imma għaliex jitlob minna li aħna rrażżnu u ma nħallux is-suppervja, il-biża’, jirkbuna, biex ninfetħu għaliH b’qalb umli u bil-fiduċja għax nagħrfu li aħna midinbin u neħtieġu l-maħfra tiegħu.  Għal din ir-raġuni l-bieb hu dejjaq: biex aħna rrażżnu s-suppervja li nintefħu biha.   Il-bieb tal-ħniena ta’ Alla hu dejjaq imma dejjem miftuħ beraħ għal kulħadd!  Alla ma jagħmilx preferenzi, imma jilqa’ dejjem lil kulħadd mingħajr distinzjoni.  Bieb dejjaq biex jgħakkes is-suppervja tagħna u l-biżgħat tagħna; bieb miftuħ beraħ biex Alla jilqagħna mingħajr preferenzi.  Is-salvazzjoni li jtina Hu hija nixxiegħa ma taqta’ xejn ta’ ħniena, li tegħleb kull ostaklu u tiftaħ prospettivi ta’ dawl u paċi sorprendenti.  Immq l-bieb dejjem miftuħ beraħ: tinsewhiex din.

Illum, Ġesù qiegħed mill-ġdid jagħmlilna stedina urġenti biex immorru għandu u ngħaddu mill-bieb tal-milja tal-ħajja, rikonċiljata u hienja.  Hu jistenna lil kull wieħed u waħda minna, għamilna liema dnub għamilna, biex jgħannaqna, biex joffrilna l-maħfra tiegħu.  Hu biss jista’ jibdel ‘il qlubna, Hu biss jista’ jagħti sens sħiħ lill-eżistenza tagħna billi jtina l-hena vera.  Meta nidħlu mill-bieb ta’ Ġesù, il-bieb tal-fidi u tal-Evanġelju, aħna nkunu nistgħu ninħelsu mill-atteġġjamenti mondani, mid-drawwiet ħżiena, mill-egoiżmi u mill-għeluq.  Meta mmissu l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla, ikollna tibdil awtentiku.  U ħajjitna tkun imdawwla bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu: dawl li ma jintefa’ qatt!

Nixtieq nagmlilkom proposta. Naħsbu ftit, issa, fis-skiet, għal waqt wieħed, f’dak kollu li għandna ġewwa fina u li ma jħalliniex nidħlu minn dan il-bieb: il-kburija tiegħi, is-suppervja, dnubieti.  U mbagħad naħsbu fil-bieb, dak il-bieb miftuħ beraħ tal-ħniena t’Alla li, min-naħa l-oħra, qed jistenniena biex itina l-maħfra.

Il-Mulej itina tant okkażjonijiet biex isalvana u biex nidħlu mill-bieb tas-salvazzjoni.  Dan il-bieb hu l-okkażjoni li m’għandhiex tinħela fix-xejn: m’għandniex noqgħodu nagħmlu diskorsi akkademiċi dwar is-salvazzjoni, bħal dak li mar jistaqsi lil Ġesù, imma rridu napprofittaw ruħna minn kull okkażjoni li ttina s-salvazzjoni.  Għax f’xi ħin, sid id-dar iqum u jagħlaq il-bieb» (v. 25) kif ifakkarna l-Evanġelju.  Imma jekk Alla hu tajjeb u jħobbna, għaliex f’xi ħin se jagħlaq il-bieb?  Għax ħajjitna mhix logħoba bil-vidjow jew telenovella; ħajjitna hi ħaġa serja u l-għan tagħha hu importanti ħafna: is-salvazzjoni eterna.

Lill-Verġni Marija, Bieb tas-Sema, nitolbuha tgħinna biex naħtfu l-okkażjonijiet li l-Mulej joffrilna biex inkunu nistgħu ngħaddu mill-bieb tal-fidi ħalli b’hekk nidħlu fi triq il-wiesa’: it-triq tas-salvazzjoni li hi kbira biżżejjed biex tilqa’ fiha lil kull min jintelaq fi ħdan din l-imħabba.  L-imħabba ssalva, l-imħabba li diġà mid-dinja hi għajn ta’ beatitudni ta’ min, bil-manswetudni, bil-paċenzja u bil-ġustizzja jinsa lilu nnifsu u jingħata għall-oħrajn, speċjalment għall-aktar dgħajfa.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Waslitli l-aħbar ta’ niket dwar l-attentat imdemmi li l-bieraħ laqat lill-għażiża Turkija.  Nitolbu għall-vittmi, għall-mejtin u l-feruti u nitolbu r-rigal tal-paċi għal kulħadd.

Sliema għalik, Marija........

Insellem minn qalbi lil-pellegroni kollha Rumani u lil dawk li ġew minn pajjiżi oħra, partikolarment lill-fidili minn Kalisz (il-Polonja), Gondomar (il-Portugall); irrid insellem b’mod partikolari lis-seminaristi l-ġodda tal-Kulleġġ Pontifiċju Nordamerikan.  Merħba f’Ruma!

Insellem lil-Assoċjazzjoni Santissmu Redentur minn Manfedonia, lill-pellegrini bil-mutur mill-Polesine, lill-fidili minn Delianuova u lil dawk minn Verona li ġew hawnhekk f’pellegrinaġġ bil-mixi.  Insellem liż-żgħażagħ minn Padulle li ġew biex jagħtu servizz fil-kamra tal-ikel tal-Caritas ta’ Ruma.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber