IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 21  ta' Lulju, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fis-silta ta' dal-Ħadd, l-evanġelista Luqa jirrakkonta ż-żjara ta' Ġesù fid-dar ta' Marta u Marija, ħut Lażżru (cfr Lq 10,38-42).  Huma jilqugħ u Marija toqgħod bilqiegħda ħdejn riġlejh biex tisimgħu; ħalliet dak li kienet qed tagħmel biex tkun qrib Ġesù: ma trid tilef xejn minn kliemu.  Kollox għandu jingħata l-ġenb għax meta Hu jiġi jżurna fil-ħajja tagħna, il-preżenza tiegħu u kelmtu jiġu qabel kollox.  Il-Mulej jissorprendina dejjem: meta aħna noqgħodu nisimgħuh bis-serjetà, is-sħab jgħib, id-dubji teħdilhom posthom il-verità, il-biża' s-serenità, is-sitwazzjonijiet diversi tal-ħajja jsibu posthom.  Kull meta jiġi l-Mulej dejjem jirranġa l-affarijiet, lilna wkoll.

F'dix-xena ta' Marija ta' Betanja f'riġlejn Ġesù, San Luqa juri l-atteġġjament tat-talb ta' dak li jemmen, li jaf joqgħod fil-preżenza tal-Imgħallem biex jisimgħu u jidħol f'armonija miegħu.  Dan ifisser li tul il-ġurnata jkun hemm ħin ta' waqfien biex wieħed jinġabar fis-skiet, ftit minuti, biex iħalli l-wisa' għall-Mulej li "jkun għaddej" u jsib il-kuraġġ biex jibqa' ftit "imwarrab" flimkien miegħu, biex imbagħad imur lura bis-serenità u bl-effikaċja għall-affarijiet tal-ħajja ta' kuljum.   Hu u jfaħħar l-atteġġjament ta' Marija li "għażlet l-aħjar sehem" (v. 42) Ġesù donnu qiegħed itenni lil kull wieħed u waħda minna: "Tħallix dak li għandek tagħmel jirkbek, imma l-ewwel isma' leħen il-Mulej, biex il-ħidma li tassenjalek il-ħajja tkun tista' tagħmilha kif imiss".

Imbagħad hemm oħtha l-oħra.  San Luqa jgħid li kienet hi li stiednet lil Ġesù (cfr v. 38).  Forsi Marta kienet il-kbira bejn iż-żewġt aħwa, ma nafux, imma żgur li kellha l-kariżma tal-ospitalità.  Għalhekk Ġesù jgħidilha: "Marta, Marta, int taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ" (v. 41).  B'dal-kliem, ċertament Hu ma jridx jikkkundanna l-atteġġjament tas-servizz, imma pjuttost it-tħassib żejjed li kultant jiddomina ħajjitna.  Aħna wkoll bil-preokkkupazzjonijet tagħna nixbħu lil Santa Marta.  Fuq l-eżempju tagħha, inwiegħedu lilna nfusna illi fil-familji tagħna u fil-komunitajiet tagħna ngħixu s-sens tal-akkoljenza, tal-fraternità, ħalli kulħadd iħossu "d-dar" speċjalment iż-żgħar u l-foqra meta jħabbtulna biebna.

Għalhekk l-Evanġelju tal-lum ifakkarna li d-dehen tal-qalb hu li nagħrfu ngħaqqdu flimkien dawn iż-żewġ elementi: il-kontemplazzjoni u l-azzjoni.  Marta u Marija juruna t-triq.  Jekk fil-ħajja rridu nduqu l-hena jeħtiġilna ngħaqqdu flimkien dawn iż-żewġ atteġjamenti: min-naħa "li nkunu f'riġlejn" Ġesù biex nisimgħuh hu u jisvelalna s-sigriet ta' kull ħaġa; mill-oħra li jkollna l-ħrara u nkunu dejjem lesti biex nospitawh meta Hu jgħaddi u jħabbat fuq biebna, bil-wiċċ ta' ħabib li għandu bżonn mument ta' serħan u fraternità.  Din l-ospitalità hi meħtieġa.

Marija Santissma, Omm il-Knisja, ttina l-grazzja li nħobbu u naqdu lil Alla u lil ħutna bl-idejn ta' Marta u l-qalb ta' Marija, għax dment li nibqgħu dejjem nisimgħu lil Kristu nistgħu nkunu artiġjani tal-paċi u tat-tama.  U dan hu interessanti: b'dwn iż-żewġ atteġġjamenti nkunu artiġjani tal-paċi u tat-tama.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

 

bħall-bieraħ ħamsin sena ilu l-bniedem niżel fuq il-qamar u b'hekk twettqet ħolma straordinarja.  Jalla t-tifkira ta' dak il-pass kbir għall-umanità jixgħel ix-xewqa li nimxu 'l quddiem flimkien lejn skopijiet dejjem akbar: aktar dinjità lid-dgħajfa, aktar ġustizzja fost il-popli, futur aħjar għad-dar komuni tagħna.

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini!  Insellem b'mod partikolari lin-novizzi tas-sorijiet Ulied Marija Awżiljatriċi li ġejjin minn diversi pajjiżi.  Insellmilkom b'mod speċjali u nittama li wħud minnkom imorru l-Patagonja: hemm bżonn ta' ħafna ħidma hemmhekk!  Insellem lill-istudenti tal-Kulleġġ Cristo Rey minn Asunción (Paragwaj), lis-seminaristi u dawk li jiffurmawhom tal-Opra Don Guanella minn Iaşi (Rumanija), liż-żgħażagħ minn Chiry-Ourscamp (Franza) u lill-fidili minn Cantù.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber