Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, ħsiebna jmur lejn il-Verġni Marija, Omma mimlija mħabba premuruża lejn uliedha kollha, ulied, li Ġesù afdalha f’idejha minn fuq is-Salib fil-waqt li Hu kien qiegħed joffri lilu nnifsu fl-akbar ġest ta’ mħabba.  L-ikona ta’ din l-imħabba huwa l-Kefen li anki did-darba ġibed tant nies lejn Turin.  Il-Kefen hu kalamita li tiġbidna lejn il-wiċċ u l-ġisem imbiċċer ta’ Ġesù u fl-istess ħin, jeħodna lejn il-wiċċ sofferenti ta’ kull persuna li ssofri u li hi persegwitata inġustament, timbuttana lejn l-istess direzzjoni tal-imħabba ta’ Ġesù.  “L-imħabba ta’ Kristu tħeġġiġna”: din il-kelma ta’ San Pawl kienet il-motto ta’ San Ġużepp Benedittu Cottolengo.

Waqt li nfakkar il-ħerqa appostolika ta’ tant saċerdoti ta’ din l-art, ibda’ minn Dun Bosco, li qed infakkru l-mitejn sena mit-twelid tiegħu, insellem bi gratitudni lilkom, saċerdoti u reliġjużi.  Intom tiddedikaw ruħkom b’impenn għall-ħidma pastorali u tinsabu qrib ta’ ħafna nies u tal-problemi tagħhom.  Ninkoraġġikom biex tibqgħu għaddejjin f’dal-ministeru bil-ferħ, u dejjem tippuntaw lejn dak li hu essenzjali fit-tħabbir tal-Evanġelju.  U filwaqt li nirringrazzja lilkom, ħuti isqfijiet tal-Piemonte u tal-Valle d’Aosta għall-preżenza tagħkom, inħeġġiġkom biex tibqgħu qrib is-saċerdoti tagħkom b’imħabba paterna u bi qrubija entużjasta.

Nerħi din il-belt, it-territroju tagħha u lil kull min jgħix fiha, f’idejn il-Verġni Mqaddsa, biex kulħadd jgħix fil-ġustizzja, fil-paċi u fil-fraternità.  Nafdalha fi’idejha b’mod partikolari lill-familji, liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lill-ħabsin u li kull min qed ibati, bi ħsieb speċjali għall-morda bil-lewkemja, illum li hu l-Jum Nazzjonali kontra l-Lewkimja, il-Linfomi u l-Melanoma.  Marija Faraġ tal-Insara, Reġina ta’ Turin u tal-Piemonte, ssaħħaħ il-fidi tagħkom, it-tama tagħkom u tagħmel aktar għammiela l-karità tagħkom biex intom tkunu “l-melħ u d-dawl” ta’ din l-art imbierka, li jien niġi n-neputi tagħha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.