Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

It-tieni Ħadd tar-Randan jagħtina l-Evanġelju tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù.

Il-vjaġġ appostoliku li għamilt dawn l-aħħar jiem fil-Messiku kien esperjenza ta’ trasfigurazzjoni.  Kif inhu hekk?  Għax il-Mulej uriena d-dawl tal-glorja tiegħu permezz tal-ġisem tal-Knisja, tal-Poplu qaddis tiegħu li jgħix f’dik l-art.  Ġisem li safa’ miġrugħ bosta drabi, Poplu tant drabi mgħakkes, disprezzat, bid-dinjità teigħu mkasbra.  Fil-fatt id-diversi laqgħat fil-Messiku kienu mimlija dawl: id-dawl tal-fidi li jittrasfigura l-uċuħ u jiċċara l-mixja.

“Il-fus” spiritwali tal-pellegrinaġġ kien is-Santwarju tal-Madonna ta’ Guadalupe.  L-aktar ħaġa li ridt nagħmel kienet li noqgħod fis-skiet quddiem ix-xbieha tal-Omm. U nirringrazzja ‘l Alla li dan (il-mument) ingħatali.  Ikkontemplajt u ħallejt lil Dik li f’għajnejha għandha stampati ‘l uliedha kollha u tiġbor fiha t-tbatija minħabba l-vjolenza, il-ħtif tal-persuni, il-qtil, l-abbuż tal-poter għad-dannu ta’ tant nies imsejkna, ta’ tant nisa, tħares lejja.  Guadalupe hu s-santwarju Marjan li l-akar iżuruh nies fid-dinja.  Mill-Amerika kollha jmorru jitolbu hemm, fejn il-“Virgen Morenita dehret lill-Indjo San Juan Diego, u bdiet l-evanġeliżżazzjoni tal-kontinent u ċ-ċiviltà ġdida, frott tat-tlaqqigħ ta’ diversi kulturi.

U dan hu propju l-wirt li l-Mulej ta lill-Messiku: li jindokra l-għana tad-diversità u, fl-istess waqt, juri fil-beraħ l-armonija li tiġi mill-fidi komuni, fidi sinċiera u sħiħa, akkumpanjata minn doża qawwija ta’ dinamiżmu u ta’ umanità.  Bħall-predeċessuri tiegħi, jien ukoll mort biex nikkonferma l-fidi tal-poplu Messikan, imma biex fl-istess ħin inkun ikkonfermat jien; ilqajt dan ir-rigal b’idejja miftuħa beraħ ħalli jkun ta’ benefiċċju għall-Knisja universali.

Eżempju ħaj ta’ dak li qed ngħid huma l-familji: il-familji Messikani laqgħuni bil-ferħ bħala messaġġier ta’ Kristu, Ragħaj tal-knisja; imma min-naħa tagħhom tawni xhieda limpida u qawwija, xhieda ta’ fidi mgħejxa, fidi li tittrasfigura l-ħajja, dan biex ikun ta’ eżempju ta’ dawl għall-familji Kristjani tad-dinja.  U l-istess jista’ jingħad dwar iż-żgħażagħ, il-persuni konsagrati, is-saċerdoti, il-ħaddiema, il-ħabsin.

Għaldaqstant nirringrazzja lill-Madonna ta’ Guadalupe għad-don ta’ dan il-pellegrinaġġ.  Minbarra dan, irrodd ħajr lill-President tal-Messiku u l-awtoritajiet ċivili l-oħra għal-laqgħa appassjonata li tawni; irrod ħajr kbir lil ħuti fl-espiskopat, u lill-persuni kollha li kkollaboraw b’ħafna modi.

Tifħir speċjali ntuh lis-Santissima Trinità li riedet li f’din l-okkażjoni, f’Kuba ssir il-laqgħa bejn il-Papa u l-Patrijarka ta’ Moska u tar-Russja kollha, ħija l-għażiż Kirill; laqgħa tant mixtieqa anki mill-predeċessuri tiegħi.  Dan l-avveniment hu wkoll dawl profetiku tar-Riżurrezzjoni, li llum id-dinja kollha teħtieġu daqs qatt qabel.  L-Omm Qaddia ta’ Alla tkompli tmexxina lejn l-għaqda.  Nitolbu lill-Madonna ta’ Kazan, li l-Patrijarka Kirill irregalali ikona tagħha.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Għada f’Ruma se jkun hawn konvenju internazzjonali “Għal dinja mingħajr il-piena tal-mewt” imlaqqa’ mill-Komunità Sant’Egidio.  Nawgura li s-simpożju jagħti spinta ġdida lill-impenn biex tkun abolita l-piena kapitali.  Sinjal ta’ tama hu li qed tinfirex sew mal-opinjoni pubblika l-oppożizzjoni għall-piena tal-mewt anki bħala strument ta’ difiża soċjali leġittima biss.  Fil-fatt, is-soċjetajiet moderni għandhom l-ustrumenti meħtieġa biex irażżnu b’mod effikaċi l-kriminalità mingħajr ma jneħħu l-possibiltà lil min ikun wettaqha, li jemanċipa ruħu.  Il-problema rridu narawha fid-dawl ta’ ġustizzja penali li tkun dejjem aktar taqbel mad-dinjità tal-bniedem u mal-pjan t’Alla għall-bniedem u s-soċjetà u tkun ukoll ġustizzja penali miftuħa għat-tama li bniedem jista’ jidħol lura fis-soċjetà.  Il-Kmandament “la toqtolx” għandu valur assolut li jolqot kemm lill-innoċenti kif ukoll lill-vittma.

Il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena hu okkażjoni porpizja  biex fid-dinja mmexxu ‘l quddiem forom dejjem aktar maturi ta’ rispett lejn il-ħajja u lejn id-dinjità ta’ kull persuna.  Il-kriminal ukoll għandu dritt sagrosant għall-ħajja, rigal ta’ Alla.  Nagħmel appell lill-kuxjenza tal-governanti, biex jintlaħaq kunsens internazzjonali ħalli tkun abolita l-piena tal-mewt.  U lil dawk fosthom li huma Kattoliċi nissuġġerilhom li jagħmlu ġest kuraġġuż u ta’ eżempju: jalla ma titqiegħed fis-seħħ ebda kundanna matul din is-Sena tal-Ħniena.

L-Insara kollha u l-bnedmin ta’ rieda tajba huma msejħin illum, biex jaħdmu mhux biss biex tispiċċa l-piena tal-mewt imma wkoll biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet, bir-rispett lejn id-dinjità umana tal-persuni li ttiħditilhom il- libertà.

* * *

Insellem minn qalbi lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet u lill-pellegrini kollha ta’ Ruma, tal-Italja u ta' pajjiżi oħra.

Insellem lill-fidili min Sevilla, Cádiz, Ceuta (Spanja) u lil dawk li ġew minn Trieste, Corato, Turin.  Tislima partikolari lill-Komunità Papa Giovanni XXIII, imwaqqfa mill-Qaddej t’Alla Don Oreste Benzi, li nhar il-Ġimgħa li ġej se tgħamel “Via Crucis” fit-toroq ta’ Ruma, “Via Crucis” ta’ solidarjetà u talb għan-nisa vittmi tat-traffikar tal-persuni.

Ir-Randan hu ż-żmien addattat biex issir mixja ta’ konverżjoni li fil-qalbha tagħha hemm il-ħniena.  Għalhekk illum deherli li għandi nirregalalkom, lilkom li tinsabu fil-pjazza, “mediċina spiritwali”, li sejjaħtilha “Misericordina”.  Diġà għamilna dan darb’oħra imma din hi ta’ kwalità aħjar: hi “il-Misericordina plus”.  Kaxxa żgħira li fiha l-kuruna tar-Rużarju u xbieha ċkejkna ta’ Ġesù tal-Ħniena.  Fost il-volontraji li issa se jqassmuhom, hemm nies foqra, bla dar, persuni turufnati u anki reliġjużi.  Ilqgħu dan ir-rigal bħala għajnuna spiritwali sabiex jnxterdu, speċjalment matul din is-sena tal-Ħniena, l-imħabba, il-maħfra u l-fraternità.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber