Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd tal-Avvent iqiegħed għall-attenzjoni tagħna l-figura ta’ Marija.  Narawha meta, hekk kif nisslet fil-fidi ‘l Iben t’Alla, titlaq għal vjaġġ tqil minn Nażaret lejn l-għoljiet tal-Ġudea biex iżżur u tgħin lil Eliżabetta.  L-Anġlu Gabrijel kien ħabbrilha li l-qariba anzjana tagħha, li kienet bla tfal, kienet waslet fis-sitt xahar tat-tqala (cfr Luqa 1, 26.36).  Għalhekk, il-Madonna, li fi ħdanha kienet qed iġġorr ir-rigal u misteru akbar, tmur iżżur lil Eliżabetta u tibqa’ magħha tliet xhur.  Fil-laqgħa bejn iż-żewġ nisa - immaġinaw: waħda anzjana u l-oħra żgħażugħa - hija ż-żgħażugħa, Marija, li ssellem l-ewwel.  L-Evanġelju jgħidlina hekk:  «Hekk kif daħlet fid-dar ta’ Żakkarija, sellmet lil Eliżabetta» (Luqa 1, 40).  U wara dik it-tislima, Eliżabetta tħossha mistgħaġba ħafna – tinsewx dil-kelma: stgħaġib.  L-istgħaġib.  Eliżabetta tħossha mistgħaġba ħafna, stgħaġib li jinħass fi kliemha: «U kif ikun li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?» (v. 43). U jintgħannqu, ibusu ‘l xulxin, ferħanin dawn iż-żewġ nisa: l-anzjana u ż-żgħażugħa, it-tnejn tqal.

Biex niċċċelebraw il-Milied bil-fejda, aħna msejħin nieqfu fil-“postijiet” fejn hemm l-istgħaġib.  U liema huma dawn l-imkejjen tal-istgħaġib fil-ħajja ta’ kuljum?  Huma tlieta.  L-ewwel hemm “l-ieħor”, li fih nagħrfu lil ħuna għax minn mindu wasal il-Milied ta’ Ġesù, kull wiċċ iġib stampat fuqu x-xbieha ta’ Iben Alla.  Fuq kollox meta jkun wiċċ il-fqir, għax Alla daħal fid-dinja fil-faqar u, qabel kulħadd, ħalla li jersqu lejh il-foqra.

Imkien ieħor ta’ stgħaġib – it-tieni – li fih, jekk inħarsu bl-għajnejn tal-fidi, inħossu l-istgħaġib veru, huwa “l-istorja”.  Tant drabi naħsbu li qed inħarsu lejha mill-aspett it-tajjeb, imma minflok nirriskjaw li naqrawha bil-maqlub.  Dan iseħħ, per eżempju, meta din tidher li hi mmexxija biss mill-ekonomija u mis-suq, irregolata mill-finanzi u min-negozju, iddominata minn min ikollu s-setgħa f’idejh.  Alla tal-Milied, minflok, hu Alla li “jħawwad il-karti”: iħobb jagħmlu dan!  Kif tkanta Marija fil-Magnificat, hu l-Mulej li niżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla liċ-ċkejknin, mela b’kull ġid  lil min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn (cfr Luqa 1, 52-53).  Dan hu t-tieni stgħaġib, l-istgħaġib tal-istorja.

It-tielet post ta’ stgħaġib huwa “l-Knisja”: li nħarsu lejha bl-istgħaġib tal-fidi jfisser li ma nillimtawx ruħna li nqisuha biss bħala istituzzjoni reliġjuża, għalkemm hekk hi; imma nħossuha bħala Omm li bit-tbajja u t-tikmix tagħħa – għandna ħafna minn dawn! – turina wkoll il-karatteristiċi tal-Għarusa maħbuba u msaffija minn Kristu l-Mulej.  Knisja li taf tagħraf il-ħafna sinjali ta’ mħabba fidila li jibgħatilha Alla f’kull waqt.  Knisja li għaliha l-Mulej ma jkun qatt xi ħaġa li tkun tagħha u li għandha tiddefendiha bil-ġelosija: min jagħmel hekk, jiżbalja; imma dejjem Dak li jiġi jiltaqa’ magħha u li hi taf tistennih bil-fiduċja u l-ferħ, billi tkun leħen għat-tama tad-dinja.  Il-Knisja  li ssejjaħ ‘il-Mulej: “Ejja Mulej Ġesù!”.  Il-Knisja omm li għanhda l-bibien tagħha dejjem beraħ u dirgħajha miftuħin biex tilqa’ lil kulħadd.  Anzi, il-Knisja omm li toħroġ ‘il barra mill-bibien tagħha biex tifttex bi tbissima ta’ omm lil kull min hu mbiegħed u tressqu lejn il-ħniena ta’ Alla.  Dan hu l-istgħaġib tal-Milied!

Fil-Milied Alla jagħtina lilu nnifsu kollu kemm hu meta jtina lil Ibnu, l-Uniku, li hu l-ferħ kollu tiegħu.  U hu biss bil-qalb ta’ Marija, il-bint fqira ta’ Sijon, li saret Omm l-Iben tal-Aktar Għoli, li jkun possibbli naqbżu bil-ferħ u nħossu l-hena kbir li tana Alla u s-sorpriża li ma tistennihiex, tiegħu.  Tgħinna Hi biex inħossu dan l-istgħaġib – dawn it-tliet mumenti: l-istgħaġib bl-ieħor, bl-istorja u bil-Knisja – għat-twelid ta’ Ġesù, ir-rigal tar-rigali kollha, ir-rigal mhux mistħoqq li jġibilna s-salvazzjoni.  Jalla l-laqgħa ma’ Ġesù tqanqal fina wkoll dan l-istgħaġib kbir.  Imma ma jistax ikollna dan l-istgħaġib, ma nistgħux niltaqgħu ma’ Ġesù jekk ma niltaqgħux miegħu fl-oħrajn, fl-istorja u fil-Knisja.

 

APPELL

Għeżież ħuti,

Illum ukoll inħossu jgħaddili ħsieb dwar il-maħbuba Sirja, biex nesprimi l-apprezzament sħiħ tiegħi għall-ftehim li ntlaħaq mill-komunità internazzjonali.  Ninkoraġġixxi lil kulħadd biex ikompli miexi b’dan l-entużjażmu ġeneruż fit-triq biex tieqaf il-vjolenza u jkun hemm soluzzjoni negozjata li twassal għall-paċi.  Fuq l-istess linji qed naħseb ukoll fil-Libja, fejn l-impenn taż-żewġ naħat biex ikun hemm Gvern ta’ għaqda nazzjonali hu stedina għat-tama fil-futur.

Nixtieq ukoll nagħti appoġġ għall-impenn ta’ kollaborazzjoni li huma msejħin jagħmlu il-Costa Rica u n-Nicaragua.  Nawgura li spirtu ta’ fraternità mġedded isaħħaħ aktar id-djalogu u l-koperazzjoni reċiproka, bħalma nittama li jiġri bejn il-pajjiżi kollha tar-reġjun.

Bħalissa ħsiebi jmur lejn l-għeżież popolazzjonijiet tal-Indja, li dan l-aħħar intlaqtu minn għarar kbir.  Nitolbu għal dawn ħutna li qed ibatu minħabba dan id-diżastru u nerħu l-erwieħ tal-mejtin fil-ħniena t’Alla.   Nitolbu għal dawn ħutna kollha tal-Indja kollha, billi ngħidu Ave Marija lill-Madonna.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom pellegrini li ġejtu minn bosta pajjiżi biex tieħdu sehem f’din il-laqgħa ta’ talb.  Illum l-ewwel tislima tmur lejn it-tfal ta’ Ruma.  Imma dawn it-tfal jafu jagħmlu l-istorbju!  Ġew biex iġeddu t-tradizzjoni li nberkilhom ix-xbiehat ta’ Ġesù Bambin, ċerimonja organiżżata miċ-Ċentru tal-Oratorji ta’ Ruma.  Għeżież tfal, isimgħu tajjeb: meta tkunu qed titolbu quddiem il-presepji tagħkom, ftakru fija wkoll, bħalma jien niftakar fikom.  Nirringrazzjakom u l-Milied it-tajjeb!

Insellem lill-familji tal-komunità “Figli del Cielo” u lil dawk li jsibu l-għaqda, bit-tama u fit-tbatija, fl-isptar Bambino Gesù.  Għeżież ġenituri, niżgurakom mill-qrubija spiritwali tiegħi u ninkoraġġikom biex tkomplu fil-mixja tagħkom ta’ fidi u fraternità.

Insellem lill-kor polifoniku minn Racconigi, il-grupp tat-talb “Ulied il-Papa” – grazzi tal-appoġġ tagħkom! – u lill-fidili minn Parma.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb u Milied ta’ tama mimli stgħaġib, l-istgħaġib mimli mħabba u paċi li jtina Ġesù.  Tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber