Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (Mt 15,21-28), jippreżentalna eżempju singolari tal-fidi fil-laqgħa ta’ Ġesù mal-mara Kagħananija, li għal-Lhud kienet persuna barranija.  Ix-xena sseħħ fil-ħin li Hu kien miexi lejn l-ibliet ta’ Tir u Sidon, lejn il-majjistral tal-Galileja: Huwa hawn li l-mara b’ħerqa kbira titlob lil Ġesù biex ifejjilha ‘l-bintha li – jgħidina l-Evanġelju - «hi mħabbta ħafna mix-xitan» (v. 22).  Għall-ewwel, il-Mulej donnu ma jismax din il-karba ta’ tbatija, tant illi kienu d-dixxipli li qabżu għaliha.  Iżda, id-distakk li donnu jidher f’Ġesù ma jaqtax qalb din l-omm, li tibqa’ tinsisti fit-talb ħerqan tagħha.

Il-qawwa interjuri ta’ dil-mara, li biha rnexxilha tegħleb kull ostaklu, tinsab fl-imħabba materna tagħha u fil-fiduċja li Ġesù seta’ jtiha dak li kienet qed titolbu.  U dan iġegħelni naħseb dwar il-qawwa li għandhom in-nisa.  Bil-qawwa tagħhom għandhom ħila jiksbu ħwejjeġ kbar.  Nafu b’ħafna minn dawn!  Nistgħu ngħidu li hija l-imħabba li tmexxi l-fidi u l-fidi, min-naħa tagħha, ssir il-premju tal-imħabba.

L-imħabba ta’ qsim il-qalb lejn bintha ġġegħelha «tgħajjat»: “Ħenn għalija Mulej, Iben David!”» (v. 22).  U l-fidi perseveranti tagħha f’Ġesù tgħinha biex ma taqtax qalbha lanqas quddiem l-ewwel rifjut tiegħu; għalhekk il-mara «inxteħtet quddiemu u bdiet tgħidlu: “Mulej, għinni!”» (v.25).

Fl-aħħar, quddiem dik il-perseveranza kollha, Ġesù jimtela bl-ammirazzjoni, kważi mistħaġeb bil-fidi ta’ dil-mara pagana.  Għaldaqstant jaċċetta u jgħidilha: «Mara, il-fidi tiegħek hija kbira!  Isir dak li tixtieq”. U minn dak il-ħin, bintha fieqet» (v. 28). Ġesù juri lil dil-mara bħala eżempju ta fidi samma.  L-insistenza tagħha hi u tinvoka l-azzjoni ta’ Ġesù hija stimolu għalina biex ma naqtgħux qalbna, biex ma niddisprawx meta nkunu mgħakusin mill-provi iebsin tal-ħajja.  Il-Mulej ma jdawwarx wiċċu n-naħa l-oħra quddiem il-ħtiġijiet tagħna, u jekk xi drabi, donnu jidher insensibbli għal għajnuna li nkunu qed nitolbuh, ikun qed jagħmlu biex jgħaddina mill-prova u biex iseddaq il-fidi tagħna.  Aħna għandna nkomplu ngħajjtu bħal dil-mara: “Mulej, għinni!  Muelj, għinni!”  Hekk, bil-perseveranza u bil-kuraġġ.  U dan hu l-kuraġġ meħtieġ fit-talb.

Dan l-episodju evanġeliku jgħinna nifhmu li lkoll kemm aħna jeħtieġ li nikbru fil-fidi u nsaħħu l-fiduċja tagħna f’Ġesù.  Hu jista’ jgħinna nerġgħu nsibu t-triq meta nkunu tlifna l-boxxla tal-mixja tagħna; meta t-triq tidher li mhix aktar lixxa imma mħattba u wieqfa; meta nsibuha iebsa nibqgħu fidili lejn l-impenji tagħna.  Importanti li nżoqqu l-fidi tagħna kuljum bis-smigħ attent tal-Kelma t’Alla, biċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, bit-talb personali, bħala “għajta” li titla’ lejh – “Mulej, għinni!” -, u b’atteġġjamenti konkreti ta’ karità lejn il-proxxmu.

Nintelqu f’idejn l-Ispirtu s-Santu sabiex Hu jgħinna nipperseveraw fil-fidi.  L-Ispirtu jnissel il-kuraġġ fil-qlub ta’ dawk li jemmnu; lill-ħajja tagħna u lix-xhieda Nisranija tagħna jtiha l-qawwa tal-konvinzjoni u l-persważjoni; jinkuraġġina biex ngħelbu n’nuqqas ta’ twemmin f’Alla u l-indifferenza lejn ħutna.

Jalla l-Verġni Marija tagħmilna dejjem aktar konxji dwar kemm neħtieġu lill-Mulej u l-Ispirtu tiegħu; tirregalalna fidi qawwija, mimlija mħabba, u mħabba li taf issir supplika, supplika ta’ kuraġġ lil Alla.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Fi qlubna nġorru n-niket minħabba l-atti terroristiċi li f’dawn l-aħħar jiem ħallew għadd ta’ vittmi fil-Burkina Faso, fi Spanja u fil-Fillandja.  Nitolbu għall-mejtin kollha, għall-miġrugħa u għall-familji tagħhom; u nitolbu bil-ħerqa lill-Mulej, Alla tal-ħniena u paċi, biex jeħles lid-dinja minn dil-vjolenza diżumana.  Nitolbu flimkien, l-ewwel fis-skiet u wara lill-Madonna.

[Ave Maria…]

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll għeżież pellegrini Taljani u minn pajjiżi diversi.  Insellem b’mod partikolari lill-membri tal-Assoċjazzjoni Franċiża “Roulons pour l’Espoir”, li ġew bir-roti minn Besançon; lis-sminaristi l-ġodda flimkien mas-superjuri tagħhom, mill-Kulleġġ ‘North America” ta’ Ruma; lill-abbatini minn Rivoltella (Brescia) u lill-adoloxxenti minn Zevio (Verona).

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jgħoġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber