Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

F’dawn il-Ħdud il-liturġija tqiegħed quddiemna xi parabboli mill-Evanġelju, jiġifieri rakkonti qosra li Ġesù kien juża biex iħabbar is-Saltna tas-Smewwiet lill-follol.  Fost dawk li hemm fl-Evanġelju tallum hemm waħda pjuttost kumplessa, li Ġesù jispjegaha lid-dixxipli tiegħu.  Hija l-parabbola tal-qamħ u s-sikrana li taffronta l-problema tal-ħażen fid-dinja u toħroġ fid-deher il-paċenzja t’Alla (Mt 13, 24-30, 36-43).  Ix-xenarju hu għalqa fejn is-sid jiżra’ l-qamħ; imma lejl wieħed jasal l-għadu u jiżra’ s-sikrana, kelma li fl-Ebrajk għandha l-istess oriġini tal-kelma “Satana” u tirreferi wkoll għall-kunċett tal-firda.  Ilkoll nafu li d-demonju hu “dak li jiżra’ s-sikrana”, dak li dejjem ifittex li jifred lill-persuni bejniethom, lill-familji, lin-nazzjonijiet u ‘l-popli.  Il-qaddejja jridu jqaċċtu l-ħaxix il-ħażin mill-ewwel imma s-sid ma jħallihomx għal din ir-raġuni: “Biex ma jiġrix li intom u taqilgħu s-sikrana, magħha tqaċċtu wkoll il-qamħ” (Mt 13, 29).   Għax ilkoll nafu li s-sikrana, meta tikber, tkun tixbaħ ferm ‘il-qamħ it-tajjeb, u hemm il-periklu li ma jingħarfux minn xuxlin.

It-tagħlima li toħroġ minn din il-parabbola hija doppja.  L-ewwelnett tgħidilna li l-ħażen li hawn fid-dinja mhux ġej minn Alla, imma mill-għadu tiegħu, il-Malinn.  Kurjuża din: il-malinn imur billejl biex jiżra’ s-sikrana, fid-dlam, fil-konfużjoni; hu jmur fejn mhemmx dawl biex jiżra’ s-sikrana.  Dan l-għadu moħħu jilħaqlu: żera’ l-ħażen qalb it-tajjeb, b’mod li hu impossibbli għalina l-bnedmin li nifirdu sew bejn il-wieħed u l-ieħor.  Imma fl-aħħar, Alla. dan ikun jista’ jagħmel dan.

U hawn naslu għat-tieni tema: il-kontrapożizzjoni bejn in-nuqqas ta’ paċenzja tal-qaddejja u l-istennija paċenzjuża ta’ sid l-għalqa, li jirrappreżenta lil Alla.  Kultant, aħna ngħaġġlu wisq biex niġġudikaw, nikklassifikaw, biex inqiegħdu t–tajbin hawn, il-ħżiena hemm………….  Imma ftakru fit-talba ta’ dak ir-raġel kburi: “O Mulej, niżżik ħajr għax jiena tajjeb, minix ħażin bħall-bnedmin l-oħra (Lq 18, 11-12).  Imma Alla jaf jistenna.  Hu jħares lejn “l-għalqa” tal-ħajja ta’ kull persuna bil-paċenzja u l-ħniena: jara ħafna aħjar minna l-ħmieġ u l-ħażen, imma jara wkoll iż-żrieragħ tat-tajjeb u jistenna bil-fiduċja li jimmaturaw.  Alla hu paċenzjuż, jaf jistenna.  Kemm hu sabiħ dan: il-Missier tagħna hu missier paċenzjuż, li jistenniena dejjem u jistenniena b’qalbu f’idu biex jilqagħna, biex jaħfrilna. Hu dejjem jaħfrilna jekk immorru għandu.

L-atteġġjament tas-sid hu wieħed ta’ tama mibnija fuq iċ-ċertezza li l-ħażen la għandu l-ewwel u lanqas l-aħħar kelma.  U hu grazzi għal din it-tama paċenzjuża ta’ Alla li l-istess sikrana, jiġifieri l-qalb ħażina b’tant dnubiet, tista’ fl-aħħar issir qamħ tajjeb.  Imma attenzjoni:  il-paċenzja Evanġelika ma tfissirx indifferenza lejn il-ħażen; ma nistgħux inħalltu t-tajjeb mal-ħażin!  Quddiem is-sikrana li hawn fid-dinja, id-dixxiplu tal-Mulej hu msejjaħ biex jimita l-paċenzja ta’ Alla, jmantni t-tama bis-sostenn tal-fiduċja samma fir-rebħa aħħarija tat-tajjeb, jiġifieri ta’ Alla.

Infatti, fl-aħħar, il-ħażen jitwarrab u jkun eliminat; fi żmien il-ħsad, jiġifieri fil-ġudizzju, il-ħassada jwettqu l-amar tas-sid u jifirdu s-sikrana biex tinħaraq (Mt 13,30).  Dakinhar tal-ħsad aħħari l-imħallef ikun Ġesù, dak li żera’ l-qamħ it-tajjeb fid-dinja u li Hu nnifsu sar “iż-żerriegħa tal-qamħ”, miet u rxoxta.  Fl-aħħar ilkoll se nkunu ġudikati bl-istess qies li bih inkunu ġġudikajna aħna: il-ħniena li nkunu wżajna lejn l-oħrajn se tintuża fuqna.  Nitolbu lill Ommna, lill-Madonna, biex tgħinna nikbru fil-paċenzja, fit-tama u fil-ħniena ma’ ħutna kollha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

 

Smajt bi tħassib kbir l-aħbarijiet li qed jaslu mill-komunitajiet Insara f’Mosul (l-Iraq) u f’inħawi oħra tal-Lvant Nofsani, fejn, sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu, dejjem għexu maċ-ċittadini l-oħra sħabhom u taw il-kontribut kbir tagħhom għall-ġid tas-soċjetà.  Illum huma persegwitati; ħutna huma persegwitati, imkeċċijin, ikollhom jitilqu minn djarhom mingħajr il-possibiltà li jieħdu xejn magħhom.  Lil dawn il-familji u lil dawn il-persuni rrid nesprimi l-qrubija tiegħi lejhom u t-talb bla heda tiegħi.  Għeżież ħuti li intom tant ippersegwitati, naf kemm qed tabtu, naf li intom imneżżgħin minn kollox.  Jien ninsab magħkom bil-fidi f’Dak li rebaħ il-ħażen!  U lilkom li tinsabu hawn fil-pjazza u lil min jinsab magħna permezz tat-televiżjoni nistedinkom biex fit-talb tagħkom tiftakru f’dawn il-komunitajiet Insara.  Minbarra dan, inħeġġiġkom biex ma thedewx titlobu għas-sitwazzjoni ta’ tensjoni u kunflitt li għadhom jippersistu f’diversi nħawi tad-dinja speċjalment fil-Lvant Nofsani u fl-Ukranja.  Nittamaw li Alla tal-paċi jqanqal f’kulħadd ix-xewqa tad-djalogu u tar-rikonċiljazzjoni.  Il-vjolenza ma tintrebaħx bil-vjolenza.  Il-vjolenza tintrebaħ bil-paċi!  Nitolbu fis-skiet, nitolbu għall-paċi: ilkoll, fis-skiet………  Marija, Omm il-Paċi, itlob għalina!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn pajjiżi oħra.

Insellem lill-kor tad-djoċesi ta’ Killala (fl-Irlanda), lis-sorijiet Benedittini tal-Providenza Divina u lis-sorijiet tal-Karità ta’ Santa Ġovanna Antida, lill-fidili minn Pescara u minn Villanova f’Padova, liż-żgħażagħ minn Messina u lit-tfal li qed jieħdu sehem fil-vaganza tas-sajf f’Tivoli.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla ta’ nofsinhar t-tajba.  Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber