Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dal-Ħadd ta’ qabel tal-aħħar tas-sena liturġika, l-Evanġelju jippreżentalna l-parabbola tat-talenti (cfr Mt 25,14-30).  Qabel ma telaq għal vjaġġ, wieħed raġel qassam it-talenti lil qaddejja tiegħu, muniti li dak iż-żmien kellhom valur kbir: lil wieħed tah ħamsa, lil ieħor tah tnejn u lil ieħor tah wieħed, kull wieħed skont il-ħila tiegħu. Il-qaddej li nagħta ħames talenti hu ħawtiel, ħaddimhom u qala’ ħamsa oħra.  Il-qaddej li nagħta tnejn ġab ruħu bl-istess mod u qala’ tnejn oħra.  Iżda, il-qaddej li nagħta wieħed, għamel ħofra fl-art u ħeba talent li kien tah sidu.

Hu dan l-istess qaddej li jispjega lil sidu, meta dan wasal lura, l-għala kien ġab ruħu hekk u qallu: “Sinjur, jiena naf li inti bniedem aħrax, li taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma tħawwilx.  Bżajt u ħbejt it-talent li tajtni taħt l-art” (vv. 24-25).  Dal-qaddej m’għandux relazzjoni ta’ fiduċja ma’ sidu, imma jibża’ minnu, u dan jimblukkah. Il-biża dejjem jipparaliżża u spiss iwassal għal deċiżjonijiet żbaljati.  Il-biża’ jżommok lura biex ma tieħux inizjattivi, iġegħelek tfittex kenn f’soluzzjonijiet bla riskju u garantiti, u b’hekk tispiċċa biex qatt ma tagħmel xejn tajjeb.  Biex nimxu’l quddiem  u nikbru fil-mixja tal-ħajja, ma nistgħux inkunu beżżiegħa, jeħtieġ li jkollna fiduċja.

Dil-parabbola tfhemna kemm hu importanti li jkollna idea vera ta’ Alla.  Ma rridux naħsbu li hu xi sid kattiv, iebes u żorr li jrid jikkastigana.  Jekk fina għanda din l-idea żbaljata ta’ Alla, allura ħajjitna ma tistax tkun għammiela, għax ngħixu bil-biża’ u dan ma jwassalna qatt biex inkunu kostruttivi, anzi l-biża’ jipparaliżżana, jeqridna.  Aħna msejħin nirriflettu biex niskopru liema hi verament l-idea tagħna ta’ Alla.  Fl-Antik Testment Hu diġà juri ruħu bħala “Alla ta’ ħniena u mogħdrija, tqil biex jagħdab u għani fil-ħniena u l-fedeltà”. ( 34,6).  U Ġesù dejjem uriena li Alla mhux sid rożż u intolleranti, imma missier mimli mħabba, tenerezza, missier mimli tjubija.  Għaldaqstant jista’ jkollna u għandu jkollna fiduċja mmensa fiH.

Ġesù jurina l-ġenerożità u l-ħerqa tal-Missier b’ħafna modi: bi kliemu, bil-ġesti tiegħu, billi jilqa’ lil kulħadd, speċjalment lill-midinbin, liż-żgħar u l-foqra – kif ifakkarna llum, l-Ewwel Jum Dinji tal-Foqra -; imma wkoll bit-twissijiwet li jtina, li jikxfulna kemm jieħu interess biex aħna ma naħlux ħajjtina fil-vojt.  Infatti dan hu s-sinjal li Alla jistmana ħafna: dan l-għarfien jgħinna nkunu persuni responsabbli f’kull azzjoni tagħna.  Għalhekk, il-parabbola tat-talenti tiġbdilna l-attenzjoni dwar ir-responsabbiltà personali u dwar il-fedeltà tagħna, li tfisser li aħna jkollna l-ħila li dejjem nibqgħu nfittxu toroq ġodda, mingħajr ma naħbu t-talent, jiġifieri d-doni li Alla afdalna, u li se jitlobna l-kont tagħhom.

Il-Verġni Mbierka tinterċedi għalina sabiex nibqgħu fidili lejn ir-rieda t’Alla u t-talenti li Hu żejjinna bihom insarrfuhom fi frott.  B’hekk inkunu utli għall-oħrajn u fl-aħħar jum, inkunu milqugħin mill-Mulej li jistedinna biex nieħdu sehem fil-glorja tiegħu.

 

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Detroit, fl-Istati Uniti tal-Amerika, ġie dikjarat Beatu, Francesco Solano, saċerdot tal-patrijiet kapuċċini minuri, dixxiplu umli u fidil ta’ Kristu.  Kien magħruf għall-ħidma bla heda ta’ servizz lill-foqra.  Jalla x-xhieda tiegħu tkun ta’ għajnuna għas-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi biex jgħixu r-rabta bejn it-tħabbira tal-Evanġelju u l-imħabba, bil-ferħ.

Dan hu dak li ridna nfakkru bil-Jum Dinji tal-Foqra, illum, li f’Ruma u fi djoċesijiet oħra qed jissarraf f’ħafna inizjattivi ta’ talb u qsim.  Nawgura li l-foqra jkunu fiċ-ċentru tal-komunitajiet tagħna mhux f’mumenti bħal dawn biss, imma dejjem; għax huma l-qofol tal-Evanġelju, fihom aħna niltaqgħu ma’ Ġesù li bit-tbatijiet u l-ħtiġijiet tagħhom ikellimna u jsejħilna.

Illum irrid infakkar b’mod partikolari, il-popolazzjonijiet li jgħixu f’faqar tal-biki minħabba l-gwerer u l-kunflitti.  Għalhekk lill-komunità internazzjonali nġeddilha l-appell imqanqal tiegħi biex timpenja ruħha u tagħmel kull sforz sabiex titnissel il-paċi, partikolarment fil-Lvant Nofsani.  Ħsieb speċjali jmur lejn l-għażiż poplu tal-Libanu filwaqt li nitlob biex fil-pajjiż ikun hemm l-istabbiltà, ħalli jkompli jkun messaġġ ta’ rispett u konvivenza għar-reġjum kollu u għad-dinja kollha.

Qed nitlob ukoll għall-ekwipaġġ tas-sottomarin militari Arġentin li hu mitluf.

Illum ukoll hu l-Jum dedikat lill-vittmi tat-traffiku, imniedi mill-Ġnus Magħquda. Ninkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet pubbliċi biex jimpenjaw ruħhom ħalli jkunu hemm il-prevenzjoni filwaqt li nħeġġeġ lis-sewwieqa biex ikunu prudenti u jirrispettaw ir-regoli, bħala l-ewwel forma ta’ ħarsien tagħhom infushom u tal-oħrajn.

U nsellem lilkom ilkoll, familji, parroċċi, assoċjazzjonijiet u fidili singoli, li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-pellegrini mir-Repubblika Dominikana; lill-parteċipanti tal-ġirja ta’ solidarjetà minn Košic (Slovakkja) sa Ruma; u lill-komunità mill-Ekwador residenti f’Ruma li llum qed tiffesteġġja lill-Verġni ta’ Quinche. Insellem lill-fraternità tal-Ordni Sekulari Trinitarju Taljan, lill-fidili minn Civitanova Marche, Sanzeno, Termoli, Capua u Nola, u liż-żgħażagħ li se jagħmlu l-Griżma minn Mestrino (Padova).

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber