Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta tal-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Luqa 9, 18-24) issejħilna għal darb’oħra biex nikkonfrontaw ruħna, biex ngħidu hekk, wiċċ imb’wiċċ ma Ġesù.  F’wieħed mill-ftit waqtiet kalmi li fih jinsab waħdu mad-dixxipli, Hu jistqasihom: «Il-follol min jgħidu li jien?» (v. 18).  U huma jwieġbu: «Ġwanni l-Battista; oħrajn jgħidu li int Elija; oħrajn wieħed mill-profeti tal-qedem li reġa’ qam» (v. 19). Minn dan jidher li n-nies kellhom stima lejn Ġesù u kienu jqisuH profeta kbir, imma kienu għadhom ma ndunawx liema hi l-veru identità tiegħu, jiġifieri li Hu kien il-Messija, Iben Alla mibgħut mill-Missier għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.

Allura Ġesù jdur direttament lejn l-Appostli – għax dan kien jinteressah aktar – u jistaqsi: «Imma intom min tgħidu li jien?»  F’isem kulħadd Pietru jwieġeb mill-ewwel: «Int Kristu ta’ Alla» (v. 20), li tfisser: Int il-Messija, il-Midluk ta’ Alla mibgħut minnu biex issalva l-poplu skont il-Patt u l-Wegħda.  B’hekk Ġesù jagħraf li t-tnax, u bil-miftuħ – partikolarment Pietru, kienu rċevew id-don tal-fidi mingħand il-Missier; u għaldaqstant jibda jkellimhom bil-miftuħ  - hekk jgħid l-Evanġelju: “bil-miftuħ” – dwar dak li kien jistennih f’Ġerusalemm: «Bin il-Bniedem – jgħidilhom – għandu jbati ħafna, ikun miċħud mix-xjuħ u l-kapijiet tas-saċerdoti u mill-iskribi, ikun maqtul u fit-tielet jum jirxoxta» (v. 22).

Dawn l-istess mistoqsijiet jgħoddu għal kull wieħed u waħda minna llum: «Min hu Ġesù għal-bnedmin ta’ żmienna?»  Imma l-oħra hija aktar importanti: «Min hu Ġesù għal kull wieħed u waħda minna?  Aħna msejħin biex it-tweġiba ta’ Pietru nagħmluha tagħna billi nistqarru bil-ferħ li Ġesù hu Iben Alla, il-kelma eterna tal-Missier, li saret bniedem biex tifdi l-umanità, billi tiġbor fiha l-abbundanza tal-ħniena divina.  Id-dinja għandha bżonn lil Kristu daqs qatt qabel, (għandha bżonn) is-salvazzjoni tiegħu, l-imħabba ħanina tiegħu.  Ħafna bnedmin iħossu vojt ġewwa fihom u madwarhom – forsi xi drabi, anki aħna – oħrajn jgħixu bl-inkwiet u l-inċertezza minħabba l-prekarjetà tal-kunflitti.  Ilkoll għandna bżonn tweġibiet xierqa għal-mistoqsijiet tagħna, għall-mistoqsijiet konkreti tagħna.  Fi Kristu, fiH biss hu possibbli nsibu l-paċi vera u l-milja ta’ kull aspirazzjoni umana.  Ħadd ma jaf il-qalb tal-bniedem daqskemm jafha Ġesù.  Għaldaqstant Hu jista’ jfejjaqha għax itiha l-ħajja u l-faraġ.

Wara li temm id-djalogu mal-Appostli, Ġesù dar lejn kulħadd u qal: «Jekk xi ħadd irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jiġi warajja»(v. 23).  Dan mhux salib ornamentali jew xi salib ideoloġiku, hu s-salib tal-ħajja, is-salib tad-dmir tagħna, is-salib li nissagrifikaw ruħna għall-oħrajn bl-imħabba – lejn il-ġenituri, lejn lulied, lejn il-familja, lejn il-ħbieb u lejn l-għedewwa -, is-salib li nkunu disponibbli biex nuru solidarjetà mal-foqra, biex nimpenjaw ruħna favur il-ġustizzja u l-paċi.  Meta nieħdu dan l-atteġġjament, nerfgħu dan is-salib, dejjem nitilfu xi ħaġa.  M’għandna qatt ninsew li «min jitlef ħajtu (għal Kristu), isalvaha» (v. 24).  Dan hu telf li jħalli l-qligħ.  U niftakru lkoll f’dawk ħutna li llum iqiegħdu fis-seħħ dan il-kliem ta’ Ġesù billi joffru ħinhom, il-ħidma tagħhom, it-tbatija tagħhom u saħansitra ħajjithom, biex ma jiċħdux il-fidi tagħhom fi Kristu.  Bil-medjazzjoni tal-iIpirtu s-Santu, Ġesù jtina l-forza biex nimxu ‘l quddiem fil-mixja tal-fidi u tax-xhieda: nagħmlu dak li nemmnu fih, mhux ngħidu ħaġa u nagħmlu oħra.  U f’din il-mixja dejjem hi qrib tagħna u tasal qabilna l-Madonna: inħalluha tmexxina minn idejna meta nkunu għaddejjin minn waqtiet mudlama u diffiċli.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ġewwa Foggia, ilbieraħ ġiet dikjarata beata Maria Celeste Crostarosa, soru fundatriċi tal-Ordni tas-Santissimu Redentur.  Jalla l-eżempju u l-interċessjoni tal-Beata l-ġdida jgħinuna nfasslu ħajjitna kollha fuq dik ta’ Ġesù, is-Salvatur tagħna.

Illum, jum il-Pentekoste skont il-kalendarju tal-Knisja Ortodossa, fi Kreta beda l-Konċilju Panortodoss biċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija Divina.  Ningħaqdu mat-talb ta’ ħutna u nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jassisti bid-doni tiegħu lill-Patrijarki, lill-Arċisqfijiet u lill-isqfijiet miġburin fil-Konċilju. U lkoll flimkien nitolbu lill-Madonna għal dawn ħutna Ortodossi.  “Sliem għalik, Marija....”

Għada hu l-Jum Dinji tar-Rifuġjati mniedi mill-Ġnus Magħquda.  It-tema ta’ dis-sena hi: “Flimkien mar-rifuġjati.  Aħna magħqudin ma’ min hu mġiegħel jaħrab”.  Ir-rifuġjati huma persuni bħal kulħadd, imma li l-gwerra ħaditilhom id-dar, ix-xogħol, il-qraba, il-ħbieb.  L-istejjer tagħhom u wiċċhom isejħulna biex inġeddu l-impenn biex nibnu l-paċi fil-ġustizzja.  Għalhekk jeħtiġilna nkunu magħqudin magħhom, niltaqgħu magħhom, nisimgħuhom, biex flimkien insiru bennejja tal-paċi skont ir-rieda t’ Alla.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini; partikolarment lill-istudenti tal-London Oratory School, lill-fidili minn Stokkolma u lill-komunitajiet Afrikani Frankofoni tal-Italja.  Insellem lill-fidili minn Benevento, Gravina di Puglia, Corbetta u Cardano al Campo, kif ukoll lill-volontarji tal-ħabs ta’ Busto Arsizio, u permezz tagħhom, lill-ħabsin.  Insellem ukoll lill-gruppi taċ-ċiklisti “ACRA” minn Fermo, “Pedalando” minn Ruma u dak minn Codevigo li qed iduru mat-toroq iwasslu messaġġi ta’ solidarjetà.  Dawn huma bravi!  Huma bravi!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber