Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd, it-tielet wieħed tar-Randan, jippreżentalna d-djalogu bejn Ġesù u s-Sammaritana (cfr Ġw 4,5-42).  Il-laqgħa seħħet waqt li Ġesù kien qed jaqsam is-Samarija, reġjun bejn il-Ġudeja u l-Galilija, fejn kienu jgħammru nies disprezzati mill-Ġudej, għax kienu jqisuhom xiżmatiċi u eretiċi.  Imma propju dil-popolazzjoni kienet waħda minn tal-ewwel li aċċettat il-predikazzjoni Kristjana tal-Appostli.  Waqt li d-dixxipli jmorru fil-villaġġ biex jixtru l-ikel, Ġesù jibqa’ qrib bir u jitlob lil mara li ġiet biex timla’ l-ilma biex ittih jixrob.  U minn din it-talba jibda djalogu. “Kif! Int, Lhudi u titlob lili, Sammaritana nagħtik tixrob?”  Ġesù jwieġeb: Kieku taf id-don ta’ Alla u min hu dak li talbek jixrob, kieku int kont titolbu, u kien jagħtik ilma ħaj”, ilma li jaqta’ kull għatx u jsir għajn bla tmiem fil-qalb ta’ min jixorbu (vv 10-14).

Li tmur iġġib l-ilma mill-għajn hi ħaġa li ddejqek u tgħejik; ikun isbaħ ikollok għad-dsipożizzjoni tiegħek għajn dejjem tnixxi!  Imma Ġesù qed jitkellem dwar ilma differenti.  Meta l-mara tinduna li dak li kien qed ikellimha kien profeta, tirrakkuntalu ħajjitha u tagħmillu mistoqsijiet reliġjużi.  Il-ħames irġiel li kellha ma qatgħulhiex l-għatx għall-imħabba u għal ħajja sħiħa, kellha biss delużjonijiet u inagnni.  Għalhekk, ir-rispett li wrieha Ġesù imissha fil-laħam il-ħaj u meta Hu jkellimha dwar il-fidi vera, bħala relazzjoni ma’ Alla l-Missier “fi spirtu ta’ verità”, tifhem li dak il-bniedem seta’ kien il-Messija, u Ġesù – ħaġa rarissma – jikkonferma dan: «Jien hu, li qiegħed inkellmek» (v. 26).  Hu jgħid li hu l-Messija lil mara li kellha ħajjitha daqstant imħarbta.

Għeżież ħuti, l-ilma li jagħti l-ħajja ta’ dejjem kien tferra’ fi qlubna fil-jum tal-Magħmudija tagħna; dakinhar Alla bidilna u mliena bil-grazzja tiegħu.  Imma jista’ jkun li dan id-don insejnieh, jew irriduċejnieh f’sempliċi nota anagrafika; u forsi qed immorru nfittxu “bjar” li l-ilma tagħhom ma jaqtgħalniex l-għatx.  Meta ninsew l-ilma veru, immorru nfittxu bjar li l-ilma tagħhom mhux nadif.  Allura, dan l-Evanġelju hu porpju għalina!  Mhux għas-Sammaritana biss, għalina.  Ġesù jkellem lilna bħalma jkellem lis-Sammaritana.  Ċertament, lilu aħna diġà nafuh, imma forsi għadna ma ltqajniex miegħu personalment, tkellimna miegħu, u għadna m’għarafniehx bħala s-Salvatur tagħna.  Dan iż-żmien tar-Radnan hu l-okkażjoni t-tajba biex navviċinawh, niltaqgħu miegħu fit-talb fi djalogu ta’ qalb ma’ qalb, nitkellmu miegħu, nisimugħ; hi l-okkażjoni t-tajba biex naraw wiċċu anki fil-wiċċ ta’ ħuna jew oħtna li qed isofru.  B’hekk aħna nkunu nistgħu nġeddu l-grazzja tal-Magħmudija, naqtgħu l-għatx mill-għajn tal-Kelma t’Alla u tal-Ispirtu s-Santu tiegħu; u b’hekk niskopru wkoll il-ferħ lli nsiru artiġjani tar-rikonċiljazzjoni u strumenti tal-paċi fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-Verġni Marija tgħinna nimlew bla heda l-ilma tal-grazzja, dak l-ilma li joħroġ mill-blata li hu Kristu Salvatur, ħalli nkunu nistgħu nistqarru bil-konvinzjoni l-fidi tagħna u nħabbru bil-ferħ il-meravilji tal-imħabba t’Alla, ħanin u għajn ta’ kull ġid.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Irrid nesprimi l-qrubija tiegħi lejn l-għażiż poplu tal-Perù li ntlaqat minn għarar kbir li ġab qerda sħiħa.  Nitlob għall-vittmi u għal kull min hu impenjat biex jagħti l-għajnuna.

Ilbieraħ f’Bolzano, ġie dikjarat Beatu, Josef Mayr-Nusser, missier ta’ familja u mexxej tal-Azzjoni Kattolika, lil miet martri għax irrifjuta n-Nażiżmu biex jibqa’ fidil lejn l-Evanġelju.  Minħabba l-importanza morali u spiritwali li kellu, huwa mudell għall-fidili lajċi, speċjalment għall-missirijiet, li llum niftakru fihom b’imħabba kbira minkejja li l-festa liturġika ta’ San Ġużepp se tkun iċċelebrata għada minħabba li llum huwa l-Ħadd.  Insellmu lill-missirijiet kollha b’applaws kbir.  (Applaws tal-folla).

Insellem minn qalbi likom ilkoll pellegrini minn Ruma, mill-Italja u minn diversi pajjiżi oħra.  Insellem lill-komunitajiet neo-katekumenali li ġew minn Angola u mil-Litwanja, kif ukoll li dawk li huma responsabbli mill-Komunità ta’ Sant’Egidio fl-Afrika u fl-Amerika Latina.  Insellem lill-fidili Taljani minn Viterbo, Bolgare, San Benedetto Po u lill-istudenti minn Torchiarolo.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivedercsi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber