Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Mt 5,38-48) – waħda minn dawk il-paġni li jesprimu bl-aħjar mod “ir-rivoluzzjoni” Kristjana – Ġesù juri t-triq tal-ġustizzja vera li ssir permezz tal-liġi tal-imħabba li tisboq dik tal-kunċett «għajn għal għajn u sinna għal sinna».  Dir-regola antika  kienet timponi lil min jikser il-liġi jħallas piena fl-istess qies tal-ħsara li jkun wettaq: il-mewt lil min ikun qatel, l-amputazzjoni li min ikun fera lil xi ħadd, eċċ.  Ġesù mhux qed jitlob lid-dixxipli tiegħu biex jibqgħu vittmi tad-deni, anzi jitlob ir-reazzjoni, imma mhux b’deni ieħor, imma bit-tajjeb.   B’hekk biss titkisser il-katina tal-ħażen: il-ħsara twassal għal ħsara oħra, u oħra u tibqa’ sejra... Inkissru dil-katina ta’ ħażen u b’hekk nibdlu l-affarijiet bis-serjetà.  Infatti, “il-ħażen” hu “vojt” it-tajjeb svujtat, u l-vojt ma jistax jimtela b’vojt ieħor, imma biss bit-“tfawwir”, jiġifieri bit-tajjeb.  It-tpattija qatt ma twassal biex jissolvew il-kunflitti.  “Int għamilthieli u jien intihielek lura”: dan qatt ma jsolvi kunflitt, u lanqas hu Kristjan.

Għal Ġesù r-rifjut tal-vjolenza jista’ jfisser ukoll ir-rinunzja għal dritt leġittimu; u jagħti ftit eżempji: dawwar wiċċek in-naħa l-oħra, agħti l-mantar tiegħek jew flusek, aċċetta sagrifiċċji oħra (cfr vv. 39-42).  Imma dir-rinunzja ma tfissirx li l-esiġenzi tal-ġustizzja jisfaw injorati jew miċħuda; le, bil-maqlub, l-imħabba Nisranija, li tidher b’mod speċjali fil-ħniena, hija forma aktar għolja tal-ġustizzja.  Dak li jrid jgħallimna Ġesù hu, li rridu nagħmlu distinzjoni netta bejn il-ġustizzja u l-vendetta.  Nagħrfu niddistingwu bejn il-ġustizzja u l-vendetta.  Il-vendetta qatt ma tista’ tkun ġusta.  Nistgħu nitolbu l-ġustizzja; hu dmir tagħna li nipprattikaw il-ġustizzja.  Imma għalina hu pprojbit li nivvendikaw ruħna jew li b’xi mod ninċitaw il-vendetta, għax hi espressjoni tal-mibgħeda u tal-vjolenza.

Ġesù ma jridx jipproponi xi liġi ċivili ġdida, imma pjuttost il-kmandament tal-imħabba lejn il-proxxmu, li jiġbor fih ukoll l-imħabba lejn l-għedewwa: «Ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal min jippersegwitakom» (v. 44).  U dan mhux faċli.  Dil-kelma ma tridx tinftiehem qiesha approvazzjoni għad-deni li jkun għamel l-għadu, imma bħala stedina f’perspettiva aktar għolja, perspettiva ta’ qalb kbira, li tixbaħ dik tal-Missier Ċelesti, li – jgħid Ġesù - «itella’ x-xemx kemm fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin, u jibgħat ix-xita fuq min hu ġust u min mhux» (v. 45).  Infatti, anki l-għadu huwa persuna umana, maħluqa xbieha ta’ Alla, minkejja li fil-preżent dix-xbieha hi mtappna b’imġieba mhux denja.

Meta nitkellmu dwar “l-għedewwa” m’għandniex għalfejn naħsbu dwar xi ħadd differenti jew imbiegħed minna; nitkellmu dwarna nfusna, li nistgħu nidħlu f’kunflitt mal-proxxmu tagħna, kultant anki mal-familjari tagħna.  Kemm għedewwa fi ħdan il-familji, tant u tant!  L-għedewwa huma wkoll dawk li jgħidu affarijiet ħżiena dwarna, li jagħmluna l-kalunji jew offiżi oħra.  U mhux faċli tniżżilhom dawn.  Lil dawn kollha aħna msejħin biex inweġbuhom bit-tajjeb, li wkoll għandu l-istrateġiji tiegħu, imnebbħin mill-imħabba.

Il-Verġni Marija tgħinna nimxu wara Ġesù f’dit-triq li titlob ħafna minna, li verament teżalta d-dinjità umana u tagħmilna verament ulied il-Missier tagħna li jinsab fis-smewwiet.  Tgħinna nipprattikaw il-paċenzja, id-djalogu, il-maħfra, u b’hekk inkunu artiġjani tal-għaqda, artiġjani tal-fraternità fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fuq kollox fil-familja tagħna.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Sfortunatament għadhom qed jaslu aħbarijiet dwar ġlied vjolenti u brutali fir-reġjun ta’ Kasaj fir-Repubblika Demokratika Ċentrali tal-Kongo.  Inħoss sogħba kbira għall-vittmi, speċjalment għal tant tfal imkaxkrin mill-familji u mill-iskola biex ikunu użati bħala suldati.  It-tfal suldati huma traġedja.  Niżgura l-qrubija tiegħi u t-talb tiegħi anki lill-persuni reliġjużi u l-ħaddiema umanitarji li jaħdmu f’dar-reġjun diffiċli; u nġedded minn qiegħ qalbi l-appell lejn il-kuxjenza u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-komunità internazzjonali biex jittieħdu deċiżjonijiet xierqa u f’waqthom ħalli dawn ħutna jsibu l-għajnuna.  Nitolbu għalihom u għall-popolazzjonijiet kollha tad-dinja li jbatu minħabba l-vjolenza u l-gwerra.  Qed naħseb partikolarment fl-għeżież popolazzjonijiet tal-Pakistan u l-Iraq, li dawn l-aħħar ġranet intlaqtu minn atti terroroistiċi krudili.  Nitolbu għall-vittmi, għall feruti u għall-familjari.  Nitolbu bil-qalb kollha biex kull qalb imwebbsa mill-mibgħeda tikkonverti lejn il-paċi, skont ir-rieda t’Alla.  Nitolbu ftit fis-skiet. (Sliem għalik Marija)

Insellmilkom ilkoll, likom familji, assoċjazzjonijiet, gruppi parrokkjali u pellegrini singoli li ġejtu mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja.

Insellem partikolarment lill-istudenti ta’ Armagh (l-Irlanda), lill-fidili mid-djoċesijiet ta’ Asidonia-Jerez, Cádiz y Ceuta u Madrid fi Spanja; lill-Moviment Guanelliano, lil dawk li se jagħmlu l-Griżma li ġew minn Castelnuovo di Prato u lill-pellegrini minn Modena u Viterbo.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb – ġurnata sabiħa! (il-Papa pponta sebgħu lejn is-sema ta’ lewn ċelesti).  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber