IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 19 ta' Jannar, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Dat-tieni Ħadd taż-żmien ordinarju tas-sena jkompli mal-Epifanija u mal-festa tal-Magħmudija ta' Ġesù.  Is-silta tal-Evanġelju (cfr Ġw. 1, 29-34), mill-ġdid tkellimna dwar il-manifestazzjoni ta' Ġesù.  Infatti, wara li tgħammed fix-xmara Ġordan, Hu kien ikkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu li niżel fuqu, u sar magħruf bħala Iben Alla mill-istess leħen tal-Missier ċelesti (cfr Mt 3, 16-17).

B'differenza mit-tlieta l-oħra Ġwanni ma jiddeskrivix il-ġrajja imma jtina x-xhieda ta' Ġwanni l-Għammiedi.  Hu kien l-ewwel xhud ta' Kristu.  Alla kien sejjaħlu u kien ħejjih għal dan.

Il-Battista ma jistax jiskot quddiem ix-xewqa kbira li jkun xhud ta' Ġesù u jiddikjara: "Jiena rajt u tajt xhieda" (v. 34).  Ġwanni ra xi ħaġa impressjonanti, jiġifieri l-Iben maħbub ta' Alla solidali mal-midinbin; u l-Ispirtu għenu jifhem din in-novità straordinarja, li taqleb kollox ta' taħt fuq. Infatti, filwaqt li fir-reliġjonijiet kollha huwa l-bniedem li joffri u jissagrifika xi ħaġa lil Alla, f'dil-ġrajja Ġesù huwa Alla li qed joffri lill-istess Ibnu għas-salvazzjoni tal-umanità.  Ġwanni juri l-istaħaġib tiegħu u l-kunsens għal din-novità li ġab Ġesù, bl-istqarrija qawwija li aħna nagħmlu f'kull quddiesa: "Dan hu l-ħaruf t'Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!" (v. 29).

Ix-xhieda ta' Ġwanni l-Battista tistedinna biex dejjem nibdew mill-ġdid fil-mixja tal-fidi tagħna: nibdew kull darba minn Ġesù Kristu, il-Ħaruf mimli ħniena li tana l-Missier.  Inħallu kull darba s-sorpriża tal-għażla li għamel Alla, li jiffavorina, u li jsalva d-dinja mill-ħażen biex jitgħabba bih kollu kemm hu, Hu stess, tissorprendi lilna.

Nitgħallmu min Ġwanni l-Battista u ma nippretendux li  nafu lil Ġesù, li diġà nafu kollox dwaru (cfr v. 31).  Mhux hekk.  Ħalli nieqfu ftit fl-Evanġelju, imqar biex nikkuntemplaw l-ikona ta' Kristu, "Voltu Sant".  Nikkuntemplaw b'għajnejna u aktar u aktar bil-qalb tagħna; u nħallu lill-Ispirtu s-Santu jgħallimna, li fil-fond ta' qalbna jgħidilna: Dan hu!  Huwa Iben Alla li sar ħaruf, li offra ruħu għall-imħabba.  Hu, Hu biss ġarr, Hu biss bata, rahan id-dnub ta' kull wieħed u waħda minna, id-dnub tad-dinja u anki dnubieti.  Kollha kemm huma.  Kollha ħadhom fuqu biex ineħħihom minn fuqna sabiex fl-aħħar aħna nkunu meħlusin, ma nibqgħux aktar ilsira tal-ħażen. Iva, dejjem nibqgħu midinbin, imma mhux ilsira, le, le ilsira: ulied, ulied Alla!

Jalla l-Verġni Marija tidħol għalina biex ikollna l-qawwa li nkunu xhieda ta' Binha Ġesù: li nħabbruh bil-ferħ b'ħajja meħlusa mill-ħażen u b'kelma mimlija fidi mistagħġba u rikonoxxenti.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

illum f'Berlin qed issir konferenza li qed tiddiskuti l-kriżi fil-Libja.  Nawgura mill-qiegħ qalbi li dan 'is-summit' daqstant importanti jkun il-bidu ta' triq sabiex tieqaf il-vjolenza u jkun hemm soluzzjoni negozjata li twassal għall-paċi u għall-istabbiltà tant mixtieqa, tal-pajjiż.

Insellmilkom ilkoll għeżież pellegrini u fidili Rumani.  B'mod partikolari nsellem lill-membri ta' xi konfraternitajiet minn Sivilja, fi Spanja; lill-fidili minn Bielsko-Biala u minn Poznań, fil-Polonja; lill-istudenti ta' 'Loras College'  minn Dubuque, fl-Istati Uniti u lil dawk minn Vila Pouca de Aguiar, fil-Portugall.

Insellem lill-gruppi parrokkjali minn Scandicci u Quarto d'Altino, lil dawk minn San Giuseppe al Trionfale u San Melchiade f'Ruma, kif ukoll lill-ministranti minn Corva, djoċesi ta' Concordia-Pordenone, flimkien mal-familjari tagħhom

Nieħu pjaċir infakkar li s-sena 2020 ingħatat għarfien bħala "Sena tal-Infermier u tal-Ostetrika".  L-infermieri huma operaturi sanitarji li huma l-aktar qrib il-morda u l-qwibel iwettqu dik li forsi hi l-aktar professjoni nobbli.  Nitolbu għalihom ilkoll sabiex huma jwettqu bl-aħjar mod possibbli ix-xogħol prezzjuż tagħhom.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber