Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 19 ta' Jannar 2014

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Bil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, li ċċelebrajna nhar il-Ħadd li għadda, dħalna fiż-żmien liturġiku msejjaħ “ta’ matul is-sena”.  Illum, fit-tieni Ħadd, il-Vanġelu jippreżentalna x-xena tal-laqgħa bejn Ġesù u Ġwanni l-Battista fuq ix-xatt tax-xmara Ġordan.  Dak li jirrakkontalna din il-ġrajja hu x-xhud li raha sseħħ b’għajnejh, Ġwanni l-Evanġelista, li qabel ma sar dixxipli ta’ Ġesù kien dixxiplu tal-Battista, flimkien ma’ ħuh Ġakbu, u ma’ Xmun u Indrì, ilkoll mill-Galilija, ilkoll sajjieda.  Il-Battista, allura, jara lil Ġesù riesaq lejh minn nofs il-folla u, imdawwal mill-għoli, jagħaraf fih il-mibgħut ta’ Alla, u għalhekk jurih lil dawk ta’ madwaru billi jgħid: «Dan hu l-ħaruf ta’ Alla, dak li jneħħi d-dnub tad-dinja!» (Ġw 1,29).

Il-verb bil-Grieg li hawn qed nittraduħu “jneħħi” jfisser letteralment “jgħolli”, “jitgħabba”.  Ġesù ġie fid-dinja b’missjoni ċara: li jeħlisha mill-jasar tad-dnub, billi jitgħabba bil-ħtijiet tal-ġens uman.  Kif?  Bl-imħabba.  M’hemmx mod ieħor kif tirbaħ il-ħażen u d-dnub jekk mhux bl-imħabba li twassal għall-għotja tal-ħajja għall-oħrajn.  Fix-xhieda li jagħti Ġwannni l-Battista, Ġesù għandu fih il-kwalitajiet tal-Qaddej tal-Mulej, li « rafa' fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna» (Iż 53,4) sal-mewt fuq is-salib.  Hu il-veru ħaruf tal-Għid, li jogħdos fix-xmara tad-dnub tagħna, biex isaffina.

Il-Battista jara quddiemu raġel li jidħol fil-filliera mal-midinbin biex jitgħammed, avolja ma kellux bżonn.  Jara raġel li Alla bagħtu fid-dinja bħal ħaruf għas-sagrifiċċju.  Fit-Testment il-Ġdid il-kelma “ħaruf” tidher diversi drabi u dejjem tirreferi għal Ġesù.  Din ix-xbiha tal-ħaruf tista’ tiskantana; fil-fatt, annimal li s-saħħa żgur mhux waħda mill-kwalitajiet tiegħu jgħabbi fuq spallejh piż daqshekk tqil.  It-toqol emormi tl-ħażen jiġi mwarrab u mbiegħed minn ħlejqa dgħajfa u fraġli, simbolu tal-ubbidjenza, tal-ħlewwa u tal-imħabba li mhux kapaċi tiddefendi d-drittijiet tagħha, li tasal biex toffri lilha nfisha.  Il-ħaruf mhux ħakkiem, imma huwa twajjeb; mhux aggressiv; imma jġib il-paċi; ma jurix difrejh jew snienu quddiem min joħodh kontrih, imma jissaporti kollox u jbati fil-kwiet. U hekk hu Ġesù!  Hekk hu Ġesù, bħal ħaruf.

Xi jfisser għall-Knisja, għalina, illum, li tkun dixxiplu ta’ Ġesù Ħaruf ta’ Alla?  Ifisser li għandha titpoġġa l-innoċenza flok il-ħażen, l-imħabba flok il-qawwa, l-umiltà flok is-suppervja, il-qadi flok il-popolarità.  Hija biċċa xogħol tajba!  Aħna l-insara għandna nagħmlu dan: inpoġġu l-innoċenza flok il-ħażen, l-imħabba flok il-qawwa, l-umiltà flok is-suppervja, il-qadi flok il-popolarità.  Li nkunu dixxipli tal-Ħaruf ifisser li ma ngħixux qisna belt taħt assedju, imma bħala belt li tinsab fuq l-għolja, miftuħa, li tilqa’ lil kulħadd, li tgħin lil kulħadd.  Ifisser li m’għandniex nadottaw imġieba magħluqa, imma li nwasslu l-Vanġelu lil kulħadd, u billi nixhdu bil-ħajja tagħna li l-mixi wara Ġesù jagħmilna aktar ħielsa u aktar ferħanin.

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

illum hiġi ċelebrat il-Jum dinji tal-Migrant u tar-Rifuġjat, bit-tema “Migranti u rifuġjati: lejn dinja aħjar”, li żviluppajt fil-Messaġġ li ġie ppubblikat xi żmien ilu.  Insellem b’mod speċjali lir-rappreżentanti ta’ diversi komunitajiet ta’ razez differenti li nġabru hawn, b’mod speċjali lill-komunitajiet kattoliċi ta’ Ruma.  Għeżież ħbieb, intom tinsabu qrib il-qalb tal-Knisja, għax il-Knisja hija poplu li jinsab f’mixja lejn is-Saltna ta’ Alla, li Ġesù Kristu ġab fostna.  Titilfux it-tama f’dinja aħjar!  Nawguralkom li tgħixu fil-paċi fil-Pajjiżi li jilqgħukom, u li żżommu ħajjin il-valuri tal-kulturi minn fejn ġejjin.  Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li jaħmu mal-migranti biex jilqgħuhom u jgħinhum fil-mumenti diffiċli, biex iħarsuhom minn dawk li l-Beatu Scalabrini kien isejjaħ “il-merkanti tal-laħam uman”, li jirdu jagħmlu lsiera mill-migranti!  Irrid insellem b’mod speċjali l-Kongregazzjoni dei Missionari di San Carlo, is-saċerdoti  u s-sorijiet Scalabriniani li jwettqu tant ġid fil-Knisja u li jgħamlu lilhom infushom migranti mal-migranti.

F’dan il-mument ejjew naħsbu f’tant migranti, tant rifuġjati, fit-tbatijiet tagħhom, fil-ħajja taħhom, spiss bla xogħol, bla dokumenti, tant niket; u nistgħu ilkoll flimien ngħidu talba għall-migranti u għar-rifuġjati li jgħixu sitwazzjonijiet aktar gravi u aktar diffiċli: Sliem għalik, Marija,...

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, għeżież insara li ġejtu minn diversi parroċċi tal-Italja u minn Pajjiżi oħra, kif ukoll l-għaqdiet u l-gruppi varji.  Insellem b’mod partikulari lill-pellegrini Spanjoli ta’ Pontevedra, La Coruña, Murcia u l-istudenti ta’ Badajoz.  Insellem lill-ex studenti tal-Opera Don Orione, l’Associazione Laici Amore Misericordioso u l-Kor “San Francesco” ta’ Montelupone.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba! Insellmilkom!

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.