Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

Il-karatteristika tal-liturġija tal-lum, ir-raba’ u l-aħħar Ħadd tal-Avvent, hi t-tema tal-qrubija, il-qrubija ta’ Alla lejn l-umanità.  Is-silta tal-Evanġelju (cfr Mt 1,18-24) turina tnejn min-nies, iż-żewġ persuni li aktar minn kulħadd kellhom sehem dirett f’dal-misteru ta’ mħabba: il-Verġni Marija u l-Għarus tagħha San Ġużepp.  Misteru ta’ mħabba, misteru tal-qrubija t’Alla lejn l-umanità.

Marija hi ppreżentata fid-dawl tal-profezija li tgħid: «Il-Verġni tnissel fi ħdanha u twelled iben» (v.23).  L-evanġelista Mattew jagħraf dak li ġara f’Marija, li nisslet lil Ġesù bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu (cfr v. 18).  Iben Alla jiġi f’ġufha biex isir bniedem u Hi tilqgħu.  B’hekk, b’att wieħed, Alla qorob lejn il-bniedem billi libes il-laħam minn mara: Alla jersaq lejna u ħa l-laħam minn mara.  B’mod differenti, lilna wkoll Alla jersaq lejna bil-grazzja tiegħu biex jidħol f’ħajjitna u joffrilna ‘l Ibnu b’rigal.  U aħna x’nagħmlu?  Nilqugħ, inħalluh jersaq lejna jew nirrifjutawh, inkeċċuh?  L-istess bħalma Marija offriet lilha nfisha bil-libertà lill-Mulej tal-istorja, u b’hekk kienet strumentali biex Hu jibdel id-destin tal-umanità, aħna wkoll, meta nilqgħu lil Ġesù u nagħmlu ħilitna biex nimxu warajH kuljum, inkunu qed nikkoperaw mal-pjan tas-salvazzjoni tiegħu għalina u għad-dinja.  Għalhekk Marija, għalina tidher bħala mudell li għandna nimitaw u hi l-bastun li fuqu nserrħu aħna u nfittxu lil Alla, (bastun) tal-qrubija tagħna lejn Alla aħna u nħallu lil Alla jersaq lejna u fl-impenn tagħna biex nibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba.

Il-protagonista l-ieħor hu San Ġużepp.  L-evanġelista juri biċ-ċar kif waħdu, Ġużeppi ma setax jifhem l-avveniment li kien qed iseħħ taħt għajnejh, jiġifieri, t-tqala ta’ Marija.  Propju dak il-waqt, fil-mument tad-dubju, u wkoll ta’ diqa ta’ qalb, Alla jersaq lejh – lilu wkoll – bil-messaġġier tiegħu li jdawwlu dwar in-natura ta’ dik il-maternità: «It-tarbija li tnisslet fiha ġejja mill-Ispirtu s-Santu» (v. 20).  B’hekk, quddiem dil-ġrajja straordinarja, li żgur qanqlet f’qalbu tant mistoqsijiet, hu jafda għal kollox f’Alla li resaq qribu, u, fuq il-parir li nagħta, ma jirroftax lill-għarusa mwiegħda imma jeħodha għandu, u jiżżewweġ lil Marija.  Meta b’għajnejh miftuħa u bl-imħabba laqgħa lil Marija, Ġużeppi laqgħa lil Dak li kien hemm fiha mnissel bil-ħidma meraviljuża ta’ Alla li għaliH xejn ma hu impossibbli.  Ġużeppi, raġel umli u ġust (cfr v. 19), jgħallimna li dejjem għandu jkollna fiduċja f’Alla, li jersaq qribna: meta Ala jersaq lejna aħna għandu jkollna fiduċja fiH.  Ġużeppi jgħallimna li għandna nħalluH imexxina bl-ubbidjenza konxja.

Dawn iż-żewġ figuri, Marija u Ġużeppi, li kienu l-ewwel li laqgħu lil Ġesù permezz tal-fidi, idaħħluna fil-misteru tal-Milied.  Marija tgħinna biex ikollna atteġġjament li bih niddisponu ruħna ħalli nilqgħu ‘l Iben t’Alla fil-ħajja konkreta tagħna, f’laħamna.  Ġużeppi jixprunana biex infittxu dejjem ir-rieda t’Alla u nimxu magħha b’fiduċja sħiħa.  It-tnejn li huma ħallew lil Alla jersaq qribhom.

«Ix-Xebba tnissel u twelled tifel: ismu jkun Immanuel, li jfisser Alla magħna» (Mt 1,23).  Hekk jgħid l-Anġlu: “It-tifel ikun jismu Immanuel, li tfisser Alla magħna”, jiġifieri Alla hu qrib tagħna.  U lil Alla li jersaq lejja jiena niftaħlu l-bieb – lill-Mulej – meta nħoss ispirazzjoni fija, meta nħoss li qed jitlobni nagħmel xi ħaġa aktar għall-oħrajn, meta jsejjaħli għat-talb?  Alla magħna. Alla li qed jersaq lejna.  Jalla din l-aħbar ta’ tama li ssib il-milja tagħha fil-Milied, twassal għall-milja l-istennija ta’ kull wieħed u waħda minna, tal-Knisja kollha, u ta’ tant ċkejknin li d-dinja  tiddisprezza imma li Alla jħobbhom u jersaq lejhom.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellmilkom ilkoll, fidili Rumani u pellegrini li ġejtu minn pajjiżi diversi, il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-assoċjazzjonijiet.

Nistedinkom ilkoll biex titolbu ħalli d-djalogu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jsir fis-sliem biex tkun evitata kull għamla ta’ vjolenza u għall-ġid tal-pajjiż kollu.

Insellem b’mod partikolari lill-grupp imdaqqas tal-UNILTASI – x’xogħol sabiħ tagħmlu intom, grazzi ħafna! – li ħejjew presepju ħaj li fih hemm ukoll persuni bid-diżabbiltà; kif ukoll lill-istudenti tal-Istitut tal-Politika Internazzjonali tal-Calabria.

Irrid irrodd ħajr lill-persuni kollha u lil-istituzzjonijiet li l-bieraħ bagħtuli l-awguri.  Grazzi ħafna!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb: it-temp sabiħ.

Il-Ħadd li ġej ikun il-Milied.  Matul dil-ġimgħa, nirrikmandalkom, nippruvaw insibu ftit ħin biex nieqfu ftit fis-skiet u nimmaġinaw lill-Madonna u lil San Ġużepp huma u sejrin lejn Betlem.  Nimmaġinaw kif kienu huma u sejrin: il-mixja, l-għeja, imma wkoll il-ferħ, il-kommozzjoni u mbagħad l-ansjetà biex isibu post, it-tħassib.... u aktar.  Il-presepju hu għajnuna kbira għal dan.  Ejjew nippruvaw nidħlu fil-Milied veru, dak ta’ Ġesù, li qed jqorob lejna – Alla magħna, qrib tagħna – biex nirċievu l-grazzja ta’ dil-festa, li hi grazzja ta’ qrubija, ta’ mħabba, ta’ umiltà, ta’ tenerezza.

U intom u tagħmlu dan ftakru wkoll biex titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber