Għeżież ħuti!

Qed insegwi bi preokkupazzjoni kbira s-sitwazzjoni ta’ tensjoni qawwija u vjolenza li qed ikiddu l-Art Imqaddsa.  F’dan il-waqt hemm bżonn ta’ kuraġġ kbir u qlubija kbira biex jingħad “le” għall-mibgħeda u l-vendetta u biex isiru ġesti ta’ paċi.  Għalhekk nitolbu biex Alla jsaħħaħ f’kulħadd, mexxejja u ċittadini, il-kuraġġ li jeħduha kontra l-vjolenza u jagħmlu passi konkreti biex titnaqqas it-tensjoni.  Fil-kuntest medjo/orjentali ta’ issa hu deċisiv daqs qatt qabel li jkun hemm il-paċi fl-art Imqaddsa: dan jitolbuhulna Alla u l-ġid tal-umanità.

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq insellem lilkom ilkoll li ġejtu tagħtu ġieħ lill-qaddisin il-ġodda, b’mod partikolari nsellem lid-delegazzjonijiet uffiċjali mill-Italja, minn Spanja u minn Franza.

Insellem lill-fidili mid-djoċesi ta’ Cremona kif ukoll lill-‘Figlie dell’Oratorio’.  Jalla l-eżempju ta’ San Vinċenz Grossi jsostni l-impenn għall-edukazzjoni nisranija tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Insellem lill-pellegrini li ġew minn Spanja, partikolarment minn Sivilja u lis-sorijiet tal-Kumpanija tas-Salib.  Ix-xhieda ta’ Santa Marija tal-Kunċizzjoni Immakulata tgħinna ngħixu s-solidarjetà u l-qrubija ma’ min hu l-aktar fil-bżonn.

Insellem lill-fidili li ġew minn Franza speċjalment minn Bayeux, Lisieux u Sées: inħallu f’idejn l-interċessjoni tal-miżżewġin qaddisin Ludovico Martin u Maria Azelia Guérin il-ferħat, ix-xewqat u d-diffikultajiet tal-familji Franċiżi u tad-dinja kollha.

Nirringrazzja lill-Kardinali, lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati kif ukoll lill-familji, lill-gruppi parrokkjali u lill-assoċjazzjonijiet.

U issa nduru b’imħabba ta’ ulied lejn il-Verġni Marija.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber