Għeżież ħuti il-jum it-tajjeb!

Illum Ġesù jgħinna nirriflettu dwar żewġ stili ta’ ħajja wieħed l-oppost tal-ieħor: dak mondan u dak tal-Evanġelju.  L-ispirtu tad-dinja mhux l-ispirtu ta’ Ġesù.  U (Ġesù) jagħmel dan bir-rakkont tal-parabbola tal-amministratur infdil u korrott, li Ġesù jfaħħru xorta waħda  minkejja d-diżonestà tiegħu (cfr Luqa 16,1-13).  Irridu ngħidu ċar mill-ewwel li dan il-qaddej mhux ippreżentat bħala mudell li għandna nimxu fuqu, imma bħala eżempju ta’ moħħ stuż.  Dar-raġel hu akkużat  min sidu li qed imexxilu l-ġid b’mod ħażin, u qabel ma jingħata s-sensja, bil-ħażen jipprova jingħoġob mal-midjunin bili jaħfrilhom biċċa mid-dejn biex iserraħ rasu mill-futur tiegħu.  Meta jikkummenta din l-imġieba, Ġesù josserva: «Għax ulied id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom» (v. 8).

Għal dil-makakkerija mondana aħna msejħin inwieġbu bil-makakkerija Kristjana, li hi d-don tal-Ispirtu s-Santu.  Ifisser li nitbegħedu mill-ispirtu tal-valuri tad-dinja, li jogħoġbu tant lid-demonju, biex ngħixu skont l-Evanġelju.  U kif tingħaraf il-mondanità?  Il-mondanità tidher fl-atteġġjamenti tal-korruzzjoni, ingann, abbuż tal-poter u hija t-triq l-aktar żbaljata, it-triq tad-dnub, għax ħaġa tiġbed lill-oħra!  Hi bħal katina, anki jekk – hu minnu – ġeneralment hi l-aktar triq komda. Iżda, l-ispiru tal-Evanġelju jitlob minna stil ta’ ħajja serju – serju imma ferrieħ, mimli ferħ! -, serju u impenjattiv, bit-timbru tal-onestà, tal-korrettezza, tar-rispett lejn l-oħrajn u lejn id-dinjità tagħhom, lejn is-sens tad-dover.  U din hi l-makakkerija Kristjana!

Il-mixja tal-ħajja timplika bilfors għażla bejn żewġ toroq: bejn il-fedelta u l-infedeltà, l-egoiżmu u l-altrwiżmu, bejn it-tajjeb u l-ħażin.  Ma nistgħux noqgħodu nitbandlu bejn triq u oħra għax dat-toroq jimxu fuq loġika differenti u kuntrastanti.  Lill-poplu ta’ Iżrael li kien jilgħab bejn dawn iż-żewġ toroq, il-Profeta Elija kien jgħidlu: «Intom zopop fiż-żewġ riġlejn!»  Sabiħa din it-tixbiha (cfr I Slaten 18, 21).  Importanti wieħed jiddeċiedi liema direzzjoni jrid jieħu, u darba jkun għażel dik it-tajba, jimxi fiha bl-entużjażmu u d-determinazzjoni, bil-fiduċja fil-grazzja tal-Mulej u sostnut mill-Ispirtu tiegħu.  Il-konklużjoni tas-silta tal-Evanġelju hi qawwija u kategorika: «Ebda qaddej ma jista' jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor» (Luqa 16, 13).

B’dan it-tagħlim illum Ġesù jħeġġiġna biex nagħmlu għażla ċara bejnu u bejn l-ispirtu tad-dinja, bejn il-loġika tal-korruzzjoni, tal-abbuż tal-poter u r-rgħiba u dik tar-rettitudni, tal-manswetudni u l-qsim.  Għal uħud il-korruzzjoni hi bħal droga: dak li jkun jaħseb li jista’ jużaha u jwaqqafha meta jidhirlu.  Jibda bil-ftit: “tip” ‘l hawn u ‘l hemm, flus maħmuġin...  U minn ħaġa għal oħra jispiċċa jitlef il-libertà tiegħu.  Il-koruzzjoni wkoll toħloq id-dipendenza, tiġġenera l-faqar, l-isfruttament, it-tbatija.  U kemm hemm vittmi ta’ dan illum fid-dinja!  Kemm vittmi ta’ din il-korruzzjoni mifruxa!  Meta, minflok, aħna nfittxu li minxu fuq il-loġika evanġelika tal-integrità, tal-intenzjonijiet u mġibiet trasparenti, tal-fraternità, insiru artiġjani tal-ġustizzja u niftħu ixqfa ta’ tama għall-umanità.  Fil-gratwità u l-għotja tagħna nfusna lil ħutna, inkunu qed naqdu lis-sid il-veru: Alla.

Jalla l-Verġni Marija tgħinna biex f’kull ċirkostanza u akkost ta’ kollox, nagħmlu l-għażliet tagħna u nsibu l-kuraġġ li mmorru kontra l-kurrent basta nimxu wara Ġesù u l-Evanġelju tiegħu.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’Codrongianos (Sassari) ġiet dikjarata Beata, Eliżabetta Sanna, omm ta’ familja.  Wara li romlot iddedikat lilha nfisha b’ruħha u ġisima, għat-talb u s-servizz lejn il-morda u l-foqra.  Ix-xhieda tagħha hija mudell ta’ karità evanġelika mħeġġa mill-fidi.

F’Genova, illum jiġi fi tmiemu l-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali.  Nagħti tislima speċjali lill-fidili kollha miġburin hemmhekk u nawgura li dan l-avveniment ta’ grazzja jerġa’ jixgħel fil-poplu Taljan il-fidi fis-Santissimu Sagrament tal-Ewkaristija, li fih inqimu ‘l Kristu għajn ta’ ħajja u tama għal kull bniedem.

Nhar it-Tlieta li ġej se mmur Assisi għall-laqgħa ta’ talb għall-paċi, fit-tletin anniversarju minn dik storika mlaqqa’ minn San Ġwanni Pawlu II.  Nistieden lill-paroċċi, lill-assoċjazzjonijiet ekkleżjali u lil-fidili tad-dinja kollha individwalment, biex jgħixu dak il-Jum bħala jum ta’ talb għall-paċi.  Illum aktar minn qatt qabel neħtieġu l-paċi f’dil-gwerra li tinsab kullimkien madwar id-dinja.  Nitolbu għall-paċi!!!

Fuq l-eżempju ta’ San Franġisk, bniedem ta’ fraternità u manswetudni, aħna lkoll imsejħin biex noffru lid-dinja xhieda qawwija tal-impenn komuni tagħna għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn il-popli.  Għalhekk, nhar it-Tlieta, ilkoll magħqudin fit-talb: kulħadd isib ħin, dak li jista’, biex jitlob għall-paċi.  Id-dinja kollha magħquda flimkien.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li ġejtu minn pajjiżi diversi.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili mid-djoċesi ta’ Colonia u lil dawk ta’ Marianopoli.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber