Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Italja u f’ħafna pajjiżi oħra, f’dal-Ħadd tkun iċċelebrata l-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu – spiss nużaw l-isem bil-Latin Corpus Domini jew Corpus Christi.  Ta’ kull nhar ta’ Ħadd, il-komunità tal-Knisja tinġabar madwar l-Ewkaristija, sagrament imwaqqaf minn Ġesù fl-Aħħar Ċena.  Madankollu, kull sena niċċelebraw bil-ferħ festa dedikata lil dal-Misteru Ċentrali tal-fidi, biex nesprimu bis-sħiħ il-qima tagħna lejn Kristu li jingħata lilna b’rigal bħala ikel u xorb tas-salvazzjoni.

Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum, meħuda minn San Ġwann, hi parti mid-diskors dwar “il-ħobż tal-ħajja” (cfr 6,51-58).  Ġesù jafferma: «Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema. (.....) Il-ħobż li nagħti jien huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja» (v.51).  Hu jrid jgħid li l-Missier bagħtu fid-dinja bħala ikel tal-ħajja ta’ dejjem u li minħabba f’hekk Hu se jissagrifika lilu nnifsu, il-ġisem tiegħu.  Infatti, fuq is-salib, Ġesù ta ġismu u xerred demmu.  Bin il-bniedem  imsallab hu l-veru Ħaruf tal-Għid, li jeħles mill-jasar tad-dnub u jwieżen fil-mixja lejn l-art imwiegħda.  L-Ewkaristija hi sagrament tal-ġisem tiegħu mogħti biex id-dinja tgħix bih; min jiekol minn dan l-ikel jibqa’ f’Ġesù u jgħix għalih.  Li nassimilaw lil Ġesù jfisser li nkunu fih, insiru ulied fl-Iben.

Fl-Ewkaristija, Ġesù, bħalma għamel mad-dixxipli ta’ Għemmaws, jimxi magħna, aħna pellegrini fl-istorja, biex imantni fina l-fidi, it-tama u l-karità; biex ifarraġna waqt il-provi; biex iweżinna fl-impenn tagħna lejn il-ġustizzja u l-paċi.  Dil-preżenza solidali tal-Iben t’Alla tinsab kullimkien: fl-ibliet u fil-kampanja, fit-tramunatana u fin-nofsinhar tad-dinja, fil-pajjiżi ta’ tradizzjoni Nisranija u f’dawk tal-ewwel evanġeliżżazzjoni.  U fl-Ewkaristija Hu joffri lilu nnfsu bħala qawwa spiritwali biex jgħinna nqiegħdu fis-seħħ il-kmandament tiegħu – li nħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu -, billi nibnu komunitajiet akkoljenti u miftuħin għall-ħtiġijiet tal-persuni l-aktar fraġli, foqra u fil-bżonn.

Li nitreqju b’Ġesù Ewkaristija jfisser li nintelqu għal kollox bil-fiduċja fih u nħalluh imexxina.  Ifisser li nilqgħu lil Ġesù minflok “lilna nfusna”.  B’hekk l-imħabba gratwita li rċevejna minn Ġesù fit-Tqarbina Ewkaristika, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, tmantni l-imħabba lejn Alla u  lejn ħutna li niltaqgħu magħhom fil-mixja ta’ kuljum.  Imżoqqin bil-Ġisem ta’ Kristu, aħna nsiru dejjem aktar konkretament il-Ġisem mistiku ta’ Kristu.  Ifakkarulna l-Appostlu Pawlu: «Il-kalċi mbierek li fuq ngħidu l-barka m’huwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu?  U l-ħobż li naqsmu m’huwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu?  Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda» (1 Kor 10,16-17).

Il-Verġni Marija, li dejjem kienet magħquda ma’ Ġesù Ħobż tal-Ħajja, tgħinna niskopru mill-ġdid is-sbuħija tal-Ewkaristija, biex nitrejqu biha bil-fidi, biex ngħixu f’komunjoni ma’ Alla u ma’ ħutna.

*******

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Pitgħada jitfakkar il-Jum Dinji tar-Rifuġjati, imniedi mill-Ġnus Magħquda.  It-tema ta’ dis-sena hi: “Mar-rifuġjati.  Illum aktar minn qatt qabel għandna nkunu man-naħa tar-rifuġjati”.  Din hi t-tema.  L-attenzjoni konkreta tmur lejn in-nisa, l-irġiel, it-tfal li qed jaħarbu mill-kunflitti, mill-vjolenza u l-persekuzzjonijiet.  Fit-talb tagħna niftakru wkoll lil dawk minnhom li tilfu ħajjithom fil-baħar jew minħabba t-toqol tal-vjaġġ iebes li jagħmlu fuq l-art.  L-istejjer tal-qsim il-qalb tagħhom jistgħu jsiru opportunità ta’ laqgħa fraterna u ta’ għarfien reċiproku sħiħ.  Infatti l-laqgħa personali magħhom tħoll il-biżgħat u l-ideoloġiji mgħawwġa u ssir fattur ta’ tkabbir fl-umanità.  Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-għażiż poplu Portugiż minħabba n-nar qerriedi li qed jolqot il-boskijiet fl-inħawi ta’ Pedrógão Grande, u li ħalla bosta vittmi u feruti.  Ejjew nitolbu fis-skiet.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini: partikolarment insellem lil dawk ġejjin mill-gżejjer Seychelles, minn Sivilja (Spanja) u minn Umuarama u Toledo (Brażil). Insellem lill-fidili minn Naplli, Arzano u Santa Caterina di Pedara.

Nagħti tislima speċjali lir-rappreżentanza għolja tar-Repubblika Ċentrafrikana u tal-Ġnus Magħquda, li dal-ġranet jinsabu Ruma għal-laqgħa mnedija mill-Komunità Sant’Egidio.  Għadni nġorr f’qalbi ż-żjara li għamilt f’Novembru 2015 u nawgura li f’dak il-pajjiż, bl-għajnuna t’Alla u r-rieda tajba jerġa’ jitqanqal bis-sħiħ il-proċess ta’ paċi, li hu kundizzjoni meħtieġa għall-iżvilupp.

Illejla, fuq iz-zuniter ta’ San Giovanni in Laterano, se niċċelebra quddiesa, li fi tmiemha se jkun hemm purċissjoni bis-Santissmu Sagrament, sa’ Santa Maria Maggiore.  Nistieden lil kulħadd biex jieħu sehem, anki spiritwalment, qed naħseb b’mod partikolari fil-komunitajiet tal-klawsura, fil-persuni morda u fil-ħabsin.  F’dan huma ta’ għajnuna r-radju u t-televixin.

U nhar it-Tlieta li ġej se mmur pellegrinaġġ f’Bozzolo u Barbiana biex nagħti ġieħ lil Don Primo Mazzolari u lil Don Lorenzo Milani, iż-żewġ saċerdoti li joffrulna messaġġ li llum tant neħtiġuh.  F’dal-każ ukoll irrodd ħajr lil kull min, speċjalment lis-saċerdoti, se jkun jakkumpanjani bit-talb tiegħu.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!


Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber