Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw. 12,20-33) jirrakkonta episodju li seħħ fl-aħħar jiem tal-ħajja ta’ Ġesù.  Ix-xena tisvolġi f’Ġerusalemm fejn Hu kien jinsab għall-festa tal-Għid tal-Lhud.  Għal dil-festa ritwali waslu wkoll xi Griegi; huma nies imħeġġin b’senitmenti reliġjużi, miġbudin mill-fidi tal-poplu Għebrew u li, billi semgħu dwar dan il-profeta kbir, jersqu lejn Filippu, wieħed mit-tnax-il Appostlu, u jgħidulu: “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (v. 21).  Ġwanni jagħmel enfasi fuq din is-sentenza mibnija fuq il-verb ra, li fil-vokabularju tal-evanġelista tfisser li tmur ‘l hinn minn dak li jidher biex tislet il-misteru ta’ persuna.  Il-verb li juża Ġwanni, “ra”, jfissser li tasal sal-qalb, tasal permezz tal-ħars, billi tifhem l-intimu tal-persuna, x’hemm ġewwa l-persuna.

Ir-reazzjoni ta’ Ġesù hi sorprendenti.  Hu ma jweġibx b’”iva” jew “le”, iżda jgħid: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem se jkun igglorifikat” (v. 23).  Dal-kliem li mad-daqqa t’għajn jidhru li qed jinjoraw dak li talbu l-Griegi, fil-verità jagħtu l-vera tweġiba, għax min irid isir jaf lil Ġesù jrid  iħares ġos-salib, fejn turi ruħha l-glorja tiegħu.

Tħares lejn il-ġewwieni tas-salib.  L-Evanġelju tal-lum jistedinna biex indawru ħarsitna lejn il-Kurċifiss, li mhux oġġett ta’ tiżjin jew xi aċċessorju tal-ilbies – kultant abbużat! - imma hu sinjal reliġjuż li rridu nikkuntemplaw u nifhmu.  Fix-xbieha ta’ Ġesù kurċifiss jinkixef il-misteru tal-mewt tal-Iben bħala att ta’ mħabba, għajn ta’ salvazzjoni għall-umanità ta’ kull żmien.  Aħna fiqna fil-pjagi tiegħu.

Nista’ naħseb: “Kif inħares lejh il-Kurċifiss jiena?  Bħala opra tal-arti, biex nara jekk hux sabiħ jew le?  Jew inħares ġewwa fih, nidħol fil-pjagi ta’ Ġesù sa ma nasal fil-qalb tiegħu?  Nara l-misteru ta’ Alla li xxejjen sal-mewt, bħal ilsir, qiesu kriminal?”  Tinsewhiex din: inħarsu lejn il-kruċifiss, imma nħarsu lejh minn ġewwa.  Hawn din id-devozzjoni sabiha li ngħidu t-talba tal-Missierna għal kull pjaga tiegħu: meta nkunu qed nitolbu dik il-Missierna, infittxu li nidħlu ġewwa permezz tal-pjagi ta’ Ġesù, ‘il ġewwa, ‘il ġewwa, propju f’qalbu.  U hemmhekk nitgħallmu l-għerf kbir tal-misteru ta’ Kristu, l-għerf kbir tas-salib.

U biex jispjega t-tifsira ta’ mewtu u tal-qawmien tiegħu, Ġesù juża tixbiha u jgħid: “Jekk il-qamħa li taqa’ fl-art ma tmutx, tibqa’ waħedha; jekk tmut, tagħti ħafna frott” (v. 24).  Irid ifiehem l-istorja estrema tiegħu – jiġifieri s-salib, il-mewt u l-qawmien – huwa att ta’ fekondità – il-pjagi tiegħu fejquna – fekondità li tagħti frott lil ħafna.  Hekk Huwa jqabbel lilu nnifsu mal-qamħa li meta titnawwar taħt l-art, tagħti ħajja ġdida.  Bl-Inkarnazzjoni, Ġesù ġie fuq l-art; imma dan mhux biżżejjed: Hu għandu jmut ukoll, biex jirhan lill-bnedmin mill-jasar tad-dnub u jtihom ir-rigal ta’ ħajja ġdida rikonċiljata fl-imħabba.  Jiena għidt “biex jirhan lill-bnedmin”: imma biex jifdi lili, lilek, lilna lkoll, kull wieħed u waħda minna, Hu ħallas dak il-prezz.  Dan hu l-misteru ta’ Kristu.  Ersaq lejn il-pjagi tiegħu, idħol, ikkuntempla; ara lil Ġesù, iżda minn ġewwa.

U dan id-dinamiżmu tal-qamħa li jseħħ f’Ġesù, jeħtieġ li jseħħ fina wkoll, aħna d-dixxipli tiegħu: aħna msejħin biex din il-liġi paskwali nagħmluha tagħna, il-liġi li biha nitilfu ħajjitna biex nirċevuha lura mġedda fil-ħajja ta’ dejjem.  U xi jfisser titlef ħajtek?  Jew aħjar, xi jfisser li tkun il-qamħa?  Ifisser li naħsbu anqas għal rasna, għall-interessi personali tagħna u nagħrfu “naraw” u nresqu lejn il-ħtiġijiet tal-proxxmu tagħna, speċjalment min hu tal-aħħar.  Li nagħmlu bil-ferħ opri ta’ karità ma’ dawk li jbatu fil-ġisem u fl-ispirtu huwa l-mod awtentiku li bih ngħexju l-Evanġelju, hu l-pedament meħtieġ sabiex il-komunitajiet tagħna jikbru fil-fraternità, fil-laqgħa reċiproka.  Għandi nara lil Ġesù, iżda narah minn ġewwa.  Idħol fil-pjagi tiegħu u kkuntempla dik l-imħabba ta’ qalbu lejk, lejk, lejja, lejn kulħadd.

Il-Verġni Marija, li dejjem żammet il-ħarsa ta’ qalbha fissa fuq Binha, ibda mill-maxtura ta’ Betlem sal-Kalvarju, tgħinna niltaqgħu miegħu u nsiru nafuh kif irid Hu, biex inkunu nistgħu niddawlu minnu u nwasslu lid-dinja l-frott tal-ġustizzja u tal-paċi.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

nagħti tislima minn qalbi lilkom ilkoll hawn preżenti, fidili minn Ruma u minn tant inħawi tad-dinja.

Insellem lill-pellegrini mis-Slovakkja u lil dawk minn Madrid; lill-gruppi parrokkjali li ġejjin minn Sant’ Angelo, Pescara, Chieti U Cheremule; liż-żgħażagħ u adoloxxenti mid-djoċesi ta’ Brescia u lil tad-dekanat “Romana-Vittoria: minn Milan.

Insellem lill-Unjoni Folkloristika Taljana, lill-grupp tal-familji minn Rubiera u lill-dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Novi di Modena.

Ilbieraħ għamilt żjara f’Pietralcina u San Giovanni Rotondo.  Insellem b’imħabba u rrodd ħajr lill-komunitajiet tad-djoċesijiet ta’ Benevento u Manfredonia, lill-isqfijiet – Mons. Accrocca u Mons. Castoro – lill-konsagrati, fidili, awtoritajiet; irroddilhom ħajr għal-laqgħa kaloruża u nżomm lil kulħadd f’qalbi, speċjalment lill-morda tal-Casa Sollievo della Sofferenza, lill-anzjani u liż-żgħażagħ.  Irrodd ħajr lil kull min ħejja din iż-żjara li żgur minix se ninsieha.  Jalla Padre Pio jbierek lil kulħadd.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arriverderci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber