Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan l-Evanġelju jitfa’ l-attenzjoni fuq it-temi tat-tentazzjonijiet, tal-konverżjoni u tal-Aħbar it-Tajba.  L-evanġelista Marku jikteb: “L-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert.  U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-xitan” (Mk 1,12-13).  Ġesù jmur fid-deżert  biex iħejji ruħu għall-missjoni tiegħu fid-dinja.  Hu m’għandux bżonn jikkonverti, imma, minħabba li hu bniedem,  jeħtieġ li jgħaddi minn dil-prova, kemm għalih innifsu, biex jobdi r-rieda tal-Missier, kif ukoll għalina, biex itina l-grazzja li negħlbu t-tentazzjonijiet.  Dit-tħejjija hi taqbida kontra l-ispirtu tal-ħażen, jiġifieri x-xitan.  Għalina wkoll, iż-żmien tar-Randan hu żmien ta’ taħriġ spiritwali, ta’ taqbid spiritwali: aħna msejħin biex naffrontaw lill-Malinn bit-talb, biex niksbu l-ħila, bl-għajnuna t’Alla, li negħlbuh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Nafu li sfortunatament il-ħażen jaħdem fl-eżistenza tagħna u madwarna, fejn iseħħu vjolenzi, rifjut tal-oħrajn, għeluq, gwerer, inġustizzji.  Dawn kollha huma opri tal-Malinn, tal-ħażen.

Dritt wara t-tentazzjonijiet fid-deżert, Ġesù jibda’ jipprietka l-Evanġelju, jiġifieri l-Aħbar it-Tajba, it-tieni kelma.  L-ewwel waħda kienet it-tentazzjoni, it-tieni L-Aħbar it-Tajba.  U din l-Aħbar Tajba titlob il-konverżjoni tal-bniedem – it-tielet kelma – u l-fidi.  Hu jħabbar: “Iż-żmien huwa mitmum, is-Saltna t’Alla waslet”; imbagħad iħeġġiġna: “Indmu u emmnu fl-Evanġelju” (v.15), jiġifieri emmnu dil-Bxara t-Tajba li s-Saltna t’Alla hi fil-qrib.  Matul ħajjitna dejjem għandna bżonn tal-konverżjoni, kull jum li jgħaddi! -, u l-Knisja ġġegħelna nitobu minħabba f’hekk.   Infatti, ħarsitna lejn Alla qatt mhi biżżejjed u l-ħin kollu għandna bżonn indawru ħsiebna u qalbna lejH.  Biex nagħmlu dan jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ li niċħdu dak kollu li jitfgħana barra mit-triq, il-valuri foloz li jqarrqu b’mod sottili l-egoiżmu tagħna.  Minflok, għandna nafdaw fil-Mulej, fit-tjieba tiegħu,  u fil-proġett ta’ mħabba lejn kull wieħed u waħda minna.  Ir-Randan hu żmien ta’ penitenza, iva, imma mhux żmien ta’ dwejjaq!  Hu żmien ta’ penitenza, iżda mhux żmien ta’ niket, ta’ luttu,  Hu impenn ferrieħ u serju biex fih aħna ninżgħu mill-egoiżmu tagħna, mill-bniedem il-qadim tagħna, u niġġeddu skont il-grazzja tal-Magħmudija tagħna.

Alla biss jista’ jtina l-hena veru: ikun għalxejn li aħna naħlu ħinna nfittxuha x’imkien ieħor, fir-rikkezzi, fil-pajċiri, fil-poter, fil-karriera... Is-Saltna t’Alla hi t-twettiq tal-aspirazzjonijiet tagħna kollha, għax fl-istess ħin, hija s-salvazzjoni tal-bniedem u l-glorja ta’ Alla.  F’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan aħna msejħin  nisimgħu bl-attenzjoni u nilqgħu dan l-appell ta’ Ġesù biex nikkonvertu u nemmnu fl-Evanġelju.  Aħna mħeġġin biex b’impenn nibdew il-mixja tagħna lejn l-Għid, sabiex nilqgħu dejjem aktar il-grazzja ta’ Alla, li jrid jibdel id-dinja f’saltna ta’ ġustizzja, paċi, fraternità.

Marija Santissma tgħinna ngħejxu dan ir-Randan b’fedeltà lejn il-Kelma t’Alla u bit-ralb bla heda, kif għamel Ġesù fid-deżert.  Mhux impossibbli!  Ifisser li ngħejxu kull ġurnata tagħna bix-xewqa li nilqgħu l-imħabba li tiġi minn Alla u li trid tittrasforma ħajjitna u d-dinja kollha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

minn hawn u xahar ieħor, bejn id-19 u l-24 ta’ Marzu, madwar 300 żgħażagħ se jiġu Ruma minn madwar id-dinja kollha għall-laqgħa ta’ tħejjija għas-Sinodu ta’ Ottubru.  Imma nixtieq bil-qawwa tiegħu kollha li ż-żgħażagħ kollha jkunu protagonisti ta’ din it-tħejjija.  Għaldaqstant huma jistgħu  jieħdu sehem permezz tal-internet fil-gruppi lingwitiċi li huma moderati minn żgħażagħ oħra. Il-kontribuzzjoni tal-”gruppi tal-internet” tingħaqad ma’ dik tal-laqgħa ta’ Ruma.  Għeżież żgħażagħ, tistgħu ssibu l-informazzjoni fuq is-sit tas-Segreterija tas-Sinodu tal-Isqfijiet.  Nirringarzzjakom tal-kontribut tagħkom biex nimxu flimkien!

Insellem lill-familji kollha, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet u lill-pellegrini kollha li ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem lill-fidili minn Murcia, Vannes, Varsavja u Breslavja; kif ukoll lil dawk li ġejjin minn Erba, Vignole, Fontaneto d’Agogna, Silvi u Troina.  Insellem liż-żgħażagħ tad-dekanat ta’ Baggio (Milan) u lil dawk minn Melito Porto Salvo.

Fil-bidu tar-Randan, li – kif kont qed ngħid – huwa mixja ta’ konverżjoni u taqbid kontra l-ħażen, irrid nagħti awgurju partikolari lill-persuni li huma priġunieri: għeżież ħuti li tinsabu fil-ħabs, nagħmel kuraġġ lil kull wieħed u waħda minnkom biex tgħejxu dan iż-żmien tar-Randan bħala okkażjoni ta’ rikonċiljazzjoni u tiġdid ta’ ħajjitkom taħt il-ħarsa ħanina tal-Mulej.  Hu qatt ma jgħeja jaħfer.

Nitlobkom ilkoll tiftakru fit-talb tagħkom fija u fil-kollaboraturi tal-Kurja ta’ Ruma, għax mil-lejla se nibdew il-ġimgħa tal-Eżerċizzi Spiritwali.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber