Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-Ħdud li għaddew il-liturġija saħqet dwar xi jfisser li jkollna atteġġjament ta’ sahra u liema hi l-imġieba konkreta biex aħna nħejju t-triq tal-Mulej.  F’dan it-tielet Ħadd tal-Avvent, imsejjaħ ukoll “il-Ħadd tal-ferħ”, il-liturġija tistedinna nifhmu l-ispirtu li bih iseħħ dan kollu, jiġifieri, appuntu, il-ferħ.  San Pawl jistedinna nħejju ruħna għall-miġja tal-Mulej bi tliet atteġġjamenti.  Isimgħu sewwa: tliet atteġġjamnenti.  L-ewwel, ferħ kostanti; it-tieni, talb perseveranti; it-tielet li niżżu ħajr bla heda.

L-ewwel atteġġjament, ferħ kostanti: «Kunu dejjem ferħana» (1 Tess. 5,16), jgħid San Pawl.  Ifisser li nibqgħu dejjem ferħanin  anki meta l-affarijiet ma jmorrux kif nixtiquhom aħna; imma hemm dak il-ferħ profond, li huwa l-paċi: dik ukoll hi ferħ, ġewwa fina.  U l-paċi hi ferħ “fuq il-livell tal-art”, imma hi ferħ.  Id-dwejjaq, id-diffikultajiet u t-tbatijiet jolqtu l-ħajja ta’ kulħadd, ilkoll kemm aħna nafu x’inhuma, u bosta drabi r-realtà li ngħixu fiha tidher ftit li xejn ospitali u bla fejda, tixbaħ id-deżert li fih kien jidwi leħen Ġwanni l-Battista, kif ifakkarna l-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw. 1, 23).  Iżda propju kliem il-Battista jurina li l-ferħ jistrieħ fuq ċertezza waħda, li dad-deżert hu mgħammar: «F’nofskom – jgħid – hemm wieħed li intom ma tafuhx» (v.26).  Huwa Ġesù, il-mibgħut tal-Missier li jiġi, kif jisħaq Iżaija, «biex iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, idewwi l-qlub miksura, iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs,biex iniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej» (61, 1-2).  Dal-kliem li Ġesù għamel tiegħu fid-diskors fis-sinagoga ta’ Nażaret (cfr Lq 4,16-19), juru ċar li l-missjoni tiegħu fid-dinja hija l-ħeslien mid-dnub u mill-jasar personali u soċjali li dan iġib miegħu.  Hu ġie fid-dinja biex lill-bnedmin iroddilhom lura d-dinjità u l-libertà ta’ wlied Alla, li Hu biss seta’ jwassal, u biex lil dan itih il-ferħ.

Il-ferħ karatteristiku tal-istennija tal-miġja tal-Messija jinbena fuq it-talb perseveranti: dan hu t-tieni atteġġjament.  San Pawl jgħid: «Itolbu bla waqfien» (1 Tess. 5,17).  Permezz tat-talb aħna nistgħu nidħlu f’relazzjoni stabbli ma’ Alla, li hu l-għajn tal-ferħ veru.  Il-ferħ tan-nisrani ma jinxtarax, ma jistax jinxtara; jiġi mill-fidi u mil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu, ir-raġuni tal-hena tagħna.  U aktar ma’ għeruqna huma mwaħħdin ma’ Kristu, aktar ma’ aħna nkunu qrib Ġesù, aktar insibu s-serenità ġewwinija, minkejja l-kuntradizzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.  Għalhekk, in-nisrani, wara li jkun iltaqa’ ma’ Ġesù, ma jistax ikun profeta tad-dlam, iżda xhud u ħabbâr tal-ferħ.  Ferħ li jaqsam mal-oħrajn; ferħ li jniġġes u li jnaqqas it-toqol tal-mixja tal-ħajja.

It-tielet atteġġjament li jurina Pawlu hu r-radd ta’ ħajr bla heda, jiġifieri l-imħabba rikonoxxenti lejn Alla.  Infatti, Hu ġeneruż ħafna magħna u aħna mistednin nagħrfu dejjem l-għajnuna li jtina, l-imħabba ħanina tiegħu, il-paċenzja u t-tjubija tiegħu, u għalhekk ngħixu dejjem niringrazzjawh bla heda.

Ferħ, talb u ringrazzjament huma t-tliet atteġġjamenti li jħejjuna biex ngħixu l-Milied b’mod awtentiku.  Ferħ, talb u gratitudni.  Ngħidu flimkien: ferħ. Talb u gratitudni (in-nies fil-pjazza jtennuhom).  Għal darb’oħra! (mill-ġdid itennuhom).  F’din l-aħħar parti tal-Avvent, nintelqu fl-interċessjoni materna tal-Verġni Marija.  Hi “l-kawża tal-ferħ tagħna”, mhux biss għax iġġenerat lil Ġesù, imma għaliex tfakkarna fiH bla ma taqta’ xejn.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

[it-tfal ta’ Ruma jkantawlu “Happy Birthday”] Grazzi, grazzi ħafna!

Ningħaqad b’qalbi kollha mal-appell tal-isqfijiet tan-Niġerja biex jinħelsu s-sorijiet tal-Qalb Ewkaristika ta’ Kristu, li nħatfu madwar xahar ilu mill-kunvent tagħhom f’Iguoriakhi.  Nitlob b’insistenza għalihom u għall-persuni l-oħra kollha li jinsabu f’dil-kundizzjoni ta’ niket: jalla fl-okkażjoni tal-Milied, fl-aħħar jerġgħu lura lejn djarhom.  Nitolbu għalihom flimkien: Sliem għalik Marija....

Insellem lilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali u assoċjazzjonijiet li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn bosta nħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-grupp “Lobitos”, mill-Portugall u lil dak tal-pellegrini Bolivjani.  Insellem lill-fidili minn Salamanca u Pernumia (Padova)

U issa nsellem b’imħabba lit-tfal li ġew għat-tberik “tal-Bambini”, organiżżat miċ-Ċentru Oratorji ta’ Ruma. Sabih dak li nista’ naqra minn hawn: l-oratorju hu propjament għal kull wieħed u waħda minna.  “Dejjem hemm post għalik” hemm fuq il-“poster”.  Dejjem hemm post għalik!  Meta tkunu d-dar titolbu, flimkien mal-familjari tagħkom quddiem il-presepju, ħallu t-tenerezza ta’ Ġesù Bambin tiġbidkom lejha, Ġesù li twieled fqir u dgħajjef biex itina mħabbtu.  Dan hu l-veru Milied.  Jekk inneħħu lil Ġesù, x’jibqa’ fil-Milied?  Festa vojta.  Ma neħħux lil Ġesù mill-Milied!  Ġesù hu l-qofol tal-Milied, Ġesù hu l-veru Milied!  Fhimtu?

Għaldaqstant nawgura lilkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja t-tajba li tqarribna lejn il-Milied ta’ Ġesù.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.