Il-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

17 ta' Novembru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta' dan il-Ħadd ta' qabel tal-aħħar tas-sena liturġika (cfr Lc 21, 5-19) itina d-diskors ta' Ġesù dwar l-aħħar taż-żminijiet.  Ġesù jinsab quddiem it-tempju ta' Ġerusalemm, binja li tiġbed l-ammirazzjoni tan-nies minħabba l-kobor u s-sbuħija tagħha.  Imma Hu jagħmel il-profezija li dik is-sbuħija ta' tempju, tant grandjuż, "mhix se tibqa' ġebla fuq oħra minnu" (v. 6).  Il-qerda tat-tempju mħabbra minn qabel minn Ġesù mhix tant simbolu tat-tmiem tal-istorja iżda l-għan tal-istorja.  Infatti lis-semmiegħa li jridu jafu kif u meta se jidhru dawn is-sinjali Ġesù jwieġeb bil-lingwaġġ apokalittiku tipiku tal-Bibbja.

Juża żewġ tixbihat li fid-dieher jikkuntrastaw lil xulxin: l-ewwel hemm serje ta' ġrajjiet tal-biża': l-art titheżheż, gwerer, ġuħ, rewwixti u persekuzzjonijiet (vv. 9-12); l-oħra hi ta' serħan ir-ras: "Ebda xagħara minn raskom ma tintilef" (v. 18).  Għall-ewwel hemm ħarsa realistika lejn l-istorja, immarkata minn-traġedji u anki vjolenza, minn trawmi li jferu l-ħolqien, id-dar komuni tagħna, u wkoll il-familja umana li tgħix fiha, u lill-istess komunità nisranija.  Naħsbu ftit fil-ħafna gwerer li għandna llum u tant traġedji tal-lum.  It-tieni tixbiha - illi tinġabar kollha fl-assigurazzjoni ta' Ġesù - tgħidlina liema atteġġjament għandu jkollu n-nisrani biex jgħix din l-istorja karatteriżżata mill-vjolenza u taħbit.

U liema hu l-atteġġjament tan-nisrani?  Hu l-atteġġjament tat-tama f'Alla, li jfisser li ma nħallux dawn il-ġrajjiet traġiċi jgħakksuna.  Anzi, huma okkażjoni biex inkunu xhieda (v. 13).  Id-dixxipli ta' Kristu ma jistgħux jibqgħu lsira tal-biża' u l-qtigħ ill-qalb; iżda huma msejħin biex jikkontrollaw din il-qawwa qerrieda tal-ħażen, biċ-ċertezza li l-azzjoni ta' ġid tagħhom hija akkumpanjata dejjem mit-tenerezza għaqlija u rassikuranti tal-Mulej.  Dan hu s-sinjal elokwenti li s-Saltna t'Alla riesqa lejna, jiġifieri qed toqrob il-milja tad-dinja kif irid Alla.  U huwa Hu, il-Mulej, li jmexxi l-eżistenza tagħna u jaf x'inhu l-għan aħħari tal-affarijiet u tal-ġrajjiet.

Il-Mulej isejħilna biex nikkollaboraw fil-bini tal-istorja, sabiex flimkien miegħu, insiru operaturi ta-paċi u xhieda tat-tama f'futur ta' salvazzjoni u qawmien.  Il-fidi ġġagħalna nimxu ma' Ġesù fit-toroq tant imħarbta ta' did-dinja, biċ-ċertezza li l-qawwa tal-Ispirtu tiegħu tegħleb il-qawwa tal-ħażen, u jqiegħed kollox taħt is-setgħa tal-imħabba t'Alla.  L-imħabba hi superjuri, l-imħabba hi aktar setgħana, għax hija Alla: Alla huwa mħabba.  Eżempju għalina huma l-martri nsara - il-martri tagħna, anki ta' żmienna, li jisbqu fl-għadd lil dawk tal-ewwel żminijiet - li, minkejja l-persekuzzjonijiet, huma rġiel u nisa tal-paċi.  Huma jħallulna wirt biex inħarsuh u nimitawh: l-Evanġelju tal-imħabba u tal-ħniena.  Dan hu t-teżor l-aktar prezzjuż li nagħtalna u x-xhieda l-aktar effikaċi li nistgħu nagħtu lil kontemporanji tagħna, billi nwieġbu bl-imħabba għall-mibegħda, bil-maħfra għall-offiża.  Fil-ħajja ta' kuljum ukoll: meta aħna nirċievu offiża, inħossu weġgħa; imma jeħtieġ naħfru mill-qalb.  Meta nħossuna mibgħuda, nitolbu bl-imħabba għall-persuna li tobgħodna.  Il-Verġni Marija, bl-interċessjoni materna tagħha, tkun il-bastun tagħna fil-mixja tal-fidi tal-ħajja ta' kuljum, fis-sekwela tal-Mulej li jmexxi l-istorja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f'Riobamba, fl-Ekwador, ġie dikjarat Beatu patri Emilio Moscoso, saċerdot martri membru tal-Kumapnija ta' Ġesù, li nqatel fl-1897 fi klima ta' persekuzzjoni kontra l-Knisja Kattolika.  L-eżempju tiegħu ta' reliġjuż umli, appostlu tat-talb u edukatur taż-żgħażagħ ikun ta' rifda għall-mixja ta' fidi tagħna u tax-xhieda nisranija.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Foqra, li għandu t-tema "It-tama tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem fiergħa" (Sal 9,19).  Ħsiebi jmur lejn kull min, fid-djoċesijiet u fil-parroċċi tad-dinja kollha, organiżża inizjattivi ta' solidarjetà biex jagħti tama konkreta lill-persuni l-aktar fil-bżonn.  Irrodd ħajr lit-tobba u lill-infermieri li dal-ġranet taw servizz fiċ-Ċittadella Medika li kien hawn fi Pjazza San Pietru.  Irrodd ħajr għal tant inizjattivi favur in-nies li jbatu, fil-bżonn, u dan għandu jkun xhieda tal-attenzjoni li qatt m'għandha tnin, lejn dawn ħutna.  Rajt ftit ilu, ftit minuti ilu, xi statistika dwar il-faqar.  Tħoss qalbek tingħasar!  L-indifferenza tas-soċjetà lejn il-foqra....  Nitolbu (ftit waqtiet ta' talb fis-skiet).

Insellem lilkom ilkoll pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lill komunità Ekwadorjana ta' Ruma li qed tagħmel il-festa tal-Verġni ta' Quinche; lill-fidili minn New Jersey u lil dawk minn Toledo; lil Ulied Marija Awżiljatriċi ġejjin minn diversi pajjiżi u lill-Assoċjazzjoni Taljana tal-Akkompanjaturi tas-Santwarji Marjani fid-Dinja.  Insellem lill-gruppi minn Porto d'Ascoli u minn Angri; u lil-parteċipanti tal-pellegrinaġġ tal-Iskejjel Lasalljani minn Torin u Vercelli f'għeluq it-tielet ċentinarju mill-mewt ta' San Ġwanni Battista de la Salle.

Nhar it-Tlieta nibda vjaġġ fil-Tajlandja u fil-Ġappun: nistedinkom titolbu għal dal-vjaġġ appostoliku.  U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber