Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 17 ta' Novembru 2013

 

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba,

il-vanġelu tal-lum (Lq 21, 5-19) iġib l-ewwel parti minn diskors ta’ Ġesù fuq l-aħħar żminijiet.  Dan Ġesù jagħmlu f’Ġerusalemm, fll-inħawi tat-tempju; u dak li jwasslu biex jgħid dal-kliem kien proprju għax in-nies kienu qed jitkellmu fuq it-tempju u fuq il-ġmiel tiegħu.  Għax kien tassew tempju sabiħ.  Għalhekk Ġesù qal: “Għad jiġi żmien fejn minn dak li qed taraw ma tibqax ġebla fuq oħra” (Lq 21,6).  Naturalment jistaqsuh dan meta kellu jseħħ u liema kellhom ikunu s-sinjali.  Imma Ġesù ma jħallix l-attenzjoni taqa’ fuq dawn l-aspetti ta’ importanza sekondarja – meta u kif kellu jseħħ – imma jpoġġiha fuq l-argumenti li verament huma importanti.  Dawn huma tnejn.  L-ewwel nett: m’għandniex inħallu lill-messiji foloz jidħku bina u m’għandniex inħallu l-biża’ tiġġamjana.  It-tieni: għandna ngħixu ż-żmien tal-istennija bħala żmien ta’ xhieda u żmien ta’ tqawwija fil-fidi.  U aħna ninsabu f’dan iż-żmien ta’ stennija, l-istennija għall-miġja tal-Mulej.

Dan il-kliem ta’ Ġesù għadu jgħodd, anke għalina li ngħixu fis-sekli XXI.  Hu jtenni jgħidilna: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f'ismi” (v. 8).  Din hija stedina għad-dixxerniment; din hija virtù nisranija li tgħinna nagħrfu fejn hu l-ispirtu tal-Mulej u fejn hu l-ispirtu l-ħażin.  Anke llum għandna ħafna “salvaturi” foloz, li jippruvaw jieħdu post Ġesù: mexxejja ta’ din id-dinja, nies li jriduha ta’ qaddisin, anke sħaħar u bassara tax-xorti, nies li jridu jiġbdu lejhom l-imħuħ u l-qlub, speċjalment taż-żgħażagħ.  Ġesù jjippreparana għalihom: “Tmorrux warajhom!” Tmorrux warajhom!

U l-Mulej jgħinna wkoll biex ma nibżgħux: quddiem il-gwerer, quddiem ir-rivoluzzjonijiet, imma anke quddiem id-diżastri naturali, quddiem l-imxijiet, Ġesù jeħlisna mill-fataliżmu u minn viżjonijiet apokalittiċi foloz.

It-tieni aspett jisfidana proprju bħala nsara u bħala Knisja: Ġesù jħabbar it-taqbidiet u l-persekuzzjonijiet li d-dixxipli tiegħu għad ikollhom ibatu minħabba fih.  Madanakolu jassigurhom: “Lanqas xagħara waħda minn raskom ma tintilef” (v. 18).  Ifakkarna li aħna lkoll f’idejn Alla b’mod sħiħ!  Il-kuntlarju li niltaqgħu miegħu minħabba t-twemmin tagħna u minħabba r-rabta tagħna mal-Vanġelu huma okkażjonijiet biex nagħtu xhieda;  m’għandhomx ibegħduna mill-Mulej, imma għandhom jimbuttawna biex nintelqu aktar f’idejh, fil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu u tal-grazzja tiegħu.

F’dal-mument ejjew naħsbu ftit flimkien: naħsbu f’tant aħwa nsara li qed ibatu l-persekuzzjonijiet minħabba l-fidi tagħhom.  Hemm ħafna li għaddejjin minn din l-esperjenza.  Forsi aktar minn dawk tal-ewwel sekli.  Ġesù jinsab magħhom.  U aħna wkoll magħqudin magħhom bit-talb tagħna u b’dak li nħossu għalihom; nammiraw il-kuraġġ u x-xhieda tagħhom.  Dawk li f’ħafna partijiet tad-dinja qed ibatu minħabba li huma dixxipli ta’ Ġesù Kristu huma ħutna.  Insellmulhom bil-qalb u b’imħabbba.

Fl-aħħar Ġesù jagħmel wegħda li huwa garanzija għar-rebħa: “Jekk iżommu sħiħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom” (v. 19).   Kemm insibu tama f’dawn il-kelmiet!  Isejjħulna mill-ġdid għat-tama u għas-sabar, isejjħulna biex nitgħallmu nistennew b’ċertezza l-frott tas-salvazzjoni, waqt li nittamaw fit-tifsira profonda tal-ħajja tal-istorja: it-taqbid u d-diffikultajiet jagħmlu parti minn pjan akbar; i-Mulej, li hu s-sid tal-istorja, iwassal kollox għall-milja tiegħu.  Minkejja d-diżordni u d-diżgrazzji li jħawwdu d-dinja, il-pjan tat-tajjeb tal-ħniena ta’ Alla għad jitwettaq!  U din hija t-tama tagħna:  li nimxu ‘l quddiem f’din it-triq, fil-pjan ta’ Alla li għad jitwettaq.  Din hija t-tama tagħna.

Dan il-messaġġ ta’ Ġesù jgħinna nirriflettu fuq il-preżent tagħna u jtina l-qawwa biex naħkmuh bil-kuraġġ u bit-tama, bil-għajnuna ta’ Marija li dejjem timxi magħna.

 

Wara l-Angelus il-papa wassal dawn it-tislijiet

Insellem lilkom, familji, għaqdiet u gruppi, li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn ħafna partijiet tad-dinja: Spanja, Franza, Finlandja, l-Olanda.  Insellem b’mod partikulari lill-pellegrini li ġew minn Vercelli, Salern, Lizzanello; il-Motocub Lucania ta’ Potenza, iż-żgħażagħ ta’ Montecassino u ta’ Caserta.

Illum il-komunità Eritrea ta’ Ruma tiċċelebra l-festa ta’ San Mikiel. Insellmulhom bil-qalb!

Illum jaħbet il-Jum iddedikat lill-vittmi ta-inċidenti fit-toroq.  Naċċertakom mit-talb tiegħi u nħeġġeġ biex jiżdied l-impenn biex jiġu evitati l-inċidenti, għax il-prudenza u r-rispett tal-liġijiet huma l-ewwel forma ta’ taħriġ għal kulħadd.

Issa nixtieq nipproponilkom mediċina.  Żgur hawn min qed jaħseb: “Issa l-Papa se jagħmilha tal-ispiżjar?”  Hija mediċina speċjali biex issaħħaħ il-frot tas-Sena tal-Fidi li qed toqrob lejn tmiemha.  Imma hija mediċina magħmulha minn 59 żibġa marbutin flimkien b’katina.  Hija mediċina spiritwali msejjħa Misericordina.  Tikkonsisti f’kaxxa żgħira b’59 żibġa marbutin flimkien b’katina.  F’din il-kaxxetta hemm il-mediċina u xi voluntiera se jqassmuhielkom waqt li titilqu mill-pjazza.  Ħuduha!  Fiha kuruna tar-Rużarju li biha tistgħu titolbu wkoll it-talba tal-Ħniena divina, li hi għajnuna spiritwali għal ruħna biex inxerrdu kullimkien l-imħabba, il-maħfra u l-fraternità  Tinsewx toħduha, għax tgħinkom, ftehmna?  Hi tajba għall-qalb, għar-ruħ u għall-ħajja kollha!

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb. Niltaqgħu mill-ġdid u l-ikla t-tajba!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.