Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta evanġelika ta’ dan il-Ħadd (cfr Mt 18,21-35) toffrilna tagħlima dwar il-maħfra, li ma tħassarx l-inġustizzja li nkunu rċevejna imma hi għarfien li l-bniedem, maħluq xbieha t’Alla, hu dejjem akbar mill-ħażen li jagħmel. San Pietru jistaqsi lil Ġesù: «Jekk ħija jonqosni, kemm-il darba għandi naħfrilu?  Sa seba’ darbiet?» (v. 21).  Għal Pietru, li taħfer seba’ darbiet lil-istess persuna, diġà hu l-limitu, u forsi għalina diġà hu ħafna naħfru darbtejn.  Imma Ġesù jwieġeb: «Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet imma sebgħa għal sebgħa u sebgħin darba» (v.22), jiġifieri, dejjem: int għandek taħfer dejjem.  U jikkonferma dan bir-rakkont tal-parabbola tal-qadddej bla qalb, li fiha juri l-inkoerenza ta’ dak li l-ewwel inħafrilu dejnu u mbagħad jirrifjuta li jaħfer hu stess.

Ir-re tal-parabbola hu bniedem ġeneruż, li mqanqal mill-mogħdrija jaħfer dejn enormi – “għaxart elef talent”: enormi – lill-qaddej li qed jitolbu bil-ħerqa.  Imma malli dak l-istess qaddej jiltaqa’ ma’ qaddej ieħor bħalu li kellu jtih mitt dinar – jiġifieri ħafna anqas – iġib ruħu  ta’ bniedem bla qalb u jitfgħu l-ħabs.  L-atteġġajment inkoerenti ta’ dal-qaddej hu l-istess bħal tagħna meta niċħdu l-maħfra lil ħutna.  Filwaqt li r-re tal-parabbola hu x-xbieha ta’ Alla, li jħobbna b’imħabba tant għanja bil-ħniena li jilqagħna, iħobbna u jaħfrilna mingħajr ma jheda.

Sa mill-Magħmudija tagħna Alla beda jaħfrilna, jaħfrilna dejn li ma jistax jinfeda: id-dnub tan-nisel.  Iżda dik hi l-ewwel darba.  Imbagħad, bi ħniena bla qies Hu jaħfrilna l-ħtijiet kollha malli aħna nuru mqar l-anqas sinjal ta’ ndiema.  Hekk hu magħmul Alla: ħanin.  Meta jkollna t-tentazzjoni li nagħlqu qlubna għal min ikun offendiena u jitlobna skuża, niftakru fil-kliem tal-Missier Ċelesti lill-qaddej bla qalb: «Jien ħfirtlek dak id-dejn kollu għax tlabtni bil-ħniena.  Ma kienx imissu jkollok ħniena minn sieħbek kif kont ħanin miegħek jien?» (vv. 32-33).  Kull min ħass fih l-hena, il-paċi u l-libertà interjuri li tiġi mill-fatt li jkun maħfur, jista’ jinfetaħ għall-possibiltà li jaħfer min-naħa tiegħu.

Fit-talba tal-Missierna, Ġesù ried idaħħal l-istess tagħlima ta’ dil-parabbola.  Qiegħed f’relazzjoni diretta l-maħfra li nitolbu aħna lil Alla mal-maħfra li aħna għandna d-dmir li nagħtu lil ħutna: «Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina» (Mt 6, 12).  Il-maħfra t’Alla hi sinjal tal-imħabba tfawwar tiegħu għal kull wieħed u waħda minna; hi mħabba li ttina l-libertà li nitbegħdu, bħall-Iben il-Ħali, imma li kuljum tistenniena nerġgħu lura; hi l-imħabba mimlija inizjattiva tar-ragħaj għan-nagħġa l-mitlufa; hi t-tenerezza li tilqa’ lil kull midneb li jħabbat fuq biebha.  Il-Missier Ċelesti – Missierna – hu mimli, hu mimli bl-imħabba u jrid itihilna, imma ma jistax jagħmel dan jekk aħna nagħlqu qalbna għall-imħabba lejn l-oħrajn.

Il-Verġni Marija tgħinna biex ikollna dejjem l-għarfien ta’ kemm hi gratwita u tal-kobor tal-maħfra mogħtija lilna minn Alla, sabiex aħna nsiru bnedmin bi ħniena bħal tiegħu, Hu, il-Missier twajjeb, li tqil biex jagħdab u kbir fl-imħabba.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini ġejjin minn pajjiżi diversi: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.

Insellem lill-fidili minn La Plata (l-Arġentina), lill-uffiċjali tal-Iskola militari tal-Kolombja u lill-katekisti nisa minn Rho (Milan).

Insellem lill-parteċipanti tal-ġirja Via Pacis li għaddew minn imkejjen tal-kult ta’ konfessjonijiet reliġjużi differenti madwar Ruma.  Nawgura li din l-inizjattiva kulturali u sportiva tkun ta’ fejda għad-djalogu, għall-konvivenza u għall-paċi.

Insellem lill-bosta żgħażagħ li ġew minn Loreto akkumpanjati mill-patrijiet Franġiskani, li llum bdew jum ta’ riflessjoni u meditazzjoni: intom iġġibulna “l-fwieħa” tas-Santwarju tad-Dar Imqaddsa, grazzi!  Insellem ukoll lill-volontiera Pro Loco u lil dawk li llum qed jibdew mixja lejn Assisi!  Il-mixja t-tajba!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber