Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum, l-evanġelista Luqa jirakkonta dwar Ġesù, li meta kien fi triqtu lejn Ġerusalemm, daħal f’villaġġ u nagħta merħba fid-dar ta’ żewġt aħwa nisa: Marta u Marija (cfr Luqa 10,38-42).  It-tnejn joffru ospitalità lill-Mulej, imma dan jagħmluh b’mod differenti.  Marija tinxteħet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù u tisma’ kelmtu (cfr v.39), iżda Marta hi mehdija għal kollox fuq dak li kellha tħejji; u f’ħin minnhom tgħid lil Ġesù: «Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss?  Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi» (v. 40).  U Ġesù jweġibha: «Marta, Marta, int taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ, imma waħda hi meħtieġa.  U Marija għażlet l-aħjar sehem li ma jittiħdilhiex» (vv. 41,42).

Kif kienet mehdija bix-xogħol, Marta tirriskja li tinsa – u din hi l-problema – l-aktar ħaġa importanti, jiġifieri l-preżenza tal-mistieden, li f’dak il-każ kien Ġesù.  Insiet il-preżenza tal-mistieden.  U l-mistieden m’għandux sempliċiment ikun servut, mitmugħ u nieħdu ħsiebu b’kull mod, biss.  Jeħtieġ ukoll li, fuq kollox, ikun mismugħ.  Ftakruha tajjeb dil-kelma: nisimgħu!  Għax il-mistieden għandu jkun milqugħ bħala persuna, bl-istorja tagħha, bil-qalb għanja bis-sentimenti u l-ħsibijiet, ħalli b’hekk ikun iħossu verament parti mill-familja.  Imma jekk inti tilqa’ mistieden id-dar u tkompli tagħmel xogħolok, tqiegħdu bilqiegħda hemm, hu ħalqu magħluq u int ħalqek magħluq, ikun qisu ġebla: il-mistieden tal-ġebel.  Le, il-mistieden għandu jkun mismugħ.  Ċertament, it-tweġiba li Ġesù ta lil Marta – meta jgħidliha li ħaġa waħda biss hi meħtieġa – issib it-tifsira kollha tagħha b’riferiment għas-smigħ tal-kelma ta’ Ġesù nnifsu, dik il-kelma li ddawwal u ssostni dak kollu li nagħmlu.  Jekk, per eżempju, aħna mmorru nitolbu quddiem Kurċifiss, u nlabalbu, inlabalbu, inlabalbu u mbagħad nitilqu, ma nkunux smajna lil Ġesù!  Ma nkunux ħallejnih ikellem lil qalbna.  Is-smigħ: din hi l-kelma, mufitħ ta’ kollox.  Tinsewhiex!  U ma rridux ninsew li fid-dar ta’ Marta u Marija, qabel ma huwa l-Mulej u l-Imgħallem, Ġesù hu pellegrin u mistieden.  Għalhekk it-tweġiba tiegħu għandha din it-tifsira ewlenija u immedjata: «Marta, Marta, għax qed titħabat tant għall-mistieden  tant li qed tinsa l-preżenza tiegħu?» - Il-Mistieden tal-ġebel! – Biex tilqgħu m’hemmx għalfejn ħafna affarijiet; anzi ħaġa waħda hi meħtieġa: tisimgħu – hekkhu l-kelma: tisimgħu -, turih atteġġjament fratern, b’mod li hu jinduna li qiegħed fil-familja u mhux f’xi post tal-kenn proviżorju.

Meta l-ospitalità nifhmuha f’dad-dawl, din hi waħda mill-opri tal-ħniena, allura ssir verament virtù umana u nisranija, virtù li fid-dinja tal-lum qed tirriskja li tintesa.  Infatti qed jiżdiedu d-djar tal-kenn u l-ospizji, imma f’dawn l-ambjenti mhux dejjem hemm ospitalità awtentika.  Jinħolqu ħafna istituzzjonijiet li jieħdu ħsieb ħafna mard differenti, solitudni, emarġinazzjoni, imma qed tonqos il-probabbiltà għal min hu stranġier, emarġinat, eskluż, li jsib lil xi ħadd lest li jisimgħu: għax hu stranġier, rifuġjat, migrant, (jeħtieġ) nisimgħu dik l-istorja ta' niket.  Saħansitra fid-dar tagħna stess, bejn il-membri tal-familja, jiġri li faċilment ikun hemm aktar kura u servizzi ta’ tipi differenti milli smigħ u akkoljenza.  Illum tant aħna mehdijin, mimlijin urġenza minħabba tant problemi – li wħud minnhom m’humiex importanti – li qed tonoqsna l-ħila li nisimgħu.  Il-ħin kollu għandna x’nagħmlu u b’hekk m’għandniex ħin biex nisimgħu.  U jien irrid nistaqsi lilkom, nagħmlilkom mistoqsija, kulħadd iwieġeb f’qalbu: int, raġel miżżewweġ, għandek ħin biex tisma’ lil martek?  U int, mara miżżewġa, għandek ħin biex tisma’ lil żewġek?  Imtom ġenituri, għandkom ħin, “x’titilfu”, biex tisimgħu lil uliedkom?, jew lil-nanniet tagħkom, lill-anzjani? – “Imma n-nanniet dejjem jgħidu l-istess affarijiet, idejquk...” – Imma għandhom ħtieġa li jkunu mismugħin!  Nisimgħu!  Nitlobkom titgħallmu tisimgħu u tagħtu aktar ħin lil xulxin.  L-għeruq tal-paċi huma l-ħila li wieħed ikollu li jisma’.

Jalla l-Verġni Marija, Omm is-Smigħ u l-qadi mimli premura, tgħallimna nkunu akkoljenti u ospitali ma’ ħutna. 


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Għadu ħaj fi qlubna n-niket minħabba l-istraġi li nħar il-Ħamis li għadda filgħaxija, seħħet f’Nizza, li ħasdet tant ħajjiet innoċenti, saħansitra bosta tfal.  Jien qrib ta’ kull familja u tan-nazzjon Franċiż kollu li jinsab fil-luttu.  Alla, Missier ħanin, jilqa’ lill-vittmi kollha fil-paċi tiegħu, jgħin lill-miġrugħa u jfarraġ lill-familjari.  Jalla jkisser kull proġett ta’ terrur u ta’ mewt, ħalli ebda bniedem qatt aktar ma jażżarda jxerred demm ħuh.  Tgħannieqa paterna u fraterna lill-abitanti kollha ta’ Nizza u lin-nazzjon Franċiż kollu.  U issa lkoll flimkien, b’din l-istraġi fi ħsiebna, nitolbu għall-vittmi, għall-familjari.  L-ewwel nitolbu fis-skiet...

 Is-sliem għalik, Marija ......

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, fidili ta’ Ruma u minn tant pajjiżi oħra.  Partikolarment mill-Irlanda, insellem lill-pellegrini mid-djoċesijiet ta’ Armagh u Derry, u lill-kandidati għad-Dajkonat Permanenti mid-djoċesi ta’ Elphin, flimkien ma’ marthom.

Insellem lir-Rettur u lill-istudenti tat-tieni sena tas-Seminarju Pontifiċju Teoloġiku tal-Calabria “San Piju X; liż-‘għażagħ minn Spinadesco (djoċesi ta’ Cremona); liż-żgħażagħ tal-Komunità Pastorali tal-Qaddisin Appostli minn Milan; lill-ministranti minn Postioma U Porcellegno (Djoċesi ta’ Treviso).  U qed nara wkoll lill-bravi ħutna Ċiniżi: tislima kbira lilkom, Ċiniżi!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci.

 

Miġjub għall-malti mit-Taljan minn Joe Huber