Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-paġna evanġelika tal-lum (cfr Mk 4,26-34), Ġesù jkellem lill-folla dwar is-Saltna t’Alla u dwar id-dinamiżmi li tikber bihom.  Dan jagħmlu bir-rakkont taż żewġ parabboli qosra.

Fl-ewwel parabbola (cfr vv. 26-29), is-Saltna t’Alla hi mqabbla mat-tkabbir misterjuż taż-żerriegħa li tintefa’ fl-art u wara tinbet, tikber u ssir qamħa - indipendentement minn jekk jieħux ħsiebha l-bidwi jew le - li meta ssir, jaħsadha.  Il-messaġġ li ttina dil-parabbola huwa dan: bis-saħħa tal-predikazzjoni u l-azzjoni ta’ Ġesù, hi mħabbra s-Saltna t’Alla li daħlet fl-għalqa tad-dinja, u bħaż-żerriegħa tikber u tiżviluppa waħedha, bil-qawwa tagħha biss u skont kriterji li umanament ma jingħarfux.  It-tkabbir u t-twarrid tagħha fl-istorja ma jiddependi tant mill-ħidma tal-bniedem, imma fuq kollox hi espressjoni tal-qawwa u t-tjubija t’Alla, tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jmexxi ‘l quddiem il-ħajja kristjana fil-Poplu t’Alla.

Kultant l-istorja, bil-ġrajjiet u l-protagonisti tagħha donnha tieħu d-direzzjoni opposta għall-pjan tal-Missier Ċelesti, li jrid il-ġustizzja, il-fraternità u l-paċi għal uliedu kollha.  Iżda aħna msejħin biex ngħejxu dawn iż-żminijiet bħala staġuni ta’ prova, ta’ tama u saħra bl-istennija tal-ħsad.  Infatti, illum bħall-bieraħ, is-Saltna t’Alla tikber fid-dinja b’mod misterjuż, b’mod sorprendenti, u tikxef il-qawwa moħbija taż-żerriegħa ċkejkna, il-vitalità rebbieħa tagħha.  Qalb il-piegi tal-ġrajjiet personali u soċjali, li kultant donnhom jimmarkaw in-nawfraġju tat-tama, jeħtiġilna nibqgħu fiduċjużi fl-aġir moħbi imma qawwi, ta’ Alla.  Għaldaqstant, fil-waqtiet tad-dlam u d-diffikultajiet m’għandniex nitmewtu, imma nibqgħu ankrati mal-fedeltà ta’ Alla, mal-preżenza tiegħu li dejjem issalva.  Ftakruha din: Alla jsalva dejjem.  Huwa s-salvatur.

Fit-tieni parabbola (cfr vv. 30-32), Ġesù jqabbel is-Saltna t’Alla ma’ żerreigħa tal-mustarda.  Hi żerriegħa żgħira ħafna, madankollu tiżviluppa tant li ssir l-akbar waħda fost il-pjanti tal-ġnien: tkabbir imprevedibbli, soprendenti.  Mhux faċli għalina nidħlu f’dil-loġika tal-imprevedibbiltà ta’ Alla u naċċettawha f’ħajjitna.  Iżda llum il-Mulej iħeġġiġna biex niedħu atteġġjament ta’ fidi li jmur ‘l hinn mill-proġetti tagħna, mill-kalkoli tagħna, mill-previżjonijiet tagħna.  Alla dejjem hu Alla tas-sorpriżi.  Il-Mulej jissorprendina dejjem.  Hija stedina biex ninfetħu b’ġenerożità akbar għall-pjanijiet ta’ Alla, fuq livell personali kif ukoll komunitarju. Fi ħdan il-komunitajiet tagħna jeħtieġ noqgħodu attenti għall-okkażjonijiet żgħar jew kbar ta’ ġid li joffrielna l-Mulej, u nħalluh iwaħħadna mad-dinamika ta’ mabbtu, ta’ laqgħa u ħniena lejn kulħadd.

L-awtentiċità tal-missjoni tal-Knisja ma titkejjilx mis-suċċess jew il-gratifikazzjoni tar-riżultati, imma b’kemm timxi ‘l quddiem bil-fiduċja u l-umiltà hi u tintelaq għal kollox f’idejn Alla.  Il-mixja ‘l quddiem bl-istqarrija ta’ Ġesù u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  Hu l-għarfien li aħna strumenti żgħar u dgħajfa f’idejn Alla u li bil-grazzja tiegħu nistgħu mwettqu ħwejjeġ kbar, biex b’hekk  inkabbru Saltnatu li hi “ġustizzja, paċi u ferħ fl-Ispirtu s-Santu” (Rm 14,17).  Il-Verġni Marija tgħinna nkunu sempliċi, attenti, biex bil-fidi u l-ħidma tagħna nikkollaboraw fl-iżvilupp tas-Saltna t’Alla fil-qlub u fl-istorja.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Caracas ġiet dikjarata Beata María Carmen Rendíles Martínez, fundatriċi tas-sorijiet Qaddeja ta’ Ġesù tal-Venezwela.  Madre Carmen, li twieldet u mietet f’Caracas fis-seklu li għadda, flimkien maż ħuta s-sorijiet serviet b’imħabba fil-parroċċi, fl-iskejjel u qrib dawk l-aktar fil-bżonn.  Niżżu ħajr lill-Mulej għal din id-dixxiplu fidila u nafdaw fl-interċessjoni tagħha t-talb tagħna għall-poplu Venezwelan.  U nsellmu lill-beata l-ġdida u lill-poplu Venezwelan b’applaws!

Qed insegwi bi preokkupazzjoni s-sitwazzjoni drammatika tal-popolazzjonijiet tal Yemen, li diġá huma mifluġin minħabba snin ta’ gwerra.   Nagħmel appell lill-komunità internazzjonali biex ma thediex tagħmel sforzi sabiex bl-urġenza ġġib lill-partijiet madwar il-mejda tan-negozjati ħalli tevita illi s-sitwazzjoni umanitarja li hi diġà traġika, tkompli teħżien.  Nitolbu lill-Madonna għall-Yemen” “Sliem għalik, Marija...”.

Nhar l-Erbgħa li ġej jaħbat il-Jum Dinji tar-Rifuġjat, imniedi mill-Ġnus Magħquda biex jiġbed l-attenzjoni dwar kif qed jgħejxu, spiss fost ansjetà u tbatijiet kbar, ħutna mġegħelin jaħarbu minn artijiethom minħabba kunflitti u persekuzzjonijiet.  Jum li dis-sena ħabat fi żmien li fih qed isiru konsultazzjonijiet bejn il-gvernijiet biex ikun imniedi ftehim dinji dwar ir-rifuġjati, ħaġa li hemm il-ħsieb li ssir sal-aħħar ta’ dis-sena, u jsir l-istess dwar migrazzjoni aktar żgura, bl-ordni u regolari.  Nawgura li l-Istati involuti f’dal-proċess jaslu fi ftehim sabiex bir-responsabbiltà u l-umanità jiżguraw l-assistenza u l-ħarsien ta’ min hu mġiegħel jitlaq minn pajjiżu.  Iżda wkoll kull wieħed u waħda minna aħna msejħin biex inkunu qrib ir-rifuġjati, biex flimkien magħhom infittxu mumenti ta’ qrubija, nivvaloriżżaw il-kontribut tagħhom sabiex huma wkoll jaslu jidlħu fil-komunitajiet li jkunu qed jilqgħuhom.  F’dil-laqgħa u bir-rispett reċiproku u l-appoġġ hemm is-soluzzjoni ta’ bosta problemi.

Insellem lilkom ilkoll għeżież Rumani u pellegrini, partikolarment li dawk ġejjin minn Spanja, minn Malta, mill-Brażil – storbjużi dawn il-Brażiljani! -, mill-Istati Uniti tal-Amerika; lill-istudenti tal-”London Oratory School” u lil dawk tal-”Colegio Oratorio Festivo” minn Novelda (Spanja).

Smajt li fostkom hemm grupp ta’ Arġentini.  Ftakru li llum fil-patrija tagħna hu Jum il-Missier.  Fit-talb tagħkom ftakru f’missierkom.

Insellem lill-fidili minn Teramo, Francavilla a Mare u lill-grupp tal-Azzjoni Kattolika minn Trento; liż-żgħażagħ minn Campobasso li rċevew il-Griżma; lill-Assoċjazzjoni Biblijotekarji Ekkleżjastiċi Taljani u lill-grupp “Un Incontro, una speranza” minn Olbia.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber