Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum il-Ħadd jippreżenta l-avveniment tal-prodiġju li sar f’Kana, villaġġ fil-Galileja, waqt festa ta’ tieġ li fiha kienu mistednin ukoll Marija u Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu (cfr Ġwanni 2, 1-11).  L-Omm tiġbed l-attenzjojni ta’ Ġesù għall-fatt li naqashom l-inbid, u Ġesù, wara li weġibha li kienet għadha ma waslitx is-siegħa tiegħu, madankollu laqa’ t-talba tagħha u lill-għarajjes tahom l-aħjar inbid tal-festa kollha.  L-evanġelista jgħid li dan kien l-ewwel sinjal ta’ Ġesù li fih Hu wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli emmnu fiH» (v.11).

Għalhekk il-mirakli huma sinjali straordinarji li jakkumpanjaw il-predikazzjoni tal-Aħbar it-Tajba u għandhom l-għan li jqanqlu u jsaħħu l-fidi f’Ġesù.  Fil-miraklu li sar f’Kana nistgħu naraw att ta’ ġenerożità min-naħa ta’ Ġesù lejn l-għarajjes, sinjal tal-barka t’Alla fuq iż-żwieġ.  L-imħabba bejn raġel u mara hija għalhekk triq tajba biex jingħex l-Evanġelju, jiġifieri biex tkun mixja ferrieħa fit-triq tal-qdusija.

Imma l-miraklu ta’ Kana ma jolqotx biss lill-għarajjes.  Kull persuna umana hi msejħa biex matul ħajjitha, tiltaqa’ ma’ Ġesù.  Il-fidi Nisranija hi rigal li aħna nirċevu permezz tal-Magħmudija, li jippermettilna niltaqgħu ma’ Alla.  Il-fidi tgħaddi minn waqtiet ta’ ferħ u ta’ niket, ta’ dawl u dlam, bħal kull esperjenza awtentika ta’ mħabba.  Ir-rakkont tat-tieġ ta’ Kana hu stedina biex niskopru lil Ġesù mill-ġdid, (biex niskopru) li Ġesù ma jippreżentax ruħu lilna bħala mħallef lest biex jikkundanna ħtijietna, lanqas bħala kmandant li jġegħelna nobdu l-ordnijiet tiegħu b’għajnejna magħluqa: juri ruħu bħala Salvatur tal-umanità, bħala ħuna, bħala ħuna l-kbir, Iben il-Missier: jippreżenta ruħu bħala dak li jwieġeb għall-istennijiet tagħna u għall-wegħdiet tal-ferħ li jgħammru fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.

Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: jien veru nafu hekk lill-Mulej?  Inħossu qribi, qrib ħajti?  Qed inwieġbu fuq l-istess mewġa ta’ dik l-imħabba sponsali li Hu juri lil kulħadd, lil kull bniedem, kull jum?  Dan ifisser li rridu nagħrfu li Ġesù jfittixna u jistedinna biex nagħmlu wisa’ għaliH fil-fond ta’ qlubna.  U f’din il-mixja ta’ fidi miegħu aħna ma nitħallewx waħedna; irċevejna r-rigal tad-Demm tal-Mulej.  Il-ġarar kbar tal-ġebel li Ġesù jġiegħel li jimtlew bl-ilma biex jibdlu f’inbid (v. 7) huma sinjal tal-passaġġ mill-patt il-qadim għall-patt il-ġdid: minflok l-ilma għall-purifikazzjoni ritwali, irċevejna d-Demm tal-Mulej, imxerred b’mod sagramentali fl-Ewkaristija u b’mod krudili fil-Passjoni u fuq is-Salib.  Is-Sagramenti, li jitnisslu mill-Misteru tal-Għid, jiżirgħu fina l-qawwa sopranaturali u jippermettulna nduqu l-ħniena bla tarf ta’ Alla.

Il-Verġni Marija, mudell tal-meditazzjoni tal-kliem u tal-għemil tal-Mulej, tgħinna niskopru mill-ġdid u bil-fidi, is-sbuħija u l-għana tal-Ewkaristija u tas-Sagramenti l-oħra, li fihom hemm preżenti l-imħabba fidila ta’ Alla għalina.  B’hekk inkunu nistgħu ninnamraw dejjem aktar mal-Mulej Ġesù, l-Għarus tagħna, u mmorru niltaqgħu miegħu bl-imsiebaħ tal-fidi tagħna mixgħulin mill-fidi ferrieħa tagħna, biex b’hekk insiru xhieda tiegħu fid-dinja.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum jaħbat il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati, li fil-qafas tas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, hu ċelebrat ukoll bħala l-Ġublew tal-Migranti.  Għalhekk inħossni kuntent insellem minn qiegħ qalbi lill-komunitajiet etniċi li jinsabu hawn, lilkom ikoll li ġejtu minn diversi reġjuni tal-Italja, speċjalment mill-Lazio.  Għeżież migranti u rifuġjati, kull wieħed u waħda minnkom iġġorru magħkom storja, kultura u valuri prezzjużi; u spiss ukoll, sfortunatament, esperjenzi ta’ miżerja, ta’ oppressjoni, ta’ biża’.  Il-preżenza tagħkom f’dil-pjazza hi sinjal tat-tama f’Alla. Tħallux li jisirqulkom it-tama u l-ferħ tal-ħajja, li jinbtu mill-esperjenza tal-ħniena divina, anki bis-saħħa tal-persuni li jilqgħukom u jgħinukom.  Jalla d-dħul mill-Bieb tal-Ġublew u l-quddiesa li se tassistu għaliha minn hawn u ftit ieħor, jimlewlkom qlubkom bil-paċi.  Waqt din il-quddiesa jien nixtieq nirringrazzja – u intom irringrazzjaw miegħi – lill-priġunieri tal-ħabs ta’ Opera, tar-rigal tal-ostji li għamlu huma stess u li se jintużaw waqt din iċ-ċelebrazzjoni.  Insellmulhom minn hawn b’applaws, ilkoll flimkien.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra: partikolarment lill-Assoċjazzjoni kulturali Napredak, minn Sarajevo; l-istudenti Spanjoli minn Badajoz u Palma de Majorca; liż-żgħażagħ minn Osteria Grande (Bologna).

Issa nistedinkom biex ilkoll flimkien noffru talba lil Alla għall-vittmi tal-attentati li seħħew dawn l-aħħar ġranet fl-Indoneżja u fil-Burkina Faso.  Il-Mulej jilqagħhom fid-dar tiegħu u jsostni l-impenn tal-komunità internazzjonali biex tibni l-paċi.  Nitolbu lill-Madonna:  Sliem għalik, Marija .................

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber