Għeżież ħuti,

Il-Vanġelu tal-lum huwa l-parabbola tat-talenti, meħuda mill-kitba ta’ San Mattew (25, 14-30).  Is-silta titkellem dwar raġel li, qabel ma jitlaq għal vjaġġ, isejjaħ lill-qaddejja u jafdalhom ġidu permezz tat-talenti, muniti antiki li jiswew ħafna.  Dak is-sid jafda lill-ewwel qaddej b’ħames talenti, lit-tieni bi tnejn, lit-tielet b’wieħed.  Tul iż-żmien tan-nuqqas tas-sid, dawn it-tlett qaddejja kellhom ikattru dan il-ġid.  L-ewwel u t-tieni qaddej jirduppjaw kull wieħed il-kapital li kienu ngħataw; it-tielet, iżda, għax kien qed jibża li jitlef kollox, jidfen it-talent li rċieva f’ħofra.  Mal-miġja lura tas-sid, l-ewwel tnejn jirċievu t-tifħir u l-premju, waqt li t-tielet, li jagħtu lura biss dik il-munita li kien irċieva, jiġi mmaqdar u kkastigat.

It-tifsira ta’ dan hija ċara.  Ir-raġel tal-parabbola, is-sid, jirrappreżenta lil Ġesù, il-qaddejja huma aħna u t-talenti huma l-ġid li l-Mulej jafdalna.  Liema hu dan il-ġid?  Hija l-Kelma tiegħu, l-Ewkaristija, il-fidi fil-Missier tas-sema, il-maħfra tiegħu... insomma, ħafna affarijiet, l-aktar affarijiet li għandu li għandhom valur.  Dan hu l-ġid li Hu jafdalna.  Jafdahulna mhux biss biex nieħdu ħsiebu, imma anke biex inkattruh!  Waqt li fl-użu komuni l-kelma “talent” tfisser xi kwalità partikulari ta’ xi individwu – per eżemju talent fil-mużika, fl-isport, eċċetra –, fil-parabbola it-talenti jirrapreżentaw il-ġid tal-Mulej, li hu jagħtina biex inkattru.  Il-ħofra mħaffra fl-art mill-“qaddej ħażin u għażżien” (v. 26) hija l-biża mir-riskju li tiġġammja l-kreattività u l-fertilità ta-imħabba.  Għax il-biża tar-risku tal-imħabba tiġġammjana.  Ġesù ma jitlobniex nieħdu ħsieb il-grazzja tiegħu billi nagħlquha ġo kaxxarizz!  Ma jitlobniex dan Ġesù; dak li jitlobna hu li nużawha għall-ġid tal-oħrajn.  Il-ġid kollu li rċevejna qiegħed hemm biex nagħtuh lill-oħrajn, u hekk jikber.  Hu bħallikieku qed jgħidilna: “Hawn, ħa l-ħniena tiegħi, il-ħlewwa tiegħi, il-maħfra tiegħi: ħudhom u użhom bil-ġenerożità”.  U aħna x’għamilna bihom?  Min “ittieħed” mill-fidi tagħna?  Lil kemm nies tajna kuraġġ bit-tama tagħna?  Kemm imħabba qsamna mal-proxxmu tagħna?  Huma mistoqsijiet li jaqblilna li nagħmlu lilna nfusna.  Kull ambjent, anke l-aktar wieħed imbiegħed u li ma nimmaġinawx, jista’ jsir post fejn inkattru t-talenti.  M’hemmx sitwazzjonijiet u postijiet li fihom hija projbita l-preżenza u x-xhieda nisranija.  Ix-xhieda li Ġesù jitlobna m’hijiex xhieda magħluqa, imma miftuħa, u dan jiddependi minna.

Din il-parabbola timbuttana biex ma naħbux il-fidi tagħna u l-fatt li aħna ta’ Kristu, biex ma nidfnux il-Kelma tal-Vanġelu, imma biex inxerrduha f’ħajjitna, fir-relazzjonijiet tagħna, fis-sitwazzjonijiet konkreti, bħala qawwa li ġġib kriżi, li ġġedded.  Dan jgħodd ukoll għall-maħfra, li l-Mulej jagħtina b’mod speċjali fis-sagrament tal-Qrar: ejjew ma nħalluxhiex magħluqa fina nfusna, imma nħalluha toħroġ bil-qawwa, sabiex twaqqa’ l-ħitan li l-egoiżmu tagħna waqqaf, sabiex din il-maħfra twassalna biex inkunu aħna li nagħmlu l-ewwel pass biex insewwu l-ġlied, biex jerġa’ jibda d-djalogu fejn m’hemmx aktar komunikazzjoni... u nistgħu nibqgħu sejrin.  Nistinkaw sabiex dawn it-talenti, dawn ir-rigali li l-Mulej tana, jaslu għandna għall-oħrajn, jikbru, iħallu l-frott, bix-xhieda tagħna.

Naħseb li tkun ħaġa sabiħa li llum kull wieħed minnkom jaqbad il-Vanġelu meta jkun id-dar, il-Vanġelu ta’ San Mattew, kapitlu 25, versi 14 sa 30, u jaqrhom, u jaħseb ftit: “Kief qiegħed inkattar fl-oħrajn it-talenti, il-ġid, dak kollu li hu spiritwali u tajjeb li Alla tani flimkien mal-Kelma tiegħu? Jew qiegħed inżomm dan kollu f’’kaxxarizz?”

Barra minn hekk irridu niftakru li l-Mulej ma jagħtix lil kulħadd l-istess affarijiet u bl-istess mod: lilna jafna personalment u jafdalna dak li hu jgħodd għalina; imma f’kulħadd, f’kulħadd hemm xi ħaġa l-istess: l-istess fiduċja kbira li għandu Alla fina.  Alla jafdana, Alla għandu t-tama fina!  U dan jgħodd għal kulħadd.  Ejjew ma noħorġuhx deluż!  Ejjew ma nħallux il-biża’ tidħak bina, imma nwieġbu għal din il-fiduċja bil-fiduċja!   Il-Verġni Marija tixhed din l-imġieba bl-isbaħ mod u bl-aktar mod sħiħ.  Hi rċeviet l-aktar rigal sabiħ, lil Ġesù stess, u min-naħa tagħha offrietu lill-bnedmin b’qalb miftuħa.  Nitolbu lilha tgħinna nkunu “qaddejja tajbin u fidili”, biex ikollna sehem “fil-ferħ tal-Mulej tagħna”.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

F’dawn il-ġranet f’Ruma kien hawn nuqqas ta’ qbil qawwi bejn ir-residenti u l-immigrati.  Dawn affarijiet li jiġru f’diversi bliet oħra Ewropej, speċjalment fiż-żoni periferiċi li għandhom problemi oħrajn.  Nistieden lill-Istituzzjonijiet ta’ kull livell biex jieħdu ħsieb din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza soċjali li issa saret prijorità, u li jekk ma tingħatax l-attenzjoni li ħaqqha issa, se tkompli sejra għall-agħar.  Il-komunità nisranija għandha timpenja ruħha biex ma jkunx hemm ġlied, imma djalogu.  Iċ-ċittadini u l-immigranti, flimkien mar-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet, jistgħu jiltaqgħu anke fis-swali parrokkjali biex jitkellmu fuq din is-sitwazzjoni.  L-importanti hu li ma nċedux għat-tentazzjoni tal-ġlied, u li nevitaw kull vjolenza.  Huwa possibbli d-djalogu, li jisimgħu lil xulxin, li jagħmlu l-proġetti flimkien, u hekk jiġi megħlub is-suspett tal-preġudizzju u tinbena konvivenza li hija dejjem aktar serena, paċifika u li tinkludi lil kulħadd.

Illum jaħbat il-Jum dinji tal-vittmi tat-toroq.  Niftakru fit-talb tagħna f’dawk kollha li tilfu ħajjithom, u nitolbu biex jikber l-impenn biex jiġu evitati l-inċidenti fit-toroq, kif ukol għall-imġieba prudenti u bir-rispett lejn il-liġijiet min-naħa tas-sewwieqa.

Insellmilkom ilkoll, familji, parroċċi, għaqdiet u nsara, li ġejtu mill-Italja u minn tant postijiet fid-dinja. Insellem b’mod partikulari lill-pellegrini li ġew minn Murcia (Spanja), Cagliari, Teramo, Gubbio u Lissone; il-Kor Amadeus ta’ Villafranca, l-għaqda “Accompagnatori Santuari Mariani nel Mondo” u ż-żgħażagħ tal-Griżma ta’ Monte San Savino u ta’ Torano Nuovo.  Insellem lill-ħaddiema tal-Isptar Fatebenefratelli ta’ Ruma u l-grupp tal-mużiċisti tal-Teatro dell’Opera ta’ Ruma.

U tinsewx biex illum, meta tkunu d-dar, taqbdu l-Vanġelu ta’San Mattew, kapitlu 25, versi 14 sa 30 u taqrawh, u taħsbu fuq il-mistoqsijiet li jiġu f’moħħkom.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Nitlobkom ma tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u nsellmilkom.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.