Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll li minn pajjiżi differenti ġejtu hawn biex tagħtu ġieħ lill-qaddisin il-ġodda.  Ħsieb rispettuż imur b’mod partikolari lejn id-Delegazzjonijiet Uffiċjali mill-Arġentina, Spanja, Franza, l-Italja, il-Messiku.  Jalla l-eżempju u l-interċessjoni ta’ dawn ix-xhieda mdawwla jkun ta’ sostenn għal kulħadd fl-ambitu tal-ħidma u ta’ servizz li jagħti, għall-ġid tal-Knisja u tal-komunità ċivili.

Għada hu l-Jum Dinji Kontra l-Faqar.  Ejjew ngħaqqdu l-isforzi tagħna morali u ekonomiċi biex flimkien niġġieldu l-faqar li jiddegrada, joffendi u joqtol tant ħutna, billi nqiegħdu fis-seħħ politika serja dwar il-familji u x-xogħol.

Lill-Verġni Marija nafdawlha l-intenzjonijiet kollha tagħna, speċjalment it-talba insistenti tagħna, li ħierġa minn qiegħ qalbna, għall-paċi.

 

Miġjub għall-malti mit-Taljan minn Joe Huber