Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dawn il-Ħdud il-Liturġija qed tagħtina siltiet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, id-diskors ta’ Ġesù dwar I-Ħobż tal-Ħajja, li hu huwa nnifsu, u li hu wkoll is-sagrament tal-Ewkaristija.  Is-silta tal-lum (Ġwanni  6,51-58) ittina l-aħħar parti minn dan id-diskors u tgħidilna li xi wħud minn dawk li kienu qed jisimugħ jiskandaliżżaw ruħhom għax Ġesù qal: «Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu fih il-ħajja ta’ dejjem u jien inqajmu fl-aħħar jum» (Ġwanni 6,54).  Nistgħu nifhmu l-istagħġib ta’ min kien qed jisma’; infatti Ġesù juża l-istil tipiku tal-profeti biex jipprovoka fin-nies – u anki fina -  mistoqsijiet u, fl-aħħar, jipprovoka minna deċiżjoni.  Qabel xejn il-mistoqsijiet: xi jfisser “ tiekol il-ġisem u tixrob id-demm” ta’ Ġesù?  Hija biss xbieha, espressjoni komuni, simbolu, jew turina xi ħaġa reali?  Biex inwieġbu jeħtiġilna nippruvaw nifhmu x’għadda minn qalb Ġesù waqt il-qsim tal-ħobż biex itih lill-folla li kellha l-ġuħ.  Minħabba li kien jaf li kellu jmut fuq is-salib għalina, Ġesù jidentifika ruħu ma’ dak il-ħobż miksur u mqassam, u dan għalih isir “is-sinjal” tas-Sagrifiċċju li qed jistennih.  Dan il-proċess jilħaq il-quċċata tiegħu fl-Aħħar Ikla, fejn il-ħobż u l-inbid  isiru realment Ġismu u Demmu.  Hija l-Ewkaritija li Ġesù jħallilna b’għan preċiż ”biex aħna  nsiru ħaġa waħda miegħU”.  Fil-fatt jgħid: «Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jien fih» (v. 56).  Dik il-kelma “jibqa’”: Ġesù fina u aħna fiH.  It-Tqarbina hija assimilazzjoni: meta nieklu lilU, insiru bħalU.  Imma dan jitlob  “l-iva” tagħna, li aħna nitwaħħdu miegħu bil-fidi.

Kultant nisimgħu din l-oġġezzjoni dwar il-quddiesa: “X’tiswa l-quddiesa”?  Jiena mmur il-knisja meta nħoss li għandu mmur, jew, jiena nitlob aħjar meta mkun waħdi”.  Imma l-Ewkaristija mhix talba privata jew xi esprejenza spiritwali sabiħa, mhix sempliċi tifkira ta’ dak li għamel Ġesù fl-Aħħar Ikla.  Biex nifhmu aħjar aħna ngħidu li l-Ewkaristija hija “memorjal;”, jiġifieri ġest li jagħmel attwali u jqiegħed fil-preżenza tagħna l-avveniment tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù: il-ħobż hu realmet Ġismu mogħti għalina, l-inbid hu realment Demmu mxerred għalina.

L-Ewkaristina hija Ġesù nnifsu li jingħata lilna kompletament.  Li nieklu lilU jfisser li ngħixu fiH permezz tat-Tqarbina Ewkaristika.  Jekk dan nagħmlu dan bil-fidi, jibdlilna ħajjitna, jittrasformaha f’rigal lil Alla, u lill-aħwa.  Meta nieklu “l-Ħobż tal-Ħajja” jfisser li nkunu dħalna f’armonija sħiħa mal-qalb ta’ Kristu, nassimilaw l-għażliet tiegħu, ħsibijietu, l-imġieba tiegħu.  Ifisser li nidħlo f’dinamiżmu ta’ mħabba u nsiru bnedmin ta’ paċi, bnedmin ta’ maħfra, ta’ rikonċiljazzjoni, tal-qsim solidali.  L-istess affarijiet li għamel Ġesù.

Ġesù jtemm id-diskors tiegħu b’dan il-kliem: «Min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem» (Ġwanni 6,58).  Iva, jekk ngħixu komunjoni reali ma’ Ġesù f’din l-art, ngħaddu mill-mewt għall-ħajja.  Il-Ġenna tibda’ propju minn din il-komunjoni ma’ Ġesù.

U fis-Sema hemm tistennina Marija Ommna – ilbieraħ iċċelbrajna dan il-misteru.  Hi taqlagħlna l-grazzja li aħna nitrejqu dejjem bil-fidi, b’Ġesù, il-Ħobż tal-ħajja.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellmilkom minn qiegħ qalbi lilkom Rumani u lilkom pellegrini, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet, żgħażagħ.

Insellem lill-grupp folkloristiku “Organización de arte y cultura mexicana”, liż-żgżażagħ minn Verona li qed jgħixu esperjenza f’Ruma u lill-fidili minn Beverare.

Tislima speċjali lill-għadd kbir ta’ żgħażagħ tal-Moviment taż-Żgħażagħ Sależjani li ltaqgħu f’Turin, fl-imkejjen ta’ San Ġwann Bosco, biex jiċċelebraw it-tieni ċentinarju ta’ twelidu: inħeġġiġhom biex fil-ħajja ta’ kuljum jgħejxu l-ferħ tal-Evanġelju, ħalli jkunu jistgħu jiġġeneraw it-tama fid-dinja.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija!  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber