Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Meta kien jitkellem, Ġesù kien juża lingwaġġ sempliċi u kien juża wkoll ħafna tixbihat, li kienu eżempji meħudin mill-ħajja ta’ kuljum, biex ikun jista’ jinftiehem bla tfixkil minn kulħadd.  Għalhekk in-nies kienu jisimugħ bl-attenzjoni u kienu japprezzaw il-messaġġ tiegħu li kien jidħol dritt fi qlubhom; ma kienx dak il-lingwaġġ kumplikat biex jinftiehem, dak li kienu jużaw id-dutturi tal-Liġi ta’ żmienu, lingwaġġ li ma kienx jinftiehem sewwa imma kien mimli ebusija u kien ibiegħed lin-nies.  U b’dan il-lingwaġġ Ġesù kien ifiehem il-misteru tas-Saltna t’Alla: ma kinitx teoloġija kumplikata.  Eżempju ta’ dan hu dak lil jtina l-Evanġelju tal-lum: il-parabbola tar-raġel li ħareġ jiżra’.

Dak li jiżra’ hu Ġesù.  Ninnutaw li b’din it-tixbiha, Hu mhux qed jippreżenta ruħu bħala xi ħadd li jrid jimponi ruħu, imma jrid jipproponi lilu nnifsu; Hu ma jiġbidniex lejh billi jaħkimna, imma billi jingħata: jitfa’ ż-żerriegħa.  Hu jxerred Kelmtu bil-paċenzja u l-ġenerożità, Kelmtu mhix gaġġa jew nassa, imma żerriegħa li tista’ tagħti l-frott.  U kif tista’ tagħti l-frott?  Jekk aħna nilqugħha.

Għalhekk il-parabbola tolqot lilna direttament: infatti titkellem dwar l-art aktar milli dwar ir-raġel li jiżra’.  Biex ngħidu hekk, Ġesù qed jagħmel “radjografija spiritwali” ta’ qlubna, li huma l-art fejn taqa’ ż-żerriegħa tal-Kelma.  Qalbna, bħall-art, tista’ tkun tajba u allura l-Kelma tagħti l-frott – u abbundanti – imma tista’ tkun ukoll iebsa, li ma tħalli xejn jgħaddi minnha.  Dan iseħħ meta nisimgħu l-Kelma, imma din taqbeż minn fuqna, qiesha minn fuq it-triq: ma tidħolx fina.

Bejn l-art tajba u t-triq, l-asfalt – jekk aħna nitfgħu ż-żerriegħa fuq il-madum ma jinbet xejn – hemm però żewġ saffi li jista’ jkollna fina f’livelli differenti.  L-ewwel, jgħid Ġesù, hu dak tal-blat.  Nippruvaw nimmaġinaw: art ta’ blat hi art fejn ftit li xejn hemm ħamrija (v. 5), għalhekk iż-żerriegħa tinbet, imma ma tagħmilx għeruq fodni.  Hekk tkun il-qalb superfiċjali, li tilqa’ lill-Mulej, tipprova titlob, tħobb tagħti xhieda, imma ma tipperseverax, tgħeja u qatt ma ttir ‘il fuq.  Hija qalb  dgħajfa fejn iż-żrar tal-għażż jegħlbu l-art it-tajba, fejn l-imħabba mhix kostanti u malajr tgħaddi.  Imma min jilqa’ lill-Mulej meta jiftillu biss, ma jagħmilx frott.

Hemm imbagħad l-aħħar saff, dak tax-xewk, mimli arbuxelli tax-xewk li jifgaw ‘il-pjanti t-tajbin.  X’jirrappreżentaw dawn l-arbuxelli? «Il-preokkupazzjoni tad-dinja u s-seħer tal-għana» (v.22), hekk jgħid Ġesù bla tidwir mal-lewża.  L-arbuxelli huma l-vizzjijiet li “jiġġieldu ma’ Alla bil-ponnijiet”, li joħonqu l-preżenza tiegħu: qabel kollox l-idoli tar-rikkezza mondana, għejxien bix-xeħħa, għalik innifsek, biex iżżid aktar u jkollok aktar setgħa.  Jekk nikkultivaw dawn l-arbuxelli, inkunu qed nifgaw il-proċess li Alla jikber fina.  Kull wieħed u waħda minna nistgħu nagħrfu l-arbuxelli kbar jew żgħar li hemm fina, il-vizzjijiet li jgħammru fi qlubna, dawk is-sġajjar li ftit jew wisq rabbew l-għeruq ġo fina imma li ma jogħġbux lil Alla u ma jħallux lil qalbna tkun nadifa.  Jeħtieġ li nqaċċtuhom ‘il barra, inkella l-Kelma ma tagħmilx frott, iż-żerriegħa ma tnibbitx.

Għeżież ħuti, illum Ġesù jistedinna nħarsu fina nfusna: irroddu ħajr għall-art li għandna aħna u naħdmu fuq l-artijiet li għandhom mhumiex tajbin.  Insaqsu lilna nfusna jekk qalbna hix miftuħa biex tilqa’ bil-fidi ż-żerriegħa tal-Kelma t’Alla.  Insaqsu lilna nfusna jekk iż-żrar tal-għażż tagħna huwiex kbir fil-għadd jew fid-daqs: ejjew  nagħrfu l-arbuxelli tal-vizzjijiet tagħna u nsejħulhom b’isimhom.  Infittxu fina l-kuraġġ biex nagħtu kinsa tajba lill-art tagħna, kinsa tajba lill-qalb tagħna, billi fil-Qrar nagħtu lill-Mulej iż-żrar tagħna u l-arbuxelli tagħna.  Meta nagħmlu hekk, Ġesù, li hu dak li jaf kif jiżra’, ikun hieni li jżid il-biċċċa xogħol tiegħu: isaffi qlubna, ineħħi ż-żrar u x-xewk li joħonqu l-Kelma.

L-Omm t’Alla, li llum qed infakkruha taħt it-titlu tal-Beata Verġni tal-Karmnu, li laqgħet il-Kelma ta’ Alla u qegħeditha fis-seħħ b’mod li ħadd ma jista’ jgħaddiha (cfr Luqa 8,21), tgħinna nsaffu qalbna biex fiha nagħtu kenn lill-preżenza tal-Mulej.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi nħawi tad-dinja: lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-asoċjazzjonijiet.

Insellem b’mod partikolari lis-Sorijiet Hijas de la Virgen de los Dolores, (Ulied il-Verġni tad-Duluri) fl-okkażjoni tal-50 sena minn mindu l-Istitut tagħhom ingħata l-approvazzjoni pontifiċja; lis-Sorijiet Franġiskani ta’ San Ġużepp, fil-150 anniversarju tat-twaqqif tagħhom; lid-diriġenti u lir-residenti tad-­Domus Croata (id-Dar Korata) ta’ Ruma fit-30 anniversarju tat-twaqqif tagħha.

Irrid insellem b’mod speċjali lis-sorijiet u lill-aħwa Karmelitani fil-jum tal-festa tagħhom.  Nawguralhom li jkomplu fit-triq tal-kontemplazzjoni b’impenn.

Tislima speċjali lill-komunità Kattolika tal-Venezwela filwaqt li nġedded it-talb tiegħi għall-maħbub pajjiżkom.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jgħoġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber