PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru - 16 ta’ Ġunju 2013

 

Għeżież ħuti!

Fi tmiem din l-Ewkaristija f’ġieħ il-Vanġelu tal-Ħajja, bi pjaċir infakkar li lbieraħ, f’Capri, ġie pproklamat Beatu Odoardo Focherini, raġel miżżewweġ u missier ta’ seba’ ulied, li kien jaħdem bħala ġurnalista.  Maqbud u arrestat milll-għedewwa tal-fidi kattolika tiegħu, huwa miet fil-kamp ta’ konċentrament li jinsab f’Hersbruck fl-1944, meta kellu 37 sena.  Salva ħafna Lhud mill-persekuzzjoni nażista.  Flimkien mal-Knisja li hi f’Capri ejjew irroddu ħajr lil Alla għal dan ix-xhud tal-Vanġelu tal-Ħajja.

Nirringrazzja mill-qalb lilkom ikoll li nġarbtu hawn dalgħodu mill-belt ta’ Ruma u minn ħafna bnadi oħra tal-Italja u tad-dinja, b’mod speċjali l-familji u dawk kollha li jaħdmu b’mod aktar dirett għall-avvanz tal-protezzjoni tal-ħajja.

Insellem kordjament lill-150 membru tal-Assoċċazjoni “Grávda” fl-Arġentina, miġburin fil-belt ta’ Pilar.  Grazzi mill-qalb għal dak kollu li tagħmlu! Kuraġġ, ibqgħu mexjin ‘il quddiem!

Fl-aħħarnett insellem ukoll lil dawk kollha li qed jieħdu sehem fil-laqgħa motoċiklistika tal-Harley-Davidson u anke dawk tal-Motoclub Polizia di Stato.

Induru issa lejn il-Madonna, u nafdaw fil-protezzjoni materna tagħha kull ħajja umana, b’mod speċjali l-aktar fraġli, l-aktar li ma tistax tgħin lil nfisha u l-aktar mhedda.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan

minn Fr Jonathan Farrugia