IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 15 ta' Diċembru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F'dat-tielet Ħadd tal-Avvent, imsejjaħ ukoll "il-Ħadd tal-Ferħ" (Laetare), il-Kelma t'Alla min-naħa tistedinna għall-ferħ u mill-oħra biex inkunu konxji li fl-eżistenza jkollna wkoll waqtiet ta' dubju, li fihom insibuha bi tqila nemmnu.  Il-ferħ u d-dubju huma t-tnejn esperjenzi li jsawwrulna ħajitna.

L-istedina għall-ferħ tal-Profeta Iżaija: "Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad" (35.1), hi kuntrast mal-Evanġelju fejn naraw id-dubju ta' Ġwanni l-Battista: "Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" (Mt 11,3).  Fil-fatt, il-Profeta qed iħares lil hinn mis-sitwazzjoni: quddiemu għandu nies qalbhom maqtugħa: idejn mitruħa; irkubbtejn imriegħda, qlub imbeżża' (cfr 35, 3-4).  Hija l-istess realtà li tqiegħed il-fidi fi prova f'kull żmien.  Imma l-bniedem t'Alla jħares aktar 'l hinn għax l-Ispirtu s-Santu jnissillu f'qalbu l-qawwa tal-wegħda tiegħu, u huwa jħabbar is-salvazzjoni: "Agħmlu l-ħila, la tibżgħux! Hawn hu Alla tagħkom (....) Hu stess ġej biex isalvakom”. (v. 4).  Għalhekk kollox jinbidel: id-deżert iwarrad, il-faraġ u l-ferħ jimlew qlub  min hu mitluf, iz-zopp, l-għama, il-mutu jfiequ (cfr vv 5-6).  Dan hu li jiġri permezz ta' Ġesù: "l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra" (Mt 11,5).

Din id-deskrizzjoni turina li s-salvazzjoni tolqot lill-bniedem sħiħ u ġġeddu.  Imma dan it-twelid ġdid, bil-ferħ li jġib miegħu, dejjem jimplika li mmutu għalina nfusna u għad-dnub li jinsab fina.  Min hawn tiġi s-sejħa għall-konverżjoni li hi l-pedament tal-predikazzjoni kemm ta' Battista kif ukoll ta' Ġesù; dan ifisser b'mod partikolari, konverżjoni biex nibdlu l-idea li għanda ta' Alla.  Żmien l-Avvent jixprunana għal dan bil-mistoqsija li Ġwanni l-Battista jagħmel lil Ġesù: "Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" (Mt 11,3).  Naħsbu ftit: Ġwanni baqa' jistenna l-Messija matul ħajtu kollha: l-istil ta' ħajtu u l-istess ġismu kienu magħġunin f'din l-istennija.  Ġesù jfaħħru għal dan ukoll bil-kliem: fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista (Mt 11,11).  Madankollu huwa wkoll kellu jikkonverti lejn Ġesù.  Bħal Ġwanni, aħna wkoll imsejħin biex nagħrfu l-wiċċ li Alla ħa permezz ta' Ġesù Kristu, umli u ħanin.

l-Avvent hu żmien ta' grazzja.  Jgħidilna li mhux biżżejjed nemmnu f'Alla: kuljum jeħtiġilna nsaffu l-fidi tagħna.  ifisser li nħejju ruħna biex nilqgħu mhux xi persunaġġ ta' ħrafa, imma 'l Alla li jinterpellana, li jgħaqqadna miegħu u li quddiemu rridu nagħmlu għażla.  Il-Bambin mimdud fil-presepju għandu l-wiċċ ta' ħutna l-aktar fil-bżonn, tal-foqra "li huma l-privileġġjati ta' dal-misteru u, li spiss, huma wkoll dawk li l-aktar jirnexxilhom jagħrfu l-preżenza t'Alla fostna" (Ittra App. Admirabile Signum, 6)

Il-Verġni Marija tgħinna sabiex aħna u resqin lejn il-Milied, ma nħallux l-affarijiet superfiċjali jaljenawna, imma nagħmlu wisa' f'qalbna għal dak li diġà ġie u li jrid jiġi mill-ġdid biex ifejjaq il-mard tagħna u jtina l-ferħ tiegħu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem lilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali u assoċjazzjonijiet li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn tant inaħwi tad-dinja.  Insellem partikolarment lill-pellegrini mill-Korea, minn Valencia u lill-grupp minn Rotzo (Viterbo).

Insellem lilkom tfal, li ġejtu bl-istatwi tal-Bambin Ġesù tal-presepju tagħkom.  Għolluhom 'il fuq!  Inberikom minn qalbi.  "Il-presepju huwa Evanġelju ħaj.  Filwaqt li nikkontemplaw ix-xena tal-Milied aħna mistednin biex nimxu spiritwalment miġbudin mill-umiltà ta' Ġesù, Alla, dak li sar bniedem biex jiltaqa' ma' kull wieħed u waħda minna.  U aħna nintebħu li Hu jħobbna tant li jingħaqad magħna sabiex aħna wkoll inkunu nistgħu ningħaqdu miegħu (Ittra App. Admirabile Signum, 1).

Anqas minn sena oħra, bejn it-13 u l-20 ta' Settembru, 2020 f'Budapest se jkun iċċelebrat it-52 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali.   Il-Kungressi Ewkaristiċi, għal aktar minn seklu, ilhom ifakkruna li fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja hemm l-Ewkaristija.  It-tema tal-Kungress li jmiss se tkun "Fik jinsabu dawk kollha li jgħammru fik" (Salm 87,7).  Nitolbu sabiex "dan l-avveniment Ewkaristiku ta' Budapest iqanqal proċessi ta' tiġdid fil-komunitajiet insara"  (Diskors lill-Kumitat Pontifiċju tal-Kungressi Ewkaristiċi Internazzjonali, 10 ta' Novembru, 2018).

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u n-Novena tal-Milied it-tajba.  Intom, tfal, ħudu l-bambini fil-presepju u, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber