Papa Franġisku

Angelus

Il-Ħadd, 15 ta’ Diċembru 2013

 

Grazzi!

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Illum it-tielet Ħadd tal-Avvent, imsejjaħ ukoll il-Ħadd tal-Gaudete, jiġifieri Ħadd il-ferħ.  Fil-liturġija spissi tinstema’ l-istedina għall-ferħ, biex nithennew, għala?  Għax il-Mulej hu fil-qrib.  Il-Milied hu fil-qrib.  Il-messaġġ nisrani jissejjaħ “evanġelju”, jiġifieri “bxara tajba”, sejħa għall-ferħ għall-poplu kollu; il-Knisja mhix kenn għall-imdejqin, il-Knisja hija d-dar tal-ferħ!  U dawk li huma mdejqin isibu fiha l-ferħ, isibu fiha l-ferħ veru!

Imma din tal-vanġelu mhux xi ferħ komuni.  Insibu t-tifsira ta’ dan il-ferħ meta nifhmu li aħna milqugħin u maħbibin minn Alla.  Kif ifakkarna llum il-profeta Iżaija (cfr 35,1-6a.8a.10), Alla hu dak li ġej isalvana, u jagħti l-għajnuna tiegħu b’mod speċjali lil dawk li jħossuhom tilfu t-triq f’qalbhom.  Il-miġja tiegħu fostna ssaħħaħ, tagħmel qawwija, tagħti l-kuraġġ, timraħ bil-ferħ u twarrad id-deżert u x-xagħri, jiġifieri l-ħajja tagħna meta din issir bħal art niexfa.  U meta ssir qisha art niexfa l-ħajja tagħna?  Meta tkun mingħajr l-ilma tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ispirtu tal-imħabba tiegħu.  Huma kemm huma kbar il-limitazzjonijiet tagħna u l-iżbaji tagħna, ma nistgħux inkunu fjakki u bla sinsla quddiem id-diffikultajiet u quddiem id-dgħufijiet tagħna.  Għall-kuntrarju, f’dawn iċ-ċirkustanzi aħna mistednin insaħħu jdejna, inqawwu rkuptejna nagħmlu kuraġġ u ma nibżgħux, għax Alla tagħna jurina dejjem il-kobor tal-ħniena tiegħu. Hu jtina l-qawwa biex nibqgħu mixjin ‘il quddiem.  Hu dejjem magħna biex jgħinna nibqgħu sejrin ‘il quddiem.  Hu Alla li tant iħobbna, iħobbna u għalhekk jinsab magħna, biex jgħinna, biex iqawwija u biex miegħu nimxu ‘il quddiem. Agħmlu kuraġġ! Dejjem ‘il quddiem! Grazzi għall-għajnuna tiegħu aħna nistgħu dejjem nerġgħu nibdew mill-ġdid. Kif? Nibdew mill-ġdid? Xi ħadd jista’ jgħidli: “Le, missier, jien għaxxaqtha ħafna drabi... Jien midneb kbir, midinba kbira... Jien ma nistax nerġa’ nibda’ mill-ġdid!” Għandek żball! Int tista’ terġa’ mill-ġdid! Għala? Għax Hu qed jistenniek, Hu qiegħed qrib tiegħek, Hu jħobbok, Hu kollu ħanin, Hu jaħfirlek, Hu jtik il-qawwa biex tibda’ mill-ġdid! Lil kulħadd! Għalhekk nistgħu nerġgħu niftħu għajnejna, negħlbu d-dwejjaq u l-biki u ngħannu għanja ġdida.  U dan il-ferħ jibqa’ fina anke fil-ħin tal-prova, anke fit-tbatija, għax mhux ferħ li jidher biss fil-wiċċ, imma jinżel fil-fond tal-persuna li tafda lilha nfisha f’idejn Alla u tafdah.

Il-ferħ nisrani, bħat-tama, isib il-pedament tiegħu fil-fedeltà ta’ Alla, fiċ-ċertezza li hu dejjem iżomm kelmtu u l-wegħdiet tiegħu.  Il-profeta Iżaija jsejjaħ lil dawk kollha li tilfu t-triq u jinsabu fid-dwejjaq biex jafdaw fil-fedeltà tal-Mulej, għax is-salvazzjoni tiegħu ma ddumx ddawwal il-ħajja tagħhom.  Dawk kollha li ltaqgħu ma’ Ġesù tul il-mixja tal-ħajja, jagħrfu f’qalbhom hena u ferħ li ħadd u xejn ma jista’ jċaħħadhom minnha.  Il-ferħ tagħna hu Ġesù Kristu, l-imħabba tiegħu iżżomm sħiħ u ma tispiċċa qatt. Dan ifisser, allura, li meta nisrani jsir imdejjaq, dan għax ikun tbigħed minn Ġesù.  Għalhekk ma nistgħux inħalluh waħdu lil dan! Irridu nitolbu għalih, u ngħinuh iħoss l-imħabba tal-komunità.

Ejjew inħallu lill-Verġni Marija tgħinna nħaffu l-pass lejn Betlem, biex niltaqgħu mat-Tifel li twieled għalina, għas-salvazzjonu u għall-ferħ ta’ kulħadd.  Lilha l-Anġlu qalilha: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja: il-Mulej miegħek” (Lc 1,28). Ħa jkun bl-għajnuna tagħha li ngħixu l-ferħ tal-Vanġelu fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-parroċċi u f’kull post ieħor.  Ferħ intimu, magħmul mis-seħer u mill-ħlewwa. Dak il-ferħ li tħoss omm meta tħares lejn it-tarbija tagħha li għadha kemm twieldet, u tħoss li hi rigal mingħand Alla, miraklu li tiegħu tista’ biss trodd ħajr!

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti, jiddispjaċi li tinsabu fix-xita! Imma jien qiegħed magħkom, minn hawn... agħmlu kuraġġ! Grazzi!

Illum l-ewwel tislima erfajtha għat-tfal ta’ Ruma, li ġew għat-tberik tradizzjonali tal-Bambini, organizzata miċ-Centro Oratori Romani.  Għeżież tfal, meta titolbu quddiem il-presepju tagħkom, ftakru fija wkoll, kif jien niftakar fikom. Nirringrazzjakom, u l-Milied it-tajjeb!

Insellem il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet u l-pellegrini li ġew waħedhom minn Ruma, mill-Italja u minn ħafna partijiet tad-dinja, b’mod speċjali minn Spanja u mill-Istati Uniti tal-Amerka.  Minn qalbi nsellem liż-żgħażagħ miż-Żambja, u nixtieqilhom li jsirum “ġebel ħaj” biex jibnu soċjetà aktar umana. Niftaħ din ix-xewqa liż-żgħażagħ kollha li hawn preżenti, speċjalment dawk ta’ Piscopio u Gallipoli, u għall-istudenti universitarji ta’ Lucca mseħbin fl-Azzjoni Kattolika.

Insellem il-Korijiet ta’ Vicenza, L’Aquila u Mercato San Severino; l-insara ta’ Silvi Marina u San Lorenzell; kif ukoll lil-imseħbin tal-CRAL Telecom flimkien mal-familji tagħhom.

Nixtieqilkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba. Insellmilkom sa ma nerġgħu niltaqgħu.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.