Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd, il-Ħadd ta’ qabel tal-aħħar tas-sena liturġika, itina parti mid-diskors ta’ Ġesù dwar l-aħħar ġrajjiet tal-istorja tal-bniedem, li hi orjentata lejn il-milja tas-Saltna t’Alla (cfr Mark 13,24-32).  Hu diskors li Ġesù għamel f’Ġerusalemm qabel l-aħħar Għid tiegħu.  Fih elementi apokalittiċi, bħal gwerrer, ġuħ, katastrofi kożmiku: «Ix-xemx tiddallam, il-qamar ma jarmix aktar dawl, il-kwiekeb jaqgħu mis-sema u l-qawwiet li jinsabu fis-sema jitħarbtu» (vv 24-25).  Madankollu dawn mhumiex l-aktar elementi essenzjali ta’ dan il-messaġġ.  Il-fus li fuqu jdur id-diskors ta’ Ġesù hu Huwa nnifsu, il-misteru tal-persuna tiegħu u tal-mewt u l-qawmien tiegħu, u l-miġja tiegħu fl-aħħar taż-żminijiet.

L-għan aħħari tagħna hu l-laqgħa mal-Mulej irxoxtat.  U jien irrid nistaqsikom: kemm minnkom jaħsbu dwar dan?  Għad jasal jum li fih jien niltaqa’ mal-Mulej wiċċ imb’wiċċ.  Dan hu l-għan tagħna: din il-laqgħa.  Aħna m’aħniex nistennew xi żmien jew xi post, imma sejrin niltaqgħu ma’ persuna: Ġesù.  Għaldaqstant il-problema mhix “meta” se jseħħu dawn is-sinjali ta’ tħabbir, imma li aħna nkunu lesti għal-laqgħa.  U lanqas mhemm għalfejn inkunu nafu “kif” se jseħħu, imma “kif” għandna nġibu ruħna llum, aħna u nistennew din il-laqgħa.  Aħna msejħin ngħixu l-preżent billi nibnu l-futur tagħna bis-serenità u l-fiduċja f’Alla.  Il-parabbola tat-tina li tarmi, bħala sinjal li s-sajf hu qrib (cfr vv 28-29), tgħidilna li dak li għad jiġri fil-futur m’għandux jaqtgħana mill-ħajja t’issa, imma jgħinna nħarsu lejn jiemna bil-lenti tat-tama.  Hija l-virtù li hi tant diffiċli li ngħejxuha: it-tama, l-iżgħar fost il-virtuwjiet, imma l-aktar waħda qawwija.  U t-tama tagħna għandha wiċċ: il-wiċċ tal-Mulej irxuxtat li jiġi «b’qawwa kbira u fil-glorja» (v. 26), li jifisser li juri l-imħabba tiegħu misluba u trasfigurata fir-reżurrezzjoni.  It-trijonf ta’ Ġesù fl-aħħar taż-żminijiet għad ikun it-trijonf tas-Salib, il-prova li s-sagrifiċċju tiegħi personali għall-imħabba tal-proxxmu, b’imitazzjoni ta’ Kristu, hija l-unika qawwa rebbieħa u l-uniku punt ċert qalb it-taqlib u t-traġedji tad-dinja.

Il-Mulej Ġesù mhux biss hu l-għan tal-pellegrinaġġ tagħna fid-dinja, imma hu preżenza kostanti fil-ħajja tagħna: Hu dejjem qrib tagħna, jakkumpanjana dejjem; għalhek, meta jitkellem dwar il-futur, u jurina x’se jkun, jagħmlu biex iġibna lura lejn il-preżent.  Hu jeħodha kontra l-profeti foloz, kontra s-saħħara li jgħidu li tmiem id-dinja jinsab fil-qrib, u jeħodha kontra l-fataliżmu.  Hu qribna, jimxi magħna, iħobbna.  Irid ineħħi l-kurżità dwar id-dati, il-previżjonijiet, l-oroskopi (minn moħħ) id-dixxipli tiegħu ta’ kull żmien u jrid jiffoka l-attenzjoni tagħna fuq l-istorja llum.  Għandi aptit nistaqsikom – imma tweġbux, kulħadd iwieġeb f’qalbu -:  kemm minnkom jaqraw l-oroskopu tal-ġurnata?  Kulħadd iwieġeb.  U meta tiġik il-ħajra li taqra l-oroskopu, ħares lejn Ġesù li qiegħed miegħek.  Ikun aħjar, titfarraġ aktar.  Din il-preżenza ta’ Ġesù tfakkarna li għandna nistennew u nishru.  Dan iwarrab minna kemm in-nuqqas ta’ paċenzja kif wkoll in-ngħas, kemm il-ħarbiet ‘il quddiem kif ukoll li nibqgħu priġunieri taż-żmien attwali u tal-mondanità.

Fi żmienna wkoll it-traġedji naturali u morali mhumiex neqsin, u lanqas il-kuntrarju u parodiji ta’ kull xorta.  Kollox jgħaddi – ifakkarna l-Mulej -; Hu biss jibqa’, il-Kelma tiegħu tibqa’ bħala dawl li jmexxina u jħeġġeġ il-passi tagħna filwaqt li jaħfrilna dejjem għax jimxi ħdejna.  Kull ma għandna bżonn nagħmlu hu biss li nħarsu lejH u Hu jibdlilna qlubna.  Il-Verġni Marija tgħinna biex nafdaw f’Ġesù, il-pedament sod ta’ ħajjitna, u biex nipperseveraw bil-ferħ fl-imħabba tiegħu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Nixtieq nesprimi s-sogħba tiegħi għall-attakki terroristiċi li tard il-Ġimgħa ħammru bid-demm lil Franza u ħallew għadd kbir ta’ vittmi.  Lill-President tar-Repubblika Franċiża u liċ-ċittadini kollha nesprimi l-kondoljanzi fraterni tiegħi.  Inħossni qrib partikolarment tal-familji ta’ dawk li tilfu ħajjithom u qrib ukoll il-feruti.

Tant kefrija tnissel fina l-biża’ u nistaqsu llilna nfusna kif tista’ l-qalb tal-bniedem toħloq u twettaq ħwejjeġ tant terribbli, li nikktu mhux biss ‘il Franza imma lid-dinja kollha.  Quddiem atti bħal dawn, ma nistgħux ma nikkundannawx dan l-affront indeskrivibbli lid-dinjità tal-persuna umana.  Irrid nafferma mill-ġdid u bil-qawwa li t-triq tal-vjolenza u tal-mibgħeda ma ssolvix il-problemi tal-umanità u, li tuża isem Alla biex tiġġustifika dawn l-atti hija dawgħa!

Nistedinkom tingħaqdu miegħi fit-talb: inħallu f’idejn il-ħniena t’Alla l-vittmi innoċenti ta’ din it-traġedja.  Jalla l-Verġni Marija, Omm il-Ħniena, tqanqal fil-qlub ta’ kulħadd ħsibijiet ta’ għaqal u proposti ta’ paċi.  Lilha nitolbuha tipproteġi u tħares lill-għażiż nazzjoni Franċiż, l-ewwel bint tal-Knisja, lill-Ewropa u d-dinja kollha.  Ilkoll flimkien nitolbu fis-skiet u mbagħad ngħidu l-Ave Marija.

(Sliem għalik Marija ......)

Ilbieraħ fi Três Pontas, fl-Istat ta’ Minas Gerais, fil-Brażil, ġie dikjarat beatu Don Francisco de Paula Victor, saċerdot Brażiljan ta’ oriġini Afrikana, iben skjava.  Kien kappillan ġeneruż u ħawtiel fil-katekeżi u fl-amministrazzjoni tas-sagramenti, kien iddistingwa ruħu l-aktar minħabba l-umiltà kbira tiegħu.  Jalla x-xhieda straordinarja tiegħu tkun mudell għal ħafna saċerdoti msejħin biex ikunu qaddejja umli tal-poplu t’Alla.

Insellem lilkom ilkoll, familji, parroċċi, assoċjazzjonijiet u fidili individwali li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Partikolarment insellem lill-pellegrini li ġew minn Granada, Málaga, Valencia u Murcia (Spanja), San Salvador u Malta; l-assoċjazzjoni “Accompagnatori Santuari Mariani nel Mondo” u l-Istitut Sekulari “Kristu Re”.

Lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber